Kont bil-ġuħ u tmajtni
Il-Leħen, 28 ta’ Ġunju 2020, minn Imam Laiq Ahmed Atif
Waħda mill-esperjenzi koroh li kellna matul din il-pandemija ta’ COVID-19 hija ż-żieda orribbli fis-sitwazzjoni tal-faqar u l-ġuħ. Dawk in-nies li kienu qed isofru mill-faqar sabu din is-sitwazzjoni verament diffiċli ħafna. Għal xi wħud kien kważi impossibbli biex jitimgħu lil uliedhom.
Dan l-aħħar, is-Sinjura Marika Cassar, li taħdem mal-Caritas, irrakkontat l-istorja ta’ mara li għandha tlett itfal imma ma kellhiex l-ikel għal uliedha. Hi ċemplet lill-Caritas u qalet li ma għandhiex ikel meta t-tfal jitolbu l-ikel u jsaqsu meta se jieklu. Hi tgħidilhom li l-ikel se jkun dalwaqt lest, imma ikel ma kellhiex u għalhekk kienet tirrakkonta xi stejjer u tilgħab mat-tfal tagħha sabiex b’hekk jorqdu.
Din l-istorja tfakkarni fi storja simili li saret żmien ilu. Darba waħda Umar, it-Tieni Kalif tal-Iżlam, kien għaddej minn triq qrib il-belt ta’ Medina billejl. Din kienet id-drawwa tiegħu biex jimxi fit-toroq billejl biex jara b’għajnejh is-sitwazzjoni tan-nies li kienu taħt il-ħakma u s-saltna tiegħu. Meta kien għaddej mit-triq sema’ minn dar il-biki tat-tfal li dehru muġugħin. Hu ħabbat il-bieb u meta l-mara tad-dar fetħet Umar ra li kien hemm tlett itfal li qegħdin madwar in-nar u fuq in-nar kien hemm kitla tagħli. Hu staqsa x’ġara. Għaliex it-tfal kienu qed jibku? U x’kienet qed issajjar? Hi qalet: “It-tfal tiegħi kienu bil-ġuħ u ma kellix biex nagħtihom x’jieklu. F’din il-kitla hemm l-ilma u xi ġebliet biss, u għamilt dan biex nagħtihom l-impressjoni li jiena qed insajjar xi ħaġa għalihom. Dan huwa dak li qed tara.”
B’uġigħ kbir u diqa ta’ qalb, Umar immedjatament reġa’ lura u mar dritt lejn il-kamra tal-gvern fejn kien hemm affarijiet tal-ikel. Hu ġabar xi dqiq, butir, laħam, tamal u xi affarijiet oħra u poġġa kollox fi xkora. Umar mar lura bl-ikel kollu u tahom lil dik il-mara, u qalilha li meta jkollha bżonn ta’ xi ħaġa tmur għandu. L-għada filgħodu beda jagħti wkoll għajnuna finanzjarja għal din il-familja, biex jgħixu aħjar u b’dinjità.
Hawn niftakar fi tradizzjoni tal-Profeta Muħammad, is-sliem għalih. U kważi l-istess insibu fil-Bibbja dwar Ġesù. Hu qal li f’Jum il-Ħaqq Alla se jikkonfrontakom u jgħidilkom li: “Kont marid u inti ma staqsejtx dwar saħħti.” Il-bniedem se jgħid: “O Alla Inti s-Sid tad-dinja kollha, u qatt ma timrad, u ma kellekx bżonn tal-għajnuna tagħna.” Alla se jgħid: “Le, wieħed mill-qaddejja Tiegħi kien marid u kellek tistaqsi dwar saħħtu u kont issibni hemm.” U wara dan se jkompli jafferma u se jgħid: “Kelli l-ġuħ u ma tajtnix ikel, kelli l-għatx u ma tajtnix ilma, ma kellix libsa u ma libbistnix.” U kull darba l-bniedem se jgħid: “O Alla Inti s-Sid tad-dinja kollha, għandek kollox, u ma kellekx bżonn tal-għajnuna tagħna.” Alla se jgħid: “Wieħed mill-qaddejja Tiegħi kellu bżonn ta’ dak kollu.” U kull darba se jgħid: “Li kieku inti għamilt dan kollu, kont issibni hemm.”
U fi tradizzjoni oħra huwa qal li Alla se jgħidilhom, “Jien kont bil-ġuħ u tmajtni, jien kont bil-għatx u tajtni l-ilma, u kont għarwien u tajtni libsa.” U kull darba l-bniedem se jgħid: “O Alla Inti s-Sid tad-dinja kollha, għandek kollox, u ma kellekx bżonn tal-għajnuna tagħna.” Alla se jgħid: “Wieħed mill-qaddejja Tiegħi kellu bżonn ta’ dak kollu.” U kull darba se jgħid: “Meta tajtuh l-ikel, l-ilma u libsa dak bħallikieku li tajtu lili għax Jien kont hemm.”
Dawn ir-rakkonti juru biċ-ċar li, jekk aħna rridu li nsibu lil Alla, il-Ħallieq tagħna, u rridu relazzjoni personali miegħu, allura huwa importanti li aħna mmorru għand il-foqra u ngħinuhom, immorru għand xi ħadd li hu fil-bżonn u nieħdu ħsiebu. Sabiex ħalli nirbħu l-pjaċir, il-maħfra u l-barkiet Tiegħu, u meta niltaqgħu mal-Mulej nisimgħu minnu li, “kont bil-ġuħ u tmajtni.”
Imam Laiq Ahmed Atif, President Ahmadiyya Muslim Jamaat Malta, amjmalta@gmail.com