L-GĦAQDA NAZZJONALI – KIF NISTGĦU NIKSBU L-GĦAQDA NAZZJONALI VERA?
It-Torca, 21/02/2021 by LAIQ AHMED ATIF
M’hemm xejn aħjar minn nazzjon magħqud, għax meta nazzjon jiġbed l-istess ħabel, il-pajjiż jimxi ’l quddiem u l-frott tal-progress jasal għand kulħadd. Imma jekk il-poplu huwa maqsum dan jaffettwa ħafna negattivament fuq il-paċi, is-sigurtà, il-progress ekonomiku u l-kompetizzjoni attiva u b’saħħitha tal-pajjiż. Għax ħafna mill-enerġiji se jinħlew fuq affarijiet mhux importanti minħabba d-diviżjoni. Poplu maqsum ma jistax jiffoka fuq l-affarijiet ta’ ġid komuni.
Għalhekk, huwa ferm importanti li flimkien niġbdu ħabel wieħed u nsiru poplu magħqud fid-diversità. Id-differenzi naturali tagħna m’għandhomx jagħmluna nazzjon maqsum u mfarrak, iżda dawn id-differenzi għandhom jitqiesu bħala mezz għal kompetizzjoni b’saħħitha. Il-Koran Imqaddes jiggwidana f’din il-kwistjoni u jgħid li: “Għandkom tikkompetu ma’ xulxin f’għemejjel tajba u f’xogħlijiet utli.” (2:149)
Il-President ta’ Malta, l-Eċċellenza Tiegħu, Dr George Vella, ħass li hemm il-ħtieġa tal-għaqda fil-pajjiż u wera l-fehma li hemm ħafna oqsma li jeħtieġu għaqda fost il-poplu Malti biex il-pajjiż ikun jista’ jimxi ’l quddiem. Għalhekk, se tiġi organizzata konferenza nazzjonali fuq it-tema tal-għaqda nazzjonali.
Il-President George Vella saħaq fuq il-ħtieġa tal-għaqda fil-pajjiż u qal li din l-għaqda ma tiġix biss bix-xewqa, iżda l-poplu jrid jaħdem għaliha hu. Filwaqt li enfasizza l-importanza tal-għaqda, qal li huwa wkoll kruċjali li nifhmu x’qed jikkawża qasma fis-soċjetà u nsibu r-rimedju tagħha.
Irrid insemmi li hemm aspetti differenti marbuta mal-għaqda nazzjonali. Għax kull aspett individwali hu importanti fih innifsu, fl-istess ħin il-mod ta’ kif kull aspett jintrabat mal-ieħor hu importanti ferm.
L-edukazzjoni hija għodda kruċjali. L-edukazzjoni hija ċavetta biex tinbena soċjetà armonjuża u vibranti. Barra minn hekk, iż-żieda fl-għarfien hija wkoll fattur ewlieni.
Ir-rispett reċiproku huwa wkoll pilastru fundamentali fir-rigward il-promozzjoni għall-għaqda nazzjonali.
Fil-fatt, il-materja prima għall-għaqda nazzjonali hi t-trankwillità, l-armonija u l-għaqda fi ħdan il-familja. Is-sitwazzjoni tad-dar mhix limitata iżda għandha effett fuq il-paċi u l-għaqda tal-lokalità, li min-naħa tagħha tinfluwenza l-paċi u l-għaqda tar-raħal jew il-belt sħiħa.
F’każ ta’ problemi fil-familja dan iħalli effett negattiv fuq l-arja lokali li min-naħa tagħha tħalli effett fuq il-belt jew raħal. Bl-istess mod, l-istat li jkun jinsab fih il-belt jew raħal jinfluwenza l-paċi u l-għaqda fil-pajjiż sħiħ.
Għalhekk, evidenti li jekk aħna rridu l-għaqda nazzjonali, allura dan huwa ferm importanti anzi huwa kruċjali li nistabbilixxu t-tolleranza, l-armonija, l-imħabba, l-kompassjoni u l-għaqda fi ħdan il-familji u fid-djar tagħna. Għax pajjiż jew soċjetà huwa l-prodott ibbażat fuq l-ambjent tal-familji u d-djar tiegħu.
Allura kemm huwa importanti li ngħallmu l-valuri tal-imħabba, l-armonija u l-għaqda lit-tfal tagħna sabiex isiru l-assi bbażati fuq il-valuri umani kbar, minflok xkiel għas-soċjetà jew il-pajjiż.
Barra minn hekk, il-mexxejja reliġjużi u politiċi għandhom jagħmlu kull sforz possibbli biex jippriservaw din l-għaqda, billi jonoraw id-drittijiet ta’ xulxin. Il-biżgħat u l-preokkupazzjonijiet tal-pubbliku inġenerali jridu jitneħħew. Biex iħarsu d-drittijiet ta’ xulxin ma jridux jitolbu iktar minn dak li hu ġust u xieraq minn xulxin, u naturalment, għandu jkun hemm talbiet ġusti u xierqa mill-poplu wkoll.
Ftakru li s-saħħa tal-pajjiż tiddependi minn kemm jirnexxilu jibqa’ magħqud bħala poplu wieħed. Din l-unità m’għandhiex isservina biss hawn fil-pajjiż, iżda fuq livell globali għandha tkun mezz biex pajjiżna jibqa’ b’saħħtu u influwenti.
Barra minn hekk, għandha tiġi żviluppata politika prattika ta’ koeżjoni sabiex il-poplu jkun jista’ jingħaqad. Bażikament il-mexxejja għandhom ifittxu l-koperazzjoni flimkien biex id-diviżjoni tinbidel f’għaqda. Jekk jittieħdu dawn il-miżuri malajr wieħed jinduna li l-kunflitti eżistenti jintemmu u jinbidlu f’paċi u rispett reċiproku, kemm-il darba tkun ipprattikata l-ġustizzja vera u kulħadd jagħraf ir-responsabbiltajiet tiegħu.
Meta u kif nistgħu niksbu l-għaqda nazzjonali vera? Fil-qosor nista’ ngħid li dan jiddependi minni, minnek, u tabilħaqq minn kull membru individwali tas-soċjetà. Kemm għandu raġun poeta li jiddeskrivi dan fil-poeżija tiegħu, fejn jistaqsi u jwieġeb. Hu jgħid: