Il-Blasfemija u l-Iżlam

Il-Blasfemija u l-IzlamSource: It-Torca, 18 ta’ Jannar 2015, (Laiq Ahmed Atif) 

It-tolleranza, l-armonija, l-imħabba, l-unur, u r-rispett lejn oħrajn huma valuri sodi u tajba ħafna. Dawn il-valuri huma l-bażi ta’ soċjetà armonjuża. Sfortunatament naraw li hemm nies li ma jurux imħabba, affezzjoni u rispett reċiproku. Xi drabi naraw li dan in-nuqqas ta’ rispett jidher ukoll kontra personaġġi reliġjużi ta’ reliġjonijiet differenti. Minħabba dan, hemm nies li jieħdu l-liġi f’idejhom u jgħidu li dawk li ma jirrespettawx lin-nies reliġjużi għandhom jiġu kkastigati, u hemm li jemmnu li l-kastig tal-blasfemija huwa l-piena tal-mewt.

Kull sena naraw kif xi nies jiġu akkużati b’dawn l-allegazzjonijiet ta’ blasfemija u naraw kif xi wħud minnhom saħansitra anke jiġu attakkati u maqtula. Dawn l-inċidenti jseħħu l-aktar f’pajjiżi bħas-Sudan, l-Iran, is-Sirja u l-Pakistan fost l-oħrajn.

Riċenti, folla kbira ta’ nies inġabru u sawtu koppja Nisranija għax skonthom, dil-koppja  ħarqet xi paġni mill-Koran, u fl-aħħar ramewhom fi brick kiln u ħarquhom fin-nar. Fl-2010, Asia Bibi, mara Nisranija u omm ta’ ħamest itfal ġiet akkużata bl-akkużi ta’ blasfemija u ngħtatat is-sentenza tal-mewt. F’Lulju rajna li fil-Guġranwala, fil-Pakistan, folla kbira ta’ nies attakkat id-djar ta’ membri tal-Komunità Ahmadija Musulmana u qatlu erba’ persuni inkluż tlett itfal, waqt li omm tqila tilfet li wildha f’ġufha b’konsegwenza tal-attakk.

Dawn huma ftit minn ħafna inċidenti sfortunati li seħħew dan l-aħħar. Jien nikkundana dawn inċidenti kollha u kull inċident simili. Meta wieħed janalizza dawn l-inċidenti jsib li ħafna drabi dawn l-akkużi jkunu foloz, għajr għal vendetta personali. Nappella lill-awtoritajiet biex dawk ħatja mill-qtil, jidhru quddiem il-ġustizzja sabiex jiġu kkastigati għall-atti barbari tagħhom.

Inħoss li dan huwa wkoll id-dmir tiegħi biex nispjega x’jgħid l-Iżlam dwar il-blasfemija u kif irreaġixxa l-Qaddis Profeta Muħammad (paċi tkun miegħu) għal atti ta’ blasfemija li seħħu fuqu.

Fil-qosor, m’hemmx kastig uman fl-Iżlam għal min jidgħi. L-ebda kastig ma jinsab fil-Koran Imqaddes, jew f’xi waħda mit-tradizzjonijiet tal-Qaddis Profeta Muħammad. L-Iżlam jippromwovi r-rispett kbir għar-reliġjonijiet kollha u għall-Fundaturi, għall-Kotba, għad-drawwiet u għat-tradizzjonijiet reliġjużi tagħhom. L-Iżlam jippromwovi l-armonija, it-tolleranza u l-ħbiberija fost is-segwaċi tar-reliġjonijiet differenti f’ġieħ il-paċi fis-soċjetà u ma jsemmi l-ebda kastig għal min jidgħi minkejja l-fatt ta’ offiża li tista’ tweġġa’ lil dawk li jemmnu.

Il-Koran Imqaddes isemmi li din il-kwistjoni tal-blasfemija mhix xi fenomenu ġdid, u juri b’mod ċar li l-profeti u l-messaġġiera kollha ta’ Alla kienu ppersegwitati, imweġġgħin, abbużati, redikolati u mżebilħa mhux biss matul ħajjithom iżda wkoll wara mewthom. “Jaħasra l-qaddejja! Ma jiġix għalihom Messaġġier li ma jiddiħkux bih.” (Il-Koran, 36:31)

Naturalment wieħed jistaqsi: X’kienet ir-reazzjoni tal-profeti quddiem il-blasfemija? Fil-Koran Imqaddes Alla jgħid li: “Tabilħaqq kien hemm Messaġġiera qablek li ġew miċħuda; iżda minkejja li kienu miċħuda u ppersegwitati huma wrew paċenzja, sa ma ġiethom l-għajnuna tagħna. M’hemm xejn li jista’ jbiddel il-Kliem ta’ Alla.” (Il-Koran, 6:35)

