Se jiżdiedu l-estremiżmu u l-firda f’dinja moderna
Laiq Ahmed Atif mil-Komunità Ahmadiyya f’Malta jitkellem dwar il-projbizzjoni ta’ vvjaġġar għall-Musulmani mill-President Amerikan Trump
Source/Credit: IT-TORĊA, il-Ħadd 12 ta’ Frar 2017
Il-kwistjoni dwar restrizzjonijiet ta’ ivvjaġġar ta’ persuni minn seba’ pajjiżi lejn l-Istati Uniti, qed titqies bħala “sfortunata kbira għad-dinja moderna u globalizzata”. Dan iddikjarah Laiq Ahmed Atif, President tal-Komunità Ahmadiyya f’Malta meta kkummenta ma’ it-Torċa dwar din id-deċiżjoni. Hu qalilna li dan il-pass se jwassal għal aktar estremiżmu u firda.
Fil-kummenti tiegħu hu qalilna li “dan kien imħabbar fi żmien ta’ taqlib enormi, u meta diġà għandna estremiżmu u radikaliżmu mferrex madwar id-dinja. Daż-żmien jeħtieġ l-għaqda u mhux d-diviżjoni u l-firda. Dawn id-deċiżjonijiet jistgħu jżidu l-estremiżmu u l-mibegħda fost in-nies. Irridu biex naħdmu kontra t-terroristiċi u mhux kontra l-pajjiżi b’maġġoranza Musulmana li jsofru u jbatu mill-estremiżmu huma stess. Ma ngħidx li nagħlqu għajnejna dwar is-sigurtà, dak li ngħid huwa dan li ma niħdux passi li jxerrdu mibegħda u firda. Is-sigurtà tiġi l-ewwel u qabel kollox, u hemm modi oħra konkreti li jiġu wżati għas-sigurtà.
Enfasizzalna li “dawn ir-restrizzjonijiet huma wkoll kontra d-drittijiet bażiċi tal-bniedem, u f’xi każijiet jaffettwaw lin-nies li huma l-aktar vulnerabbli li qed ifittxu kenn mill-inġustizzja, il-vjolenza, u l-persekuzzjoni. Naħseb li l-politika diskriminatorja ħafna drabi tagħmel iktar ħsara mill-ġid. Għalhekk, nitlob li d-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu bil-għaqal profond sabiex ikattru l-ġid, l-imħabba u mhux il-ħsara u l-mibegħda.
“Nemmen li wasal iż-żmien li d-dinja tgħix skont il-motto tal-Komunità Aħmadija Musulmana li fil-fatt huwa motto universali u l-katalizzatur tal-paċi li huwa: “Imħabba għal kulħadd, mibegħda għal ħadd.”