How to avoid sin?

Kif nista’ nevita d-dnub?

Imam Laiq Ahmed Atif | Il-Leħen 27.02.2022 | amjmalta@gmail.com

M’hemm xejn bla skop fid-dinja. Bl-istess mod, il-ħolqien tal-bnedmin lanqas ma kien bla skop, iżda l-Ħallieq stabbilixxa għan ċar ħafna għall-ħolqien tal-bnedmin. L-għan ewlieni tal-ħolqien tal-bniedem li Alla l-Omnipotenti speċifika fil-Kelma Qaddisa Tiegħu huwa li l-bnedmin jagħrfu lil Alla u jqimu quddiemu. Jiġifieri, l-għan ewlieni tal-ħajja tal-bniedem huwa l-qima u l-għarfien ta’ Alla tal-Ħniena u l-imħabba Tiegħu.

Dnub huwa velenu

Imma kif il-bniedem jikseb dan l-għan? L-ewwel u qabel kollox għandu jemmen bis-sħiħ f’Alla, jipprattika t-tagħlim Tiegħu u jevita mill-ħażen u d-dnub, għax id-dnub huwa velenu li jeqred is-safa u l-purità tal-bniedem.

Kif nistgħu nevitaw id-dnub? Il-Fundatur tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana spjega dan b’mod tajjeb ħafna u jikteb li ħadd ma jista’ jikseb il-ħelsien sħiħ mid-dnub, u lanqas ma wieħed jista’ jħobb verament lil Alla jew jibża’ Minnu, b’mod xieraq, sakemm wieħed ma jkunx kiseb għarfien u qawwa vera bl-għajnuna tal-grazzja u l-ħniena ta’ Alla stess.

L-għarfien sħiħ huwa l-bażi tal-imħabba

Huwa evidenti li l-għarfien sħiħ huwa l-bażi tal-biża’ u l-imħabba kollha; u huwa ċertament veru li wieħed ma jistax jikseb l-għarfien sħiħ mingħajr il-konċessjoni ta’ Alla.

Dan l-għarfien imbagħad jiftaħ il-bieb għat-tiftix u r-rikonoxximent tal-verità. Il-grazzja Divina ssaffi u tkebbes l-għarfien, tneħħi l-veli li jitfaċċaw u tnaddaf ir-ruħ li titqanqal għall-ħażen mill-impuritajiet kollha tagħha. Tagħti s-saħħa u l-ħajja lir-ruħ u teħles lill-parti mħassra tagħha mill-ħabs tad-dnub u ssaffiha mill-passjonijiet ħżiena tagħha.

Barra minn hekk, din il-grazzja ssalva lill-persuna minn għadd ta’ passjonijiet karnali, u għamla ta’ trasformazzjoni sseħħ fil-bniedem u tiżviluppa fih stmerrija naturali għad-dnub.

Determinazzjoni u sforz

Barra minn hekk, determinazzjoni u sforz biex wieħed iżomm lilu nnifsu ’l bogħod mid-dnub, u jitlob għajnuna minn Alla u jżomm il-kumpanija ta’ nies ġusti huma wkoll elementi integrali biex nistgħu nevitaw id-dnub.

Nistgħu nevitaw id-dnub ukoll meta nqimu quddiem il-Mulej, meta nipprattikaw il-valuri morali, meta dejjem ngħidu l-verità, meta nuru r-rispett lil kulħadd, nieħdu ħsieb lil xulxin, meta nagħtu preċedenza lill-fidi tagħna fuq affarijiet tad-dinja u meta dejjem inżommu t-tifkira ta’ Alla ħaj u frisk ġo qalbna.

Skop ferm akbar

Il-fatt hu li l-bniedem inħoloq għal skop ferm akbar. Sempliċi astinenza mid-dnub mhix kisba kbira. Tant annimali ma jagħmlu ebda dnub, jistgħu jsostnu li huma perfetti? Nistgħu nistennew li nkunu ppremjati minn persuna sempliċement għax ma għamilnielu ebda ħsara?

Le, tabilħaqq, huma s-servizzi mogħtija sinċerament li jagħmlu lil wieħed jistħoqqlu premju. Is-servizz li jrid jagħti l-bniedem lejn Alla huwa li jappartjeni lilu biss, li jabbanduna l-imħabba ta’ kull ħaġa oħra għall-imħabba tiegħu, u li jċedi r-rieda tiegħu stess lir-Rieda ta’ Alla.

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya: The True Islam and tagged , , , , , , , , , . Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.