ID-DIVERSITÀ U L-KOOPERAZZJONI
“Għinnu lil xulxin fl-għemejjel tajba, imma tgħinux lil xulxin f’affarijiet ħżiena u t-trasgressjoni.”
Laiq Ahmed Atif | It-Torca | 23.01.2022 | amjmalta@gmail.com
Fid-dinja li ngħixu fiha hemm ħafna sfidi u problemi quddiemna, bħal problemi soċjali, ekonomiċi u politiċi. Dawn l-isfidi kbar bħal muntanji jitolbu minna li naħdmu id f’id, inwarrbu d-differenzi tagħna u naħdmu flimkien għall-ġid komuni, naqdu r-rwoli tagħna għall-benefiċċji tal-umanità kollha biex nagħmlu d-dinja tagħna aħjar u kenn ta’ paċi u kuntentizza.
F’dan l-ambjent ta’ soffokazzjoni, ansjetà u stress, ir-reliġjonijiet, in-nies reliġjużi u l-mexxejja tal-fidi kollha għandhom jaqdu r-rwol importanti tagħhom biex jibdlu din is-soffokazzjoni f’tama, paċi u kuntentizza.
Nemmen li, biex din ix-xewqa ssir realtà, il-kooperazzjoni interreliġjuża hija importanti ħafna, u mhix biss importanti anzi kruċjali u meħtieġa fiż-żminijiet tal-lum.
Il-prinċipju tad-deheb
L-Iżlam ifassal il-pjan, juri t-triq ’il quddiem u jipprovdi prinċipju tad-deheb li jista’ jgħin ħafna biex din il-ħolma ssir realtà, u jgħid li l-bażi ta’ din il-kooperazzjoni għandu jkun il-benesseri tal-umanità u l-imħabba ta’ Alla. Alla jgħid fil-Koran Imqaddes:
“Għinnu lil xulxin fil-ħwejjeġ tajba ta’ din id-dinja u f’kulma hu simili jekk dawn huma bbażati fuq il-biża’ ta’ Alla. Madanakollu tgħinux lil xulxin f’affarijiet ħżiena u t-trasgressjoni.” (5:3)
Il-messaġġ ta’ dan il-vers huwa ċar daqs il-kristall: li dejjem tkunu lesti biex tgħinu lil xulxin f’kull ħaġa tal-ġid komuni, dejjem tkunu lesti biex tkunu fuq in-naħa t-tajba tal-istorja, dejjem tipprattikaw il-ġustizzja u qatt ma twettqu xi krudeltà, inġustizzja u mibegħda.
L-imħabba ta’ Alla
Barra minn hekk, l-Iżlam jistieden lill-popli kollha biex jikkooperaw bejniethom biex ixerrdu l-messaġġ tal-Unità u l-imħabba ta’ Alla—fehma komuni għal kulħadd. F’kapitlu 3, vers 65, għandu messaġġ importanti u jenfasizza l-punt ta’ għaqda ma’ xulxin u jfassal programm għal kulħadd għall-benefiċċju tal-umanità aktar milli jidentifika l-oqsma ta’ nuqqas ta’ qbil li jwasslu għad-diżarmonija.
Dawn il-versi jfasslu pjan għalina li jekk aħna rridu nimxu ’l quddiem u nistabbilixxu l-paċi u l-hena fis-soċjetajiet tagħna allura għandna niffokaw fuq il-kooperazzjoni interreliġjuża. Għax reliġjon hija forza kbira ta’ bidla u trasformazzjoni, u strument effettiv għall-bini ta’ soċjetajiet koeżivi. Madankollu, din il-kooperazzjoni għandha dejjem tkun ibbażata fuq il-ġid komuni, l-għaqda, il-paċi u l-għemil tajjeb.
Imma l-mistoqsija hi kif ir-reliġjonijiet jistgħu jingħaqdu flimkien u kif jistgħu juru kooperazzjoni interreliġjuża effettiva u prattikabbli.
Djalogu kontinwu
Nemmen li d-djalogu huwa punt ta’ tluq bejn ir-reliġjonijiet kollha. Mingħajr id-djalogu ma tista’ ssir ebda kooperazzjoni bejniethom. Għalhekk, nipproponi li għandhom isiru konferenzi interreliġjużi fejn il-mexxejja reliġjużi jiddiskutu xi suġġett komuni u jipproponu kif jistgħu jikkooperaw fuq xi suġġett jew qasam partikulari.
Konferenzi interreliġjużi
Il-Fundatur tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana introduċa regoli ta’ diskussjonijiet u konferenzi interreliġjużi u qal li kulħadd għandu jitkellem u jgħid tiegħu skont il-ktieb sagru tiegħu, u jispjega dak li jemmen, mingħajr ma jipponta s-swaba’ lejn ħadd. Kulħadd jgħid tiegħu imma mingħajr ebda kelma inġusta kontra l-oħrajn. Huwa spjega li l-kelliema kollha huma mħeġġa biex jenfasizzaw il-punti tajba u l-karatteristiċi pożittivi u distinti tar-reliġjonijiet rispettivi tagħhom mingħajr ma jħammġu twemmin ieħor. Għax ħafna kunflitti u nuqqas ta’ qbil interreliġjużi jibdew meta xi ħadd jattakka t-twemmin u l-fehim reliġjuż ta’ ħaddieħor.
Ħa nagħmilha ċara li, ma neskludix li ma jsirux diskussjonijiet u dibattiti fejn isiru mistoqsijiet interreliġjużi, iżda dan għandu jsir fi stadju aktar tard meta l-udjenza u l-mexxejja jkunu mmaturaw biżżejjed biex jittolleraw il-fehmiet ta’ xulxin b’mod miftuħ u rispettuż. Bl-istess mod, dawk li jistaqsu xi mistoqsija, m’għandhomx jaqsmu l-limitu tar-rispett u d-dinjità. Għalhekk, ir-rispett reċiproku huwa element importanti ieħor ta’ paċi u armonija interreliġjużi.
Proġetti filantropiċi
Aspett ieħor importanti tal-kollaborazzjoni interreliġjuża huwa li naħdmu flimkien fil-pjanijiet u l-iskemi tajbin kollha għall-benefiċċju sħiħ tal-umanità, pereżempju, proġetti filantropiċi jistgħu jiġu organizzati flimkien mill-Insara u l-Musulmani, eċċ. b’messaġġ: flimkien għall-umanità.
Fl-ewwel ta’ Jannar 2022 – l-ewwel jum tas-sena, matul il-Festa ta’ Ġenerożità, il-maratona ta’ ġbir ta’ fondi mid-Dar tal-Providenza, rajna kooperazzjoni sħiħa bejn ir-reliġjonijiet għall-ġid tal-umanità. Hemm rajna manifestazzjoni sabiħa ta’ kooperazzjoni interreliġjuża għall-ġid komuni, fejn kulħadd kien magħqud fuq punt wieħed ta’ mħabba ta’ Alla u li naqdu lil ħutna fil-bżonn.
Il-membri tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana servew ukoll matul din il-maratona ta’ 12-il siegħa, b’passjoni u dedikazzjoni, u kkontribwew f’din il-kawża nobbli u ġusta, u servew ikel matul din il-maratona. Barra minn hekk, għenu wkoll fit-tweġibiet tat-telefonati u baqgħu preżenti hemmhekk sat-tmiem ta’ din il-maratona li ntemmet f’nofsillejl. Kienet esperjenza sabiħa għal kulħadd li jkun taħt saqaf wieħed għal għan wieħed: flimkien għall-umanità.