EID-UL-FITR
‘Eid’ hija kelma bl-Għarbi li tfisser ‘ġurnata li tirritorna ta’ spiss’. Hemm żewġ festi Iżlamiċi tal-Eid f’sena. L-ewwel waħda tissejjaħ ‘Eid-ul-Fitr’ u t-tieni li tiġi xi għaxar ġimgħat wara tissejjaħ ‘Eid-ul-Ażħa’.
Il-festa ta’ Eid-ul-Fitr tiġi ċċelebrata fi tmiem ix-xahar tas-sawm, għalhekk tissejjaħ ukoll il-festa tal-waqfien mis-sawm. Is-sawm fix-xahar ta’ Ramażan huwa wieħed mill-ħames kolonni tal-Iżlam. Huwa, għalhekk, attribut prattiku tal-fidi u jitqies bħala att ta’ devozzjoni.
It-tħejjijiet għall-Eid
Fi tmiem ix-xahar tas-sawm, meta jintlemaħ il-qamar il-ġdid, emozzjoni ta’ hena tiġri fi qlub il-Musulmani kollha, żgħar u kbar, bi stennija għal waħda mill-aktar festi tal-Eid ferrieħa. Tul il-lejl isiru l-arranġamenti meħtieġa. Il-ħwienet jibqgħu miftuħa sa tard billejl għall-konsumaturi. Fil-pajjiżi Musulmani t-toroq ewlenin tal-bliet u l-bini pubbliku jkunu mdawla sew għal billejl u mżejna bi bnadar ikkuluriti. Kmieni filgħodu, fil-jum tal-Eid, wara li kulħadd jieħu banju, kulħadd jilbes l-aħjar ilbies tiegħu. It-tfal, b’mod speċjali, iżanżnu ħwejjeġ ġodda. Kemm l-irġiel kif ukoll in-nisa jagħmlu l-fwieħa bħalma kienet użanza tal-Qaddis Profeta li jagħmel il-fwieħa f’okkażjonijiet bħal dawn. Il-brekfast ħafna drabi jinkludi platt ħelu msejjaħ Sheer Khurma – vermiċelli msajra fil-ħalib bit-tamal niexef, żbib, lewż, u ġewż ieħor. Kulħadd issa jkun anzjuż biex jimxi lejn l-Eidgah (post tat-talb tal-festa), li s-soltu jkun spazju miftuħ jew ġnien pubbliku riservat għas-servizz tal-Eid.
Minħabba l-preżenza ta’ għadd enormi ta’ Musulmani, is-servizz tal-Eid isir fi swali kbar, fil-moskea ċentrali tal-belt jew fil-miftuħ, fejn jitwaqqfu tined kbar bl-għan li jipprovdu l-ilqugħ mit-temp. In-nisa huma mħeġġa bil-qawwa biex jattendu dawn il-laqgħat tal-Eid, għalhekk ikun hemm żona apposta riservata għalihom.
Kif kienet id-drawwa tal-Qaddis Profeta tal-Iżlam, il-fidili jmorru lejn l-Eidgah minn triq partikolari u jitilqu minn oħra differenti.
Wara t-talb tal-Eid, l-Imam jagħmel id-diskors tiegħu, li ġeneralment ikun dwar l-isfond storiku u s-sinifikat spiritwali tal-festa, iżda dan jista’ jinkludi fih xi suġġetti oħra ta’ importanza għall-Musulmani. Wara s-servizz il-fidili jsellmu lil xulxin billi jgħidu ‘Eid Mubarak’ (il-Festa t-Tajba) u jħaddnu lil xulxin, imbagħad imorru lura d-dar.
Platti speċjali huma mbagħad imħejjija għal din l-okkażjoni festiva. Il-ħbieb u l-qraba huma ħafna drabi mistiedna. Rigali u tislimiet huma mqassma tul il-jum. Li titma’ l-fqar, li tgħin lil min hu fil-bżonn u li żżur il-morda kollha jitqiesu bħala azzjonijiet ta’ min ifaħħarhom f’din l-okkażjoni.
L-ispirtu tal-Eid huwa wieħed ta’ sliem, maħfra, u fraternità.