Invisible Influences

INFLUWENZI INVIŻIBBLI

It-Torċa, 19.05.2024 | Imam Laiq Ahmed Atif – amjmalta@gmail.com

Kif qal Aristotli, “Il-bniedem hu annimal soċjali”; jiġifieri, il-bniedem ma jistax jgħix waħdu f’iżolament jew f’solitudni. Il-bnedmin kollha jiddependu minn xulxin biex jissodisfaw il-bżonnijiet tagħhom. Jiddependu fuq xulxin biex jaqsmu l-ħsibijiet u s-sentimenti tagħhom. Mhux maħsub biex il-bnedmin jgħixu waħedhom.

Din il-frażi tintuża biex tenfasizza kif il-formazzjoni tar-relazzjonijiet hija fundamentali għan-natura umana, u n-nies huma annimali soċjali li jiddependu fuq xulxin u li jiffurmaw rabtiet soċjali. In-natura soċjali tagħna hija importanti wkoll għall-evoluzzjoni tagħna, l-iżvilupp tal-komunitajiet tagħna, u l-abbiltà tagħna li naddattaw biex ngħixu f’ambjenti differenti.

Għalhekk, meta l-bnedmin jinteraġixxu ma’ xulxin fuq bażi ta’ kuljum, huma jħallu impatt profond fuq il-ħajja ta’ xulxin.

Għalhekk, meta ngħixu fis-soċjetà, ma’ nies ta’ ħsibijiet u fehmiet differenti, ħafna drabi dawn il-ħsibijiet u fehmiet jaffettawna u jinfluwenzawna b’mod awtomatiku u inviżibbli li saħansitra ma nindunawx bihom. F’ħajjitna hemm ħafna influwenzi inviżibbli li jħallu impatt kbir fuq ħajjitna u l-formazzjoni tal-karattru tagħna.

Influwenza ipnotika

Ħafna drabi dawn l-influwenzi inviżibbli jħallu influwenza ipnotika li l-persuna ma tkunx konxja tagħha. Ma jingħata ebda argument u lanqas ma jsir appell, iżda l-preżenza ta’ influwenzi li jiġġeneraw l-ideat hija ċerta tabilħaqq.

Dan jeħtieġ xi spjegazzjoni biex nifhmu sew dan il-punt. Pereżempju, ejja ngħidu li jkun hemm persuna deċenti li tgħix fil-viċinanzi  ta’ disgħa oħrajn li mhumiex daqshekk deċenti u huma jaħbu l-ħsibijiet tagħhom f’qalbhom u ma juruhomx lil din il-persuna deċenti, u f’dak il-każ irawmu l-ħsieb ħażin mingħajr ebda komunikazzjoni ċara. Fi żmien qasir dik il-persuna deċenti tibda tħoss l-influwenza ħażina.

Dan ifakkarni fi storja ta’ student li darba kiteb lill-Mexxej tal-Komunità Ahmadiyya li moħħu kien qed jiġi affettwat minn ħsibijiet anjostiċi. Huwa kitiblu lura li għandu jibdel is-​siġġu tiegħu fil-​klassi u joqgħod ’il bogħod minn sħabu tal-​klassi li poġġew qrib tiegħu. Il-bidla ġabet il-fejqan għall-anjostiċiżmu tiegħu u mill-ġdid beda jemmen f’Alla u r-relazzjoni tiegħu ma’ Alla ssaħħet.

Kif ġara hekk? Għaliex sar hekk? Ma kien l-ebda argument u diskussjoni bejniethom, iżda l-ħsibijiet mhux espressi kienu qed jiġu kkomunikati b’xi mod misterjuż li affettwaw lill-istudent u ħallew effett kbir fuq il-fehma tiegħu.

Il-ħsibijiet huma bħal mewġ

Il-ħsibijiet huma bħal mewġ u għandhom qawwa tagħhom stess; kif il-mewġiet jimxu minn naħa għal oħra u viċiversa, bl-istess mod il-ħsibijiet tal-bnedmin jgħaddu minn moħħ għal ieħor, mill-persuna għal oħra.

