Source/Credit: It-Torca, Sunday December 18, 2016. By Laiq Ahmed Atif
F’dawn il-ġranet tal-festi, ħafna minna jkunu okkupati b’ħafna affarijiet fosthom fix-xiri tal-ħwejjeġ u r-rigali għall-familji, il-ħbieb u l-qraba, u bil-pjanijiet ta’ kif se jiċċelebraw iż-żmien tal-festi flimkien, bil-ferħ u l-kuntentizza.
Verament huwa importanti li niċċelebraw il-festi u nieħdu gost, imma, jekk irridu nagħmlu dawn il-festi verament memorabbli, pjaċevoli u sodisfatti, huwa importanti li ma ninsewx lil dawk ħutna li huma inqas ixxurtjati fis-soċjetà tagħna u lil dawk l-anzjani li jgħixu fid-djar tax-xjuħ u mhux mal-familji tagħhom.
Għax, dawn in-nies li jgħixu fid-djar tax-xjuħ, aktarx ma għandhom lil ħadd madwarhom jgħid kelmtejn. Ħafna drabi l-anzjani jħossuhom solitarji u speċjalment f’dan iż-żmien ta’ ċelebrazzjonijiet. Xi drabi tmur għandhom u tgħid ftit kliem ħanin u sabiħ u tara t-tbissima u d-dawl tal-ferħ fuq wiċċhom. Xi drabi tilmaħ il-ferħ fit-tbissima tagħhom.
Għalhekk huwa ferm importanti li nersqu lejhom, nitkellmu magħhom, naqsmu xi mumenti fil-preżenza tagħhom u nippreżentawlhom xi rigali għall-festi. U għal dan ma għandniex il-bżonn tal-miljuni, imma għandna l-bżonn biss il-ftit tal-imħabba u s-simpatija għalihom f’qalbna. Jien ċert li meta niltaqgħu magħhom dan jagħtihom ħafna kurraġġ u sodisfazzjon kbir. Dawn il-passi żgħar jistgħu jagħmlu differenza kbira fil-ħajja tagħhom.
Is-sena l-oħra bqajt skantat u bla kliem meta rajt vidjo tar-reklam minn supermarket Ġermaniż Edeka li jirrakkonta l-istorja ta’ raġel anzjan li qatta’ Milied solitarju ripetutament għal ħafna snin, għax uliedu dejjem sabu xi skuża biex iżuruh. Jum wieħed bagħatilhom avviż li kien miet u anke tahom id-dettalji tal-funeral tiegħu. Meta wliedu qraw l-avviż marru għandu u meta waslu fid-dar tiegħu isibuh ħaj. B’hekk biss seta’ jġibhom qribu!
F’dak il-vidjo hemm messaġġ għal dawk li ma jagħtux l-kas lill-ġenituri u l-anzjani tagħhom, li huma għandhom bżonnhom.
Hawn niftakar fi tradizzjoni tal-Profeta Muħammad, is-sliem għalih. Hu qal li f’ Jum il-Ħaqq Alla se jikkonfrontakom u jgħidilkom li: “Kont marid u inti ma staqsejtx dwar saħħti”. Il-bniedem se jgħid: “O Alla Inti s-Sid tad-dinja kollha, u qatt ma timrad, u ma kellekx bżonn tal-għajnuna tagħna”. Alla se jgħid: “Le, wieħed mill-qaddeja Tiegħi kien marid u kellek tistaqsi dwar saħħtu u kont issibni hemm”. U wara dan se jkompli jafferma u se jgħid: “Kelli l-ġuħ u ma tajtnix ikel, kelli l-għatx u ma tajtnix ilma, ma kellix libsa u ma libbistnix”. U kull darba l-bniedem se jgħid: “O Alla Inti s-Sid tad-dinja kollha, għandek kollox, u ma kellekx bżonn tal-għajnuna tagħna”. Alla se jgħid: “Wieħed mill-qaddeja Tiegħi kellu bżonn ta’ dak”. U kull darba se jgħid: “Li kieku inti għamilt dan kollu, kont issibni hemm”.
Din it-tradizzjoni turi biċ-ċar, li jekk aħna rridu li nsibu lil Alla, il-Ħallieq tagħna u rridu relazzjoni personali miegħu, allura huwa importanti li aħna mmorru għand il-foqra u ngħinuhom, immorru għand xi ħadd li hu fil-bżonn u nieħdu ħsiebu, immorru għand xi ħadd li hu marid u nwennsuh, inżuru x-xjuħ u nqattgħu xi ħin magħhom.
Dawn l-anzjani u l-ġenituri li jgħixu fid-djar tax-xjuħ, meta kienu f’saħħithom dejjem għamlu minn kollox biex jgħinu lil uliedhom, issa meta huma fil-bżonn, huwa importanti li jsibu l-għajnuna. Għandna nkunu grati lejhom, għax “min ma jiżżix ħajr lin-nies, ma jiżżix ħajr lil Alla”.
Ir-reliġjonijiet kollha jgħallmuna dwar il-ħidma għall-ġenituri. Meta nistudjaw ir-reliġjonijiet il-kbar tad-dinja nsibu żewġ punti komuni ħafna fit-tagħlim tagħhom; l-imħabba u l-qima lil Alla u s-servizz għall-umanità. Dan is-servizz huwa wieħed mill-iktar kwalitajiet importanti ta’ kull reliġjon. Naħseb li dik ir-reliġjon mhijiex reliġjon vera jekk m’għandhiex is-simpatija, bħalma lanqas dak ir-raġel ma jistħoqqlu jitqies bi bniedem jekk m’għandux is-simpatija u l-imħabba fih innifsu.
Il-Koran Imqaddes ripetutament jordna lill-Musulmani biex jieħdu ħsieb tal-ġenituri tagħhom. Alla jgħid: “U aħna amarna lill-bniedem biex ikun ħanin mal-ġenituri tiegħu.” (Il-Koran, 46:16)
Sidek amar, “Taduraw lil ħadd Ħliefu, u uru tjieba lejn il-ġenituri. Jekk xi ħadd minnhom, jew it-tnejn li huma, jixjieħu miegħek, qatt tgħidilhom kliem iebes jew ta’ stmerrija, iżda indirizzahom bil-ħlewwa. U b’umiltà u tenerezza itlob: “Sidi, ħenn għalihom bħalma rabbewni meta kont żgħir.” (Il-Koran, 17:24-25)
Ejjew niċċelebraw dawn il-mumenti tal-ferħ mal-anzjani, mal-ġenituri u ma’ dawk li jħossu solitudni. Dan huwa verament għemil nobbli u ġust. Bla dubju ta’ xejn, nista’ ngħid li meta xi ħadd jiċċelebra ma’ dawk il-persuni, il-ferħ u s-sodisfazzjoni li jħoss huwa inkredibbli, u ma tistax tispjegah fi kliem. Għalhekk, jekk irridu li Alla jifraħ magħna, ejjew nirbħu l-qlub tal-poplu ta’ Alla u niċċelebraw dawn il-festi magħhom.