M’hemmx sfurzar fir-Reliġjon!
Source: It-Torca | Sunday 6 September 2015 | by Laiq Ahmed Atif
Id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet Umani tal-Ġnus Magħquda f’Artiklu 18 jinqara hekk: “Kulħadd għandu l-jedd għal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon; dan il-jedd iħaddan il-libertà li wieħed ibiddel ir-reliġjon jew il-konvinzjoni tiegħu u li jkun ħieles, kemm waħdu kif ukoll ma’ oħrajn, fil-beraħ jew fil-privat, jistqarr ir-reliġjon jew il-konvinzjoni tiegħu fit-tagħlim, fl-għemejjel, fil-qima u fil-ħarsien tagħhom.”
Alla pprovda lill-bniedem il-mezzi kollha li bihom jista’ jsib il-mogħdija ġusta, u ġie mżejjen b’għajnejn kemm spiritwali kif ukoll fiżiċi ħalli jkun jista’ jagħraf bejn it-tajjeb u l-ħażin. Madankollu, Alla ħalla l-għażla tat-tiftix tat-triq f’idejn il-bniedem, skont ir-rieda ħielsa tiegħu, mingħajr l-ebda sfurzar. Alla jgħid fil-Koran Imqaddes: Aħna ma tajniehx żewġ għajnejn, u lsien u żewġ xofftejn? U Aħna wrejnieh iż-żewġ toroq prinċipali tat-tajjeb u l-ħażin. (90:9-11) Aħna wrejnieh it-Triq, minkejja li jista’ jkun grat jew ingrat. (76:04)
Madankollu, huwa allegat li fil-bidu l-Iżlam infirex taħt id-dell tax-xabla, li kienet tintrefa’ kontra kull individwu li kien jirrifjuta li jħaddan l-Iżlam, u li l-Musulmani kellhom imponuta fuqhom obbligazzjoni reliġjuża li jikkonvertu n-nies għall-Iżlam bis-setgħa tax-xabla.
Biex nifhmu dan il-punt, huwa meħtieġ li nistudjaw it-tagħlim ippreżentat mill-Iżlam dwar l-isfurzar fi kwistjonijiet reliġjużi. Fi kliem ieħor, huwa aċċettat – fid-dawl tat-tagħlim Iżlamiku – li n-nies jiġu kkonvertiti għall-Iżlam bil-forza, u li l-Iżlam għandu jixtered bl-użu tax-xabla?
L-Iżlam ma jippermettix l-użu tal-forza bħala strument għat-tixrid tal-Messaġġ tiegħu. Huwa jiddikjara: ‘M’għandu jkun hemm l-ebda sfurzar fil-kwistjoni tar-reliġjon’ (2:257).
Għaldaqstant m’hemm bżonn ta’ ebda ġegħil. Inħallu f’idejn il-bniedem biex jiddetermina fejn tinsab il-verità. Waqt li indirizza l-Fundatur Qaddis tal-Iżlam, Alla wissieh ċar u tond biex ma jsegwi l-ebda idea ta’ forza fit-tentattiv tiegħu li jirriforma s-soċjetà. Il-pożizzjoni tiegħu bħala riformatur hija mfissra b’mod espliċitu ħafna fil-versi li ġejjin:
“Għalhekk wissihom, għaliex inti m’intix ħlief il-wissej; inti m’għandek l-ebda awtorità biex tikkostrinġihom (88:22-23). Mhijiex ir-responsabbiltà tiegħek li ġġagħalhom jimxu fit-triq it-tajba; iżda Alla jiddirieġi lil min jixtieq Hu (2:273). Iżda jekk jitilqu ’l hemm, Aħna ma bgħatniekx bħala għassies fuqhom. Id-dmir tiegħek huwa li twassal il-Messaġġ. Ħalli f’idejn Alla biex jagħmel il-Messaġġ effettiv” (42:49).
