L-Isis, l-iskjavitù u l-Iżlam!

L-Isis, l-iskjavitù u l-Iżlam! TorċaCredit: It-Torċa, Il-Ħadd 29 ta’ Marzu 2015, minn: Laiq Ahmed Atif

L-organizzazzjoni estremista magħrufa bħala ISIS qed taħtaf nies bħala skjavi. Il-mexxej tagħha jgħid li jrid jagħmel lill-Musulmani s-sidien tad-dinja kollha u lil dawk li mhumiex Musulmani jagħmilhom skjavi jew ikunu l-‘propjetà’ tal-Musulmani. Jemmen li għandhom jitneħħew id-drittijiet tan-nisa li jappartjenu għal reliġjonijiet jew setet oħra; li dawn jitrażżnu u jsiru konkubini (skjavi) u jġagħluhom isiru n-nisa tagħhom.

L-ewwel u qabel kollox, l-Iżlam ma jippermittix gwerra offensiva f’isem ir-reliġjon. F’Kapitlu 22, versi 40-41, tal-Koran Imqaddes, Alla jistqarr li l-permess għal gwerra difensiva ngħata l-għaliex kieku l-Musulmani ma ddefendewx lilhom infushom meta kienu attakkati, il-paċi fid-dinja kollha kienet tkun f’periklu kbir.

Fid-dawl ta’ dan kollu, tistgħu taslu biex tifhmu kemm huma kompletament żbaljati l-hekk imsejħa Musulmani tal-lum meta jsostnu li huwa permissibbli li jinqatlu dawk li mhumiex Musulmani, li jitteħdulhom artijiethom jew li jinqabdu priġunieri. Ir-realtà hija li l-Iżlam huwa dak it-twemmin li jiggarantixxi d-dritt ta’ kull individwu li jgħix fil-libertà u l-ħelsien. U l-Iżlam huwa dik ir-reliġjon li ggarantiet id-dritt ta’ kull individwu li jgħix fil-paċi u fl-armonija, tkun xi tkun il-fidi jew l-isfond ta’ ħajja tiegħu.

L-Iżlam jitkellem ċar u tond dwar ir-regoli ta’ gwerra. F’Kapitlu 5, vers 9, Alla jgħallem lill-Musulmani biex dawn jaġixxu b’onestà u b’ġustizzja, anke fi stat ta’ gwerra. Alla jgħid li l-ostilità ta’ nazzjon jew poplu qatt ma għandha twassal Musulman biex jaġixxi b’mod inġust għax dak imur kontra l-onestà.

F’Kapitlu 8, vers 68, Alla jgħid li mhux sewwa li jinżammu priġunieri jekk ma jkunx hemm stat ta’ gwerra l-għaliex jekk jiġri hekk mela dan ikun qed isir biss minħabba l-ġid u l-poter u mhux għall-imħabba ta’ Alla. Għaldaqstant, dan juri biċ-ċar li fi żmien ta’ paċi mhuwiex aċċettabbli li jinżammu nies priġunieri, iżda llum qed naraw lil dawn l-hekk imsejħa ‘Iżlamisti’ li qed jaħtfu bil-forza għadd kbir ta’ nies innoċenti u fl-istess waqt qed iġagħlu nisa bla difiża biex ikunu l-konkubini tagħhom.

F’Kapitlu 47, vers 5 tal-Koran Imqaddes, Alla s-Setgħani stqarr li l-priġunieri tal-gwerra għandhom jinħelsu mat-tmiem tal-gwerra nnifisha. F’dan il-vers, Alla jkompli jgħid li dawn għandhom jinħelsu għal somma ta’ flus jew ikun ferm aħjar jekk jinħelsu bħala att ta’ ħniena jew bħala favur. Għaldaqstant, meta tispiċċa l-gwerra l-priġunieri għandhom jinħelsu u dan japplika kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa. Dwar il-ħlas ta’ flus biex jinħeles priġunier, f’Kapitlu 24, vers 34, il-Koran isostni li jekk persuna ma tkunx tiflaħ tħallas biex jinħeles priġunier mela wieħed għandu jaċċetta l-ħlas bin-nifs u jillibera lil dik il-persuna.

Dan l-aħħar, fil-midja rajna wkoll li l-Isis ħatfu xi nies u biex eventwalment qatluhom, kiesaħ u biered. Irrid ngħmilha ċara, li skont it-tagħlim Iżlamiku l-priġunier tal-gwerra ma jistax jiġi maqtul, aħseb u ara, dawk mhux involuti fl-ebda gwerra li ġew maqtula mill-Isis b’dal-mod għall-ebda ġustifikazzjoni. Dak kollu li għamlu ma’ dawk in-nies li ġew maħtufa minnhom, huwa kompletament kontra t-tagħlim Iżlamiku. Barra minn hekk, l-Iżlam jgħid li l-Musulmani għandhom jagħmlu ġustizzja mal-priġunieri u juru ħniena lejhom.

L-Iżlam ta rispett kbir lill-ilsira u fetaħ il-bibien sabiex wieħed ikun jista’ jikseb il-ħelsien u biex jipproteġi l-libertà ladarba dan jintlaħaq. Il-Profeta Muħammad mill-bidu nett enfasizza li l-ilsira jiġu ttrattati bl-imħabba u l-ħniena, u biex jiġu mogħtija l-ħelsien. L-Iżlam jgħid li meta xi ħadd jagħti l-libertà lil xi skjav dan huwa għemil għani. Il-Koran jgħid:

“U wrejnieh iż-żewġ triqat (dik it-tajba u l-oħra l-ħażina). Aħjar għalih kieku tela’ l-iebsa (tal-għemejjel tajba). U x’inhu li jgħarrfek x’inhi t-telgħa l-iebsa? (Hija) il-ħelsien ta’ lsir, ….” (90:11-14)

Il-Qaddis Profeta Muħammad kien dejjem ħerqan dwar il-kondizzjoni tal-iskjavi, u kien jgħid:

“L-ilsira huma ħutkom. Jekk xi ħadd minnkom għandu xi lsir, allura għandu jagħtih l-istess l-ikel li jiekol hu, u l-istess libsa li jilbes hu. Tagħtuhomx ix-xogħol l-iebes, u għandkom dejjem tgħinuhom f’xogħolhom.”

Il-Qaddis Profeta Muħammad kien jgħid li “Alla se jaħfer u jsalva mill-infern lil dak il-Musulman li jagħti l-ħelsien u l-libertà lil skjav.” U l-aħħar kliem ta’ ħajtu kienu li l-Musulmani għandhom dejjem iqimu lil Alla, isegwu t-tagħlim ta’ Alla u jittrattaw lill-ilsira bi ħniena u mħabba.

Wara dan it-tagħlim ċar bħal kristall, kif jista’ jkun li l-Isis jiġġustifikaw l-atti barbari tagħhom? L-Iżlam jemmen fid-dinjità umana, fl-imħabba u l-ħniena. Għalhekk, il-Komunità Aħmadija Musulmana tippromovi u tipprattika l-motto tagħha li huwa: “Imħabba għal kulħadd, mibegħda għal ħadd.”

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.org.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: 356-79320139 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya Muslim Jamaat Malta, Ahmadiyya: The True Islam, Islam stands for peace!, Muhammad, The Holy Quran - A Guidance for all mankind and tagged , , . Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s