Kburija u Arroganza
Imam Laiq Ahmed Atif | amjmalta@gmail.com | Il-Leħen 25 ta’ Lulju 2021
Il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, kien qal: “Ma jidħolx il-Ġenna min f’qalbu għandu b’toqol ta’ atomu kburija. Wieħed raġel qal: ‘Il-bniedem iħobb li l-libsa tiegħu tkun sabiħa u ż-żarbun sabiħ.’ Qallu l-Qaddis Profeta Muħammad: ‘Alla huwa ġmiel, u jħobb il-ġmiel. Il-kburija hija ċ-ċaħda tal-verità, u li tistmerr lin-nies u tidħak bihom.’”
Dan id-diskors juri biċ-ċar kemm huwa importanti li l-bniedem għandu jkun umli u down-to-earth, u dejjem juri rispett u korteżija lejn l-oħrajn.
Imma ħafna drabi aħna ma nifhmux, x’inhi eżattament l-arroganza u l-kburija? Xi jfisser li tkun arroganti? Nixtieq insemmi xi affarijiet biex nispjega l-attitudni arroganti u kburija, kif nifhimha jien. Il-fehim ta’ dan għażiltu mit-tagħlim tal-Koran Imqaddes.
Skont il-Koran Imqaddes, l-arroganza hija waħda mill-agħar dnubiet li jista’ jumilja persuna f’din id-dinja u l-oħra. Għalhekk, aħna mitluba biex nevitaw l-arroganza għax l-arroganza hija despikabbli f’għajnejn Alla, il-Mulej tal-Glorja.
Kull min ma jurix tjubija lejn ħuh li huwa fqir, din hija arroganza. Kull min iħares lejn ħuh minħabba li jqis lilu nnifsu aktar mgħallem, jew aktar għaqli, jew aktar profiċjenti, jew aktar diċenti, jew isbaħ minnu huwa arroganti. Hekk ukoll dak li, minħabba l-ġid, jew il-pożizzjoni għolja, jew id-dinjità tiegħu, iħares lejn ħuh bħala inferjuri, huwa arroganti għax jinsa li l-ġid, il-pożizzjoni u d-dinjità tiegħu ġew mogħtija lilu minn Alla.
Bl-istess mod dak li jiftaħar bis-saħħa fiżika tiegħu, jew is-sbuħija tiegħu, u jagħti isem ħażin lil ħuh li jwaqqgħu għaċ-ċajt u jipproklama d-difetti fiżiċi tiegħu huwa arroganti. Min jidħaq bid-diżabilità ta’ xi ħadd, għandu sehem ta’ arroganza. Wieħed li jsejjaħ lil ħaddieħor b’ismijiet ħżiena biex jumiljah, huwa wkoll arroganti.
Wieħed li ma jdurx lejn Alla, wieħed li ma jitlobx, u jiddependi biss fuq ir-riżorsi u l-fakultajiet tiegħu, mhuwiex umli, għax hu ma jagħrafx li Alla huwa l-oriġini ta’ kull qawwa, ġid u saħħa, u jiddependi fuqu nnifsu biss.
Min bil-kburija jikkoreġi l-pronunzja ta’ kelma ta’ ħuh huwa arroganti. Min ma jistmax bil-kortesija lil ħuh u jitbiegħed minnu jieħu sehem fl-arroganza. Min jirrabja ma’ ħuh bilqiegħda ħdejh jieħu l-arroganza. Min jidħaq b’wieħed li huwa okkupat fit-Talb jieħu l-arroganza. Min ma jurix ubbidjenza sħiħa lejn Alla, u ma jobdix il-kmandamenti Tiegħu, jieħu sehem fl-arroganza.
Min ma jagħtix kas ta’ ħaddieħor, u wieħed li ma jurix id-dħulija mad-dgħajfin, jieħu sehem fl-arroganza. Min ma jurix il-qalb tajba, il-kompassjoni, u l-imħabba lejn bnedmin oħra sħabu, għandu wkoll sehem fil-kburija.
Il-purifikazzjoni morali hija diffiċli ħafna u ma tistax tinkiseb mingħajr il-grazzja ta’ Alla, il-Glorjuż. Il-purifikazzjoni u l-Grazzja Divina tista’ tinkiseb ukoll, l-ewwel, permezz ta’ sforzi kontinwi, ippjanar, fedeltà u dedikazzjoni sħiħa u devozzjoni; it-tieni, Talb u qima; u t-tielet, li żżomm kumpanija mal-ġusti.
Għalhekk, ejjew nippruvaw biex ma jkollniex arroganza u egoiżmu fina nfusna, f’kull rispett sabiex inkunu salvati mill-ħerba totali, sabiex nippurifikaw lilna nfusna, u sabiex nilħqu s-salvazzjoni.
Ejjew, għalhekk, induru lejn Alla u nħobbu kemm jista’ jkun u nibżgħu minnu ħafna. Ejjew, inkunu qalb safja b’intenzjoni pura u ġentili u umli u ħielsa minn kull inkwiet sabiex inkunu nistgħu nirċievu l-ħniena divina, sabiex aħna nkunu murija l-ħniena mis-sema, sabiex aħna nsiru dawk li nħobbu lil Alla, u huma maħbubin tal-Mulej tal-Glorja.