Aktar minn hekk, Alla s-Setgħani jagħmilha kompletament ċara li jekk l-isfurzar ikollu jsir permessibbli fil-kwistjonijiet ta’ fidi, mela għalfejn Alla jkun ħalla l-affarijiet f’idejn in-nies, meta Huwa stess seta’ jisforza lin-nies biex jemmnu fir-reliġjon? Alla jistqarr li l-introduzzjoni tal-prinċipju tal-isfurzar fir-reliġjon qatt ma kienet parti mill-pjan tiegħu, u Huwa qatt ma ppermetta l-ebda konnessjoni bejn ir-reliġjon u l-kostrinġiment. Alla s-Setgħani jgħid:
“U jekk il-Mulej tagħkom kellu jimponi r-rieda Tiegħu, ċertament li dawk kollha li jinsabu fuq din l-art kienu jemmnu lkoll flimkien. Allura inti se ġġiegħel lill-bnedmin biex isiru kredenti?” (10:100)
U għidu, “Din hija l-verità mill-Mulej tagħkom; għalhekk ħallu lil dak li jrid, jemmen, u ħallu lil dak li jrid, ma jemminx” (18:30). Alla se jgħid: “Aħna żgur li wassalnielkom il-verità; iżda l-maġġoranza tagħkom kontu kuntrarju għall-verità.” (43:79)
Għidu, “O ja infidili! ‘Jiena ma nadurax dak li inti tadura’; ‘U lanqas tadura inti dak li nadura jien.’ ‘U jiena m’iniex se nadura dak li tadura inti’; ‘U inti m’intix se tadura dak li nadura jien. Għalik ir-reliġjon tiegħek, u għalija r-reliġjon tiegħi.” (109:1-7)
Jekk Alla Nnifsu ma jisfurzax lin-nies biex jemmnu, min aħna biex ngħollu x-xabla ħalli nġagħlu lill-oħrajn jemmnu?
Il-Qaddis Profeta Muħammad ippreżenta Dokument ta’ Libertà lill-Monasteru ta’ Santa Katarina fuq il-Muntanja Sinaj fis-sena 628, is-sitt sena tal-Ħeġira. Dak id-Dokument huwa, probabbli, l-aqwa eżempju tax-xewqa tiegħu għal-libertà tal-fidi u paċi interreliġjuża. Dan id-dokument monumentali qatt ma kien hemm bħalu qabel fl-istorja tal-umanità. Xi siltiet minn dan id-dokument huma kif ġej:
“Jiena nwiegħed li kull raħeb jew vjaġġatur li jfittex l-għajnuna tiegħi fil-muntanji, fil-foresti, deżerti jew abitazzjonijiet, jew postijiet ta’ adorazzjoni, jiena nbiegħed lill-għedewwa tiegħu bis-saħħa tal-ħbieb u l-ajjutanti tiegħi, tal-qraba kollha tiegħi u dawk kollha li jistqarru li se jsegwuni u niddefendihom, il-għaliex huma l-konvenzjoni tiegħi.
“L-ebda isqof mhu se jitkeċċa mill-veskovat tiegħu, l-ebda patri mill-monasteru tiegħu, l-ebda qassis mill-post ta’ adorazzjoni tiegħu, u l-ebda pellegrin mhu se jitwaqqaf fil-pellegrinaġġ tiegħu. Lanqas waħda mill-knejjes tagħhom jew postijiet oħra ta’ qima mhu se tiġi mitluqa, jew meqruda jew imġarrfa.
“Kull għajnuna se tingħata lilhom għat-tiswija tal-knejjes tagħhom. Se jkunu maħfura talli jilbsu l-armi. Se jkunu protetti mill-Musulmani. Araw li dan id-dokument jiġi onorat sa Jum il-Ġudizzju.”
Fil-qosor, l-Iżlam jissapportja l-libertà tal-fidi. It-tagħlim Koraniku jirribatti ċar u tond dawk l-allegazzjonijiet imqajma kontra l-Iżlam li jsostnu li dan jippermetti l-użu tal-forza, sfurzar u vjolenza f’isem ir-reliġjon, u li l-Iżlam inxtered bix-xabla u l-ġlied. Din l-allegazzjoni hija bla bażi mal-ewwel; il-pajjiżi, it-territorji u l-artijiet jistgħu jinħakmu bil-forza u l-popli jistgħu jiġu dominati u jsiru skjavi bix-xabla, iżda l-qlub qatt ma jistgħu jintrebħu bix-xabla. L-Iżlam rebaħ il-qlub tan-nies bis-saħħa tad-djalogu, tal-għarfien, tal-edukazzjoni, tal-persważjoni, tal-imħabba, tal-kompassjoni u bil-karattru nobbli u eżemplari tal-Qaddis Profeta Muħammad.
Ħażrat Mirża Taħir Aħmad, ir-Raba’ Kalif tal-Komunità Aħmadija Musulmana, jgħid: “L-ebda reliġjon b’messaġġ universali u ambizzjonijiet globali biex tgħaqqad lill-bniedem taħt bandiera waħda ma tista’ anke għal żmien qasir issostni l-idea li tuża l-forza biex ixxerred il-messaġġ tagħha. Ix-xwabel jistgħu jirbħu l-artijiet iżda mhux il-qlub. Il-forza tista’ tgħawweġ l-irjus iżda mhux l-imħuħ.”