INĦOBBU LIL XULXIN
ALLA JORDNA LI L-UMANITÀ TRID ISSIR BĦALA FAMILJA WAĦDA U TKUN TAJBA U ĠUSTA MA’ XULXIN
It-Torċa | 20 June 2021 | Laiq Ahmed Atif
Dawn l-aħħar xhur kienu verament diffiċli ħafna għal kulħadd. Dan il-vjaġġ matul il-pandemija sar twil u inkwetanti, mimli tbatija, uġigħ u sofferenzi. Din il-pandemija bidlet id-dinja għalkollox; kollox sar ta’ taħt fuq.
Kif Alla wiegħed fil-Koran Imqaddes li, ‘Tassew, hemm is-serħan wara t-tbatija’ (94:6),bil-grazzja Tiegħu qed naraw raġġi ta’ tama u kuntentizza wara mina twila u ta’ sofferenzi.
L-Iżlam jgħallimna li rridu nkunu grati lejn dawk kollha li għamlu l-ġid lin-nazzjon. Għandna nkunu grati lejhom, għax “min ma jiżżix ħajr lin-nies, ma jiżżix ħajr lil Alla”. Għalhekk huwa importanti ħafna li nuru l-gratitudni tagħna għal dawk kollha li ħadmu b’xi mod u ieħor matul din il-pandemija, inkluż frontliners kollha fosthom tobba, infermiera, armata, pulizija, għalliema u ħafna aktar.
Min-naħa tagħna, f’isem il-Komunità Ahmadiyya Musulmana Malta, nixtieq nesprimi l-gratitudni sinċiera tiegħi lejn l-Onorevoli Prim Ministru, l-Onorevoli Ministru tas-Saħħa, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, u lejn il-frontliners kollha għax-xogħol u d-dedikazzjoni kbira tagħhom matul dawn ix-xhur. Jiena nirringrazzjahom ħafna minn qiegħ qalbi u nawguralhom is-saħħa u l-ħidma t-tajba. Il-Mulej iberikhom u jixħet fuqhom l-imħabba u l-ħniena Tiegħu. Alla jberikna lkoll. Ammen.
Nixtieq ngħid ukoll li din il-battalja għadha ma spiċċatx, allura waqt li nisperaw u ninsabu determinati, m’għandniex nirrilassaw ruħna biex insegwu l-miżuri ta’ prekawzjoni.
Nixtieq insemmi wkoll biex ma ninsewx il-valuri ta’ mħabba, mogħdrija, solidarjetà li tgħallimna iżjed il-valur tagħhom matul dawn l-aħħar xhur. Ejjew inkomplu nipprattikaw dawn il-valuri sabiex inkunu poplu magħqud, poplu li jieħu ħsieb lil kulħadd, u poplu ġeneruż.
Żewġ lezzjonijiet importanti li tgħallimna minn din il-pandemija huma li nistabbilixxu relazzjoni mill-qrib ma’ Alla, u li ngħinu lill-umanità. Għalhekk huwa importanti ħafna li qatt ma ninsew dawn il-lezzjonijiet importanti li huma l-qofol tal-eżistenza tagħna.
Il-Qdusija Tiegħu, Ħażrat Mirża Masroor Aħmad, il-Kap Dinji tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana, enfasizza fuq dawn iż-żewġ drittijiet fit-taħdita tiegħu. Huwa qal li, ir-relazzjoni tagħna ma’ Alla ma tistax tkun soda sakemm ma nwettqux id-drittijiet ta’ sħabna l-bnedmin. L-atti kollha ta’ talb u qima se nibbenefikaw ruħna minnhom biss biex nilħqu l-viċinanza ta’ Alla meta aħna wkoll inwettqu d-dmirijiet tagħna dovuti lejn sħabna l-bnedmin.
Sfortunatament, hemm ħafna li mhumiex kapaċi jissodisfaw id-drittijiet dovuti lil xulxin u jwettqu inġustizzji kontra xulxin.
Madankollu, Alla jordna li l-umanità trid issir bħala familja waħda, u tkun tajba u ġusta ma’ xulxin; meta nagħmlu dan imbagħad biss nistgħu verament nistabbilixxu konnessjoni ma’ Alla.
Għalhekk huwa importanti li nħobbu lil xulxin, nieħdu ħsieb il-ħolqien ta’ Alla u naqduhom, u anke ma neskludux lill-għedewwa tagħna minn turija ta’ mħabba u benevolenza; tkun kemm tkun persuna kontrina, aħna dejjem irridu noqorbu lill-oħrajn b’attenzjoni kbira u qalb tajba, u nuru l-ogħla standards ta’ moralità.
Il-motto rivoluzzjonarju u paċifiku tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana: “Imħabba għal kulħadd mibegħda għal ħadd”, huwa verament prinċipju prattikabbli u ta’ ispirazzjoni kbira biex nuru l-imħabba vera, is-simpatija u l-kompassjoni ġenwina lejn l-umanità kollha. L-imħabba ħanina u l-kompassjoni vera li d-dinja tassew għandha bżonn ħafna.
Imbagħad biss meta nistabbilixxu dan l-istandard fit-trattamenti tagħna ma’ xulxin u nitolbu għal xulxin, allura aħna nesperjenzaw il-veru hena u pjaċir ta’ Alla. Għax, li turi t-tjubija u l-kompassjoni għall-ħolqien ta’ Alla huwa estremament importanti biex jinkiseb il-pjaċir ta’ Alla.