Il-21 ta’ Marzu huwa kkommemorat kull sena bħala l-Jum Internazzjonali dwar l-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni razzjali bħala parti mill-kampanja tal-Ġnus Magħquda li tippromwovi l-armonija razzjali u l-ugwaljanza.
Il-qafas u s-sovrastruttura tat-twemmin Iżlamiku huma bbażati fuq prinċipju wieħed kardinali, il-prinċipju tal-unità tal-Ħallieq u tal-unità tal-umanità li Huwa stess ħoloq. Dan il-prinċipju uniku u effettiv jiġi mħeġġeġ b’manjiera distintiva ta’ mħabba u għożża reċiproka, solidarjetà umana, tolleranza u armonija fis-soċjetà. Dan it-tagħlim universali u profond tal-Iżlam huwa intenzjonat li joħloq kultura umana universali. Il-Koran Imqaddes jiddikjara:
“Ja bnedmin, aħna ħloqniekom minn raġel u mara; u qassamniekom fi tribujiet u fi tribujiet iċken ħalli ssiru tafu lil xulxin. Tabilħaqq, l-aktar nobbli minnkom quddiem Alla huwa dak l-aktar devot fostkom.” (49:14)
Il-messaġġ ta’ dan il-vers huwa ċar. M’hemm l-ebda klassijiet soċjali jew supremazija razzjali, iżda n-nies kollha huma ugwali, mingħajr l-ebda diskriminazzjoni jew distinzjoni. Ir-razza sħiħa umana mhix ħlief familja waħda.
Il-Qaddis Profeta Muħammadsa nieda digriet qawwi dwar l-ugwaljanza u l-armonija razzjali fl-aħħar prietka tiegħu tul l-Aħħar Pellegrinaġġ tiegħu f’Mekka. Huwa stqarr:
“Nies, dak li qed ngħidilkom, tridu tisimgħuh u tiftakruh. Alla għamilkom aħwa ta’ xulxin, għaldaqstant tkunux mifrudin. Kollha kemm intom ugwali. Il-bnedmin kollha, ta’ nazzjonijiet u tribujiet differenti, u ta’ pożizzjonijiet fil-ħajja diversi, huma kollha l-istess.
Bħalma s-swaba’ taż-żewġ idejn huma l-istess, hekk il-bnedmin huma ugwali għal xulxin. Ħadd m’għandu d-dritt, jew superjorità, fuq ħaddieħor. Intom kollha bħal aħwa.
Dak li qed nordnalkom illum ma jgħoddx biss għal-lum. Jgħodd għal dejjem. Intom mistennija li tiftakru dan u taġixxu fuqu sakemm titilqu minn din id-dinja u tmorru fl-oħra biex tiltaqgħu mal-Ħallieq tagħkom.
Dak li għedtilkom, għandkom twassluh sat-truf tal-art. Forsi dawk li ma semgħunix jibbenefikaw minnu aktar minn dawk li semgħu.”
Dan il-messaġġ ta’ armonija razzjali, ugwaljanza u fraternità umana ngħata aktar enfasi mill-Fundatur tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana, Ħażrat Mirża Ghulam Aħmad, il-Messija Mwiegħed u Maħdias, li jikteb:
“Jekk tixtiequ li Alla jkun kuntent bikom fis-smewwiet, ingħaqdu flimkien daqslikieku kontu aħwa mweldin mill-istess omm. Dak li jaħfer l-aktar it-trasgressjonijiet ta’ ħuh ikun l-aktar nobbli fostkom. Sfortunat ikun dak li jwebbes rasu u ma jaħfirx.” (Kashti Nuh, p. 21)
Ejja naħdmu id f’id, u ningħaqdu kontra kull tip ta’ diskriminazzjoni biex nibnu b’mod effettiv dinja aħjar – dinja ta’ unità, ugwaljanza, armonija u fraternità.
By: Imam Laiq Ahmed Atif, published in ‘Id-Dawl’ February 2019.