Diversity and Racial Harmony

Id-diversità u l-Armonija Razzjali

“Tabilħaqq, l-aktar nobbli minnkom quddiem Alla huwa dak l-aktar devot fostkom.”  “Jekk tixtiequ li Alla jkun kuntent bikom fis-smewwiet, ingħaqdu flimkien daqslikieku kontu aħwa mweldin mill-istess omm.”

LAIQ AHMED ATIF | amjmalta@gmail.com | IT-TORĊA | 24/10/2021

L-inċident li seħħ fil-ġranet li għaddew fejn Jaiteh Lamin, immigrant mill-Gana, instab abbandunat mal-art mill-imgħallem tiegħu fil-Mellieħa, kien wieħed mill-agħar eżempji ta’ diskriminazzjoni razzjali u trattament inuman. Huwa tħalla mormi bħala oġġett li ma jiswa xejn. Bla dubju, kull persuna sana u sensibbli li għandha qalb tħabbat f’sidru, definittivament ħass diqa kbira ġo qalbu.

Superjorità u inferjorità

Il-punt huwa, għaliex jiġru dawn l-affarijiet? Għaliex aħna bħala bnedmin naħsbu li aħna aħjar minn ħaddieħor, jew jien superjuri u l-ieħor huwa inferjuri minni? Meta lkoll għandna l-istess kulur ta’ demm għaddej fil-vini tagħna, ilkoll għandna l-istess bżonnijiet u sentimenti. Ikun liema jkun il-pajjiż li nappartjenu għalih, il-miġja tagħna f’din id-dinja u t-tluq lejn il-ħajja eterna hija eżattament l-istess. Allura għaliex aħna bħala bnedmin naħsbu lilna nfusna aħjar minn oħrajn? X’inhi r-raġuni ta’ kburija egoista bħal din?

Kull sena jsiru ħafna laqgħat u konferenzi madwar id-dinja fejn jiġi diskuss is-suġġett tal-armonija razzjali; anke l-Ġnus Magħquda tiċċelebra kull sena l-Jum Internazzjonali dwar l-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni razzjali bħala parti mill-kampanja biex tippromwovi l-armonija razzjali u l-ugwaljanza.

Ir-razziżmu huwa velenu

Ir-razziżmu, għalkemm ikkundannat bil-qawwa minn kull nazzjon tad-dinja, għadu jeżisti u huwa fenomenu li jiżdied u jieħu forom ġodda. Dan il-velenu għadu qed jinfirex madwar id-dinja u ħoloq aktar diviżjonijiet u segmenti fost l-umanità.

Minflok ma tgħaqqad in-nies u toħloq dinja armonjuża permezz tal-bini ta’ pontijiet fost il-bnedmin, ideoloġija diviżiva bħal din tikkawża aktar tifrik u tibni ħitan twal u għoljin fost l-umanità.

L-umanità bħala l-familja waħda

L-Iżlam bħala reliġjon jitkellem ukoll ċar u tond dwar dan is-suġġett u jgħid li l-bnedmin kollha huma ndaqs. L-umanità kollha hija bħala familja umana kbira mibnija fuq id-diversità sħiħa.

Dan il-prinċipju jiġi mħeġġeġ b’manjiera distintiva ta’ mħabba u għożża reċiproka, solidarjetà umana, tolleranza, armonija, paċi u sliem fis-soċjetà. Dan it-tagħlim universali u profond tal-Iżlam huwa intenzjonat li joħloq kultura umana universali, mibnija fuq l-ugwaljanza u l-ekwità tal-bnedmin kollha ta’ kull żmien. Il-Koran Imqaddes jiddikjara:

“Ja bnedmin, aħna ħloqniekom minn raġel u mara; u qassamniekom fi tribujiet u fi tribujiet iċken ħalli ssiru tafu lil xulxin. Tabilħaqq, l-aktar nobbli minnkom quddiem Alla huwa dak l-aktar devot fostkom.” (49:14)

Il-messaġġ ta’ dan il-vers huwa ċar u tond. M’hemm l-ebda klassijiet soċjali jew supremazija razzjali, iżda n-nies kollha huma ugwali, mingħajr l-ebda diskriminazzjoni jew distinzjoni. Ir-razza sħiħa umana mhix ħlief familja waħda.

Il-pedamenti tal-armonija razzjali

Fiż-żmien kontemporanju, meta d-dinja qed tiffaċċja ħafna problemi inkluż il-pandemija tal-koronavirus, u s-sitwazzjoni finanzjarja u ekonomika, hemm ħtieġa urġenti biex inwaqqfu kull xorta ta’ mibegħda, intolleranza, u razziżmu, u minflok inqiegħdu l-pedamenti tal-imħabba, il-paċi u l-armonija razzjali. Dan jista’ jsir biss billi nirrispettaw kull xorta ta’ sentimenti ta’ xulxin, billi nwarrbu kull forma ta’ razziżmu, billi ndawru r-razziżmu eżistenti fi ħbiberija u fratellanza.

Dan huwa l-fatt li llum id-dinja saret villaġġ globali, id-dinja ngħaqdet f’unità waħda minħabba mezzi veloċi ta’ trasport u komunikazzjoni, u l-bnedmin resqu ferm qrib xulxin. In-nies ta’ kull pajjiż, razza, reliġjon u kultura jinsabu kullimkien.

Nixtieq nikkwota mill-aħħar diskors tal-Qaddis Profeta Muħammad, il-paċi tkun fuqu, fejn huwa, f’termini ċari u b’leħen qawwi ta’ regoli ġenwini għat-twaqqif ta’ soċjetà ugwali u armonjuża, qal:

“Nies, Alla għamilkom aħwa ta’ xulxin, għaldaqstant tkunux mifrudin. Kollha kemm intom ugwali. Il-bnedmin kollha, ta’ nazzjonijiet u tribujiet differenti, u ta’ pożizzjonijiet fil-ħajja diversi, huma kollha l-istess. Bħalma s-swaba’ taż-żewġ idejn huma l-istess, hekk il-bnedmin huma ugwali għal xulxin. Ħadd m’għandu d-dritt, jew superjorità, fuq ħaddieħor. Intom kollha bħal aħwa.”

Aħna bħala aħwa mweldin mill-istess omm

Aħna rridu naċċettaw din ir-realtà li l-bnedmin kollha huma ugwali fir-rispett, fid-dinjità u fid-drittijiet, u ħadd ma għandu xi privileġġ jew superjorità fuq l-ieħor, u li d-diversità tal-bniedem qiegħda hemm għal skopijiet akbar ta’ rikonoxximent, fehim, tagħlim minn xulxin u biex nikkompetu ma’ xulxin f’xogħlijiet tajbin.

Dan il-messaġġ ta’ armonija razzjali, ugwaljanza u fraternità umana ngħata aktar enfasi mill-Fundatur tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana, Ħażrat Mirża Ghulam Aħmad, meta huwa qal:

“Jekk tixtiequ li Alla jkun kuntent bikom fis-smewwiet, ingħaqdu flimkien daqslikieku kontu aħwa mweldin mill-istess omm. Dak li jaħfer l-aktar it-trasgressjonijiet ta’ ħuh ikun l-aktar nobbli fostkom. Sfortunat ikun dak li jwebbes rasu u ma jaħfirx.”

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Serving Humanity, Solidarijetà, Solidarity, www.Ahmadiyya.mt and tagged , , , , , , , , , , , , . Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.