It-Tieni Kalif tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana spjega dan b’mod tajjeb ħafna, u ppreżenta xi eżempji kif il-ħsibijiet jimxu minn naħa għal oħra u minn moħħ għal ieħor.

Anke nsibu dan fl-annimali. Huwa veru li l-annimali jikkomunikaw mingħajr kliem jew sinjali. Ħa jinġabru flimkien erba’ jew ħames iljuni, dak li se jkun il-kbir jew l-aktar b’saħħtu se jibqa’ wieqaf bħala l-kaptan; u l-oħrajn se jkunu niżlu dniebhom u telqu. Jekk il-laħam jintrema fuqhom, ħadd ma jiekol ħlief l-aktar b’saħħtu; il-bqija se joqogħdu jistennew bħallikieku paralizzati b’xi biża’ sigriet.

Għaliex jiġri hekk? Dan jiġri minħabba influwenza inviżibbli u minħabba komunikazzjoni b’raġġi minn moħħ għal ieħor. L-influwenza u l-effett tal-ikbar fosthom iħalli impatt kbir fuqhom, anke jekk ma kienx hemm ebda komunikazzjoni bi kliem jew sinjali.

L-influwenza tas-soċjetà u l-ambjent

L-influwenza tas-soċjetà, il-kumpanija u l-ambjent li fih ngħixu hija realtà vera u ħadd ma jista’ jiċħadha. Meta l-bniedem jgħix fis-soċjetà, fil-kumpanija u f’ambjent partikolari, bil-mod il-mod l-effett tagħhom jibda jinħass fuqu u jibda jidher fuqu l-effett tal-morali, id-drawwiet u l-attitudnijiet ta’ dawk in-nies u s-soċjetà.

Huwa minnu li meta persuna tidħol fi kwalunkwe post ta’ qima, mill-ewwel tinħass fiha bidla pożittiva u l-bniedem jibda jħossu tajjeb spiritwalment u moralment u dan jixhed anke fuq wiċċ il-bniedem. Dan kollu jsir anke mingħajr ebda diskors u ħadd ma jiġbed l-attenzjoni tiegħu dwar kif għandu jibqa’ hemm. Dan juri kif l-ambjent iħalli effett inviżibbli fuq il-bniedem.

L-istampa titkellem volumi

Bl-istess mod, xi kultant naraw xi ritratt jew stampa li jsaħħru l-għajnejn tal-persuna u jħallu effett kbir fuq in-natura tiegħu. Għalkemm l-istampa jew ir-ritratt ma jesprimu jew jgħidu xejn; iżda l-effett tagħhom huwa tant kbir li jingħad li ħafna drabi l-istampa ‘titkellem volumi’.

Nixtieq nagħlaq b’żewġ kelmiet tal-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, li huma gwida ċarissma għalina u jitfgħu ħafna dawl fuq dan is-suġġett importanti, u jgħallmuna wkoll kif nistgħu nipproteġu lilna nfusna minn kull tip ta’ perikli u influwenzi inviżibbli jekk huma ħżiena, u kif nistgħu ntejbu lilna nfusna permezz ta’ dawn l-influwenzi inviżibbli pożittivi.

Il-bejjiegħ tal-fwieħa u n-neffieħ tan-nar

Il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, qal: “Il-każ ta’ kumpann twajjeb u dak ta’ kumpann ħażin jixbah lil ta’ dak li jġorr il-fwieħa u dak li jonfoħ fl-ifran. Il-bejjiegħ tal-fwieħa jista’ jagħtik ftit bħala rigal, jew inti tista’ tixtri mingħandu, jew għall-inqas tista’ xxomm xi fwejjaħ tiegħu. Mentri l-ieħor, jista’ jqabbadlek ħwejġek bin-nar, jew inti faċilment tista’ xxomm l-arja mniġġsa li toħroġ mill-forn.”

Huwa kompla jgħid: “Persuna għandha ħabta li ssegwi t-twemmin ta’ ħabib, għaldaqstant oqogħdu attenti ma’ min tagħmluha.”

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya Malta, Ahmadiyya: The True Islam and tagged , , , , , , , , . Bookmark the permalink.

Leave a comment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.