L-IŻLAM U S-SAĦĦA SANA
Salma S. Khan (Esperta tan-Nutrizzjoni)
Għal kull ħaġa li għandha x’taqsam mal-ħajja umana, l-Iżlam jipprovdi gwida għal ħajja sana u b’saħħitha. L-Iżlam jippromwovi t-teħid ta’ ikel li huwa tajjeb għas-saħħa u li wieħed jiekol bil-moderazzjoni. Rigward l-ikel li huwa tajjeb għas-saħħa, Alla jiddikjara fil-Koran:
“Intom li temmnu! Kulu mill-affarijiet tajba li Aħna pprovdejnielkom, u għidu grazzi lil Alla, jekk (tassew) lilu tqimu. Huwa pprojbixxa lilkom (il-laħam) ta’ annimali mejta, id-demm, laħam il-ħanżir, u kulma kien offrut (lill-idoli) minflok lil Alla.” (2:173-174)
Hawnhekk, l-ewwel tliet kategoriji huma pprojbiti għax huma ta’ dannu għall-ġisem, u dak li hu ta’ dannu għall-ġisem huwa wkoll ta’ dannu għar-ruħ. Id-demm u l-laħam ta’ annimal mejjet bħala ikel jikkawżaw ħsara lis-saħħa u dan il-fatt ġie rikonoxxut minn ħafna awtoritajiet fuq il-mediċina. Barra minn hekk, skont l-Iżlam, l-ikel għandu jkun Ħalal u wkoll Tayyeb, għalhekk tajjeb għas-saħħa u pjaċevoli.
Barra minn hekk, l-ikel ma jaffettwax biss il-qagħda spiritwali u fiżika tal-bniedem, imma jaffettwa wkoll l-istat mentali tiegħu. L-ikel jilgħab irwol importanti fil-formazzjoni tal-karattru tal-bniedem, għalhekk, il-Koran Imqaddes jiddiriġina biex nikkonsmaw ikel tajjeb u leġittimu. Huwa jistqarr:
“Intom il-bnedmin! Kulu minn dak li hu leġittimu u tajjeb fuq din l-art; u ssegwux il-passi tax-Xitan; tabilħaqq, huwa għalikom għadu ta’ vera.” (2:169)
F’dan il-vers, eżattament wara l-ordni li għandha x’taqsam mal-ikel, tissemma l-projbizzjoni biex ma nsegwux lix-Xitan. Din tirreferi għall-influwenza li l-azzjonijiet fiżiċi bħall-iffangar tal-ikel għandhom fuq il-kondizzjonijiet morali u spiritwali tal-bniedem. L-ikel li mhux leġittimu u mhux tajjeb għas-saħħa għandu tendenza li jgħarraq il-fakultajiet morali tal-bniedem u jfixkel l-iżvilupp spiritwali tiegħu.
Aktar minn hekk, tirreferi għall-ikel eċċessiv li jikkawża ħsara kbira lis-sistemi tal-ġisem. Ħafna mard fil-fatt huwa relatat ma’ drawwiet ta’ konsum ta’ ikel bla ebda kontroll bħad-dijabete, il-puplesija, il-mard tal-qalb u ċerti kankri. Alla jgħid fil-Koran:
“Kulu u ixorbu iżda taqbżux il-limiti; tassew, Huwa ma jiħux gost b’dawk li jaqbżu l-limiti.” (7:32)
L-Iżlam iħeġġeġ il-moderazzjoni. Il-frażi ‘taqbżux il-limiti’ tenfasizza l-importanza biex wieħed ma jikolx iżżejjed, anzi, tfakkar biex wieħed ma jikkonsmax dejjem l-istess tip ta’ ikel, imma għandu jvarja minn żmien għal żmien. U l-laħam, il-ħaxix, il-frott, eċċ., għandhom jiġu kkunsmati fi proporzjonijiet ġusti.
Interessanti li l-esperti tan-nutrizzjoni jirrikonoxxu l-fatt li meta wieħed iżomm dieta varjata bi proporzjonijiet ġusti, dan ikun essenzjali għal saħħa sana. Meta wieħed jiekol l-istess ikel kostantement ikun qed ikabbar ir-riskju li jiżviluppawlu għadd ta’ allerġiji.
Barra minn hekk, taħt il-gwida ta’ nutritionists ikkwalifikati u esperti oħra mediċi, ħafna gvernijiet fid-dinja, inkluż Malta, nedew kampanji biex wieħed jiekol sewwa. Dawn il-kampanji jippromwovu u jinkoraġġixxu ikliet li huma bilanċjati sew u għalhekk huma magħmula mill-gruppi ewlenin kollha tal-ikel, fosthom il-karboidrati, ix-xaħam, il-proteini u l-fajber. Bl-obeżità li qiegħda ssir problema fid-dinja kollha, studji ġodda li joħorġu kuljum jenfasizzaw kemm hu importanti li wieħed jiekol dieta sewwa, varjata u bbilanċjata bi proporzjonijiet korretti b’attentat ħalli wieħed inaqqas il-mard li huwa assoċjat mal-konsum ta’ ikel eċċessiv u li mhuwiex tajjeb għas-saħħa.