Jekk pajjiżi huwa dari…
“Tabilħaqq, Alla jħobb lil dawk li jqimuh, u jħobb lil dawk li jżommu lilhom infushom indaf u safja.” Nemmen li kollox jibda bl-imħabba. Għalhekk, jekk inħobb u naħseb li pajjiżi huwa dari, allura għandi nieħu ħsiebu. Kif inżomm dari nadifa, huwa obbligu li anke nżomm lil pajjiżi nadif. Fuq kollox, pajjiżi huwa dari.
Laiq Ahmed Atif | amjmalta@gmail.com | It-Torca 29/05/2022
Meta nħobbu xi ħaġa nieħdu ħsiebha u nsiru aktar kawti għall-benesseri u l-prosperità tagħha. Huwa raġunament u loġika komuni li kull meta nħobbu lil xi ħadd jew xi ħaġa, dejjem nippruvaw nagħmlu l-almu tagħna biex qatt ma nagħmlulha ħsara u qatt ma naħsbu biex inkażbruha, numiljawha, nittraskurawha, nabbandunawha, jew nimminaw il-valur u l-importanza tagħha.
Verament nemmen li kollox jibda bl-imħabba. Għalhekk, jekk verament inħobbu lil pajjiżna huwa d-dmir u l-obbligu tagħna li nieħdu ħsiebu bl-aħjar mod possibbli. F’dak li għandu x’jaqsam mal-imħabba tal-pajjiż, il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, tana prinċipju tad-deheb u għallem li, “l-imħabba u l-lealtà lejn pajjiżek hi parti mill-fidi.” L-Iżlam jemmen fil-paċi, fil-lealtà lejn il-pajjiż ta’ residenza, u s-servizz lejn l-umanità kollha.
Pajjiżi huwa dari
Għalhekk, irridu nistaqsu lilna nfusna mistoqsija: Verament inħobbu lil pajjiżna jew le? Allaħares, jekk it-tweġiba hija LE, allura m’hemmx tama, imma jekk it-tweġiba hija IVA, u jien ċert li t-tweġiba se tkun IVA, allura l-konklużjoni loġika hija li għandna nieħdu ħsieb tajjeb ħafna ta’ pajjiżna, bħalma nieħdu ħsieb djarna.
Sfortunatament, insibu bosta persuni li jarmu l-iskart li jkollhom illegalment f’toroq imwarrba fejn huwa diffiċli li xi ħadd jarahom, imma huma jinsew li jekk ħadd ma jarahom, hemm Alla fuqhom li dejjem jara dak li jagħmlu. Allura, ma nagħmlux dan minħabba xi raġuni jew minħabba l-biża’ tal-multi, imma għandna biex nikkonsidraw dan bħala dmir u obbligu tagħna. Nittrattaw lil pajjiżna bħala darna. Kif inżomm dari nadifa, huwa obbligu li anke nżomm lil pajjiżi nadif. Fuq kollox, pajjiżi huwa dari.
Ftit tal-jiem ilu kelli opportunità nattendi laqgħa ta’ konsultazzjoni fil-kunsill lokali tal-Imsida li għaliha attendew ukoll is-Sindku u rappreżentant tal-pulizija tal-komunità. Fost il-kwistjonijiet diskussi hemmhekk, il-ħmieġ fit-toroq kien l-aktar problema tal-lokalitajiet tagħna, u l-aktar li ġie diskuss.
Ħobb lil pajjiżek u żommu nadif
Naqraw ħafna reklami fil-gazzetti lokali dwar it-tindif tal-ambjent tagħna, anke qrajt il-Ħadd li għadda f’din il-gazzetta, bħal “flimkien għal Malta nadifa”; “kun kburi b’pajjiżek, tħammiġx”.
Jekk inħobbu lil pajjiżna, allura għaliex ma nieħdux ħsiebu? Għaliex għadna naraw ħafna ħmieġ fil-lokalitajiet u t-toroq tagħna? Għaliex ma nippruvawx nagħtu sehemna biex pajjiżna jsir aħjar u nadif?
Huwa minnu li jekk naħseb li pajjiżi huwa dari, allura dan jitlob minni li nżommu nadif. Għax ma jistax ikun li nħobb xi ħaġa iżda ma nagħtix kasha u ma niħux ħsiebha.
L-indafa tal-ġisem u tar-ruħ
L-indafa hija importanti, anzi l-indafa ta’ kull ħaġa hija pjuttost bżonjuża, inkluż l-indafa tal-ġisem u tar-ruħ. Il-Koran Imqaddes jgħid, “Tabilħaqq, Alla jħobb lil dawk li jqimuh, u jħobb lil dawk li jżommu lilhom infushom indaf u safja.” (2:223)
Jiġifieri, dawk li jżommu lilhom infushom, ġisimhom u rwieħhom indaf u safja, huma jsiru maħbubin ta’ Alla. Fi kliem ieħor, dawk li mhumiex safja u nodfa fiżikament, moralment u spiritwalment, Alla ma jħobbhomx. Kemm hija importanti l-indafa!
L-indafa hija parti mill-fidi
It-tfal Musulmani huma mgħallma li hija parti mid-dmirijiet reliġjużi tagħhom li jiffokaw fuq l-indafa personali. Il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, enfasizza ħafna fuq l-indafa u qal li, “L-indafa hija parti mill-fidi.”
Huwa qal ukoll li, “Iċ-ċavetta għall-Ġenna huwa t-talb, u ċ-ċavetta għat-talb hija l-indafa.” Jiġifieri l-indafa u l-purità huma valuri sagrosanti.
Barra l-indafa tal-ġisem, il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, enfasizza b’qawwa wkoll l-aspetti ambjentali tal-indafa bħall-indafa tat-toroq. Il-Qaddis Profeta Muħammad qal, “It-tneħħija tal-periklu mit-toroq hija karità (li tiġi premjata minn Alla)”, li tista’ wkoll tkun ta’ ostaklu kbir għal nies li huma nieqsa mid-dawl jew dawk b’diżabbiltà. Filwaqt li ħafna nies iqisu dawn l-azzjonijiet bħala ħwejjeġ morali, l-Iżlam iqishom bħala sisien indispensabbli tat-twemmin.