Din il-blasfemija saret ukoll kontra l-Qaddis Profeta Muħammad. Kien ukoll ittorturat fiżikament, ippersegwitat u mżeblaħ. Kien hemm mara li kienet twaddablu ż-żibel ta’ kuljum kull meta kien ikun fi triqtu lejn il-moskea biex jitlob. Meta mar il-belt ta’ Taif biex jgħaddilhom il-messaġġ ta’ Alla, kien imħaġġar minn vagabondi u xxellerati, u ġrew warajh it-tfal tat-triq u ssuttawh sakemm iċ-ċangaturi tal-art saru ħomor b’demmu. U fuq l-art tal-battalja ta’ Uħud il-Profeta Muħammad kien ferut serjament. In-nies ta’ Mekka ta’ spiss waddbu ż-żibel lejn il-Profeta Muħammad. Darba minnhom meta kien qed jitlob fil-Kaaba, tefgħu l-imsaren ta’ ġemel fuq dahru.   

Is-segwaċi tiegħu kienu ppersegwitati severament u l-art tal-Arabja djieqet u saret saffokanti. Tħallew barra fix-xemx tisreġ, tqiegħed ħaġar jaħraq fuq sidirhom, tkaxkru mat-toroq bħal karkassi ta’ annimali mejta u mobbli oħra, kienu bbojkottjati soċjalment u mġiegħla jgħixu f’wied għal tliet snin mill-iktar twal u iebsa. Kienu mċaħħda mil-libertà, mill-propjetà u minn ħwejjiġhom. L-iġsma tagħhom tqattgħu u tferrxu ma’ kullimkien; il-fwied taz-ziju tal-Profeta saħansitra ġie mittiekel. Nisa tqal kienu mitfugħa minn fuq l-iġmla.

Il-Koran Imqaddes jiddikjara: “Tabilħaqq, dawk li jċanfru lil Alla u ’l-Messaġġier Tiegħu – Alla jisħethom f’din id-dinja u fl-Oħra, u ħejja kastig għalihom li jbaxxihom.” (Il-Koran, 33:58)

Kemm jispjega b’mod ċar il-Koran li Alla biss għandu l-awtorità li jikkastiga lil dawk li jidgħu kontra Alla u l-Profeti Tiegħu. Alla ma ppermetta lil ħadd, lanqas lill-Profeta Muħammad biex jikkastiga lil dawn in-nies.

Sfortunatament, ħafna nies madwar id-dinja, inkluż ħafna Musulmani,  jemmnu li l-blasfemija hi att li għandu jiġi kkastigat fid-dinja, u li l-Musulmani għandhom id-dmir li jikkastigaw liż-żeblieħa u lill-blasfemi. Jemmnu li jekk xi ħadd jitkellem kontra Alla, il-Profeta  Muħammad, il-Koran u l-Iżlam għandu jiġi kkastigat bil-piena tal-mewt.

Iżda, ir-realtà hi kompletament differenti minn dawn il-kunċetti, u l-Iżlam ma jitkellem imkien dwar kastigi ta’ din id-dinja diretti lejn il-blasfemija. L-ebda mewt jew kastig ieħor. Anke, il-Profeta Muħammad għamilha assolutament ċara li m’hemm l-ebda kastig ta’ din id-dinja għall-blasfemija u li din il-kwistjoni hi f’idejn Alla biss. U f’ħajtu kollha qatt ma ta l-ebda kastig li għamel blasfemija miegħu, barra dan, ħafrilhom u wera mħabba u simpatija lejhom.

Ħafer lil dawk li ttorturawh fil-belt ta’ Taif, ħafer lil Ħinda li ċarrtet sider zijuh, lil Ħabbar li qatel numru ta’ Musulmani inkluż il-qtil ta’ bintu; ħafer ukoll lil dawk li poġġewlu l-imsaren ta’ ġemel fuq dahru meta kien qiegħed jitlob. Ma kkastigax lanqas lill-mara Lhudija li tefgħetlu l-valenu fil-laħam biex toqtlu, fost l-oħrajn.

Dan kienet ir-reazzjoni u t-tweġiba tal-Qaddis Profeta Muħammad lejn dawk li kienu jużaw, b’mod aħrax, il-blasfemija fil-konfront tiegħu. Hu kien raġel ta’ ħniena kbira, bniedem ta’ prinċipju u bniedem li għex ħajja msejsa fuq il-verità u xejn inqas mill-verità. It-tagħlim tal-Koran u l-ħajja tal-Profeta Muħammad iwaqqgħu l-ideat żbaljati u n-nuqqas kollu ta’ ftehim li hemm fuq jekk il-blasfemija għandhiex tkun ikkastigata jew le mill-bniedem jew mill-istat; u tħalli l-awtorità kollha f’idejn Alla u din hi realtà suprema u kmandament ta’ Alla, u nemmen li “m’hemm xejn li jista’ jbiddel il-Kliem ta’ Alla”.

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.org.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: 356-79320139 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya Muslim Jamaat Malta, Ahmadiyya: The True Islam, Harmony, Holy Prophet Muhammad, Interfaith dialogue, Jihad and tagged , , , . Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s