L-Imam Laiq Ahmed Atif u l-Komunità Musulmana Ahmadiyya għal darb’oħra wrew ġest ta’ solidarjetà u mħabba lejn residenti li bħalissa qegħdin jagħmlu programm ta’ riabilitazzjoni fi ħdan iċ-ċentri terapewtiċi ta’ Caritas Malta.
Nhar is-Sibt li għadda l-Imam Atif flimkien ma’ rappreżentanti tal-Komunità Musulmana Ahmadiyya qattgħu nofs ta’ nhar mar-residenti tal-Male Shelter kif ukoll fil-programm terapewtiku għall-irġiel u għan-nisa f’San Blas. Il-komunità Ahmadiyya qassmet rigali f’dawn il-ġranet ta’ festi lil kull resident. Inġiebu rigali wkoll għall-programm terapewtiku tal-Prison Inmates Programme, Dar Charles Miceli u għaċ-ċentru terapewtiku tal-Ibwar.
Matul din iż-żjara r-residenti tkellmu dwar l-esperjenzi tagħhom fil-vjaġġ ta’ fejqan filwaqt li l-Imam Atif esprima magħhom kliem ta’ faraġ, kuraġġ u tama. Faħħar ukoll l-isforz kollu tagħhom f’dan iż-żmien u ħeġġiġhom jaħfru lilhom infushom, jirranġaw ir-rapporti tagħhom ma’ dawk l-aktar għeżież għalihom u ħarsu ’l quddiem ħalli tassew jilħqu għanijiethom. Fakkarhom ukoll biex iżommu lil Alla dejjem preżenti fil-ħajja tagħhom.
Filwaqt li akkumpanja lill-Iman Atif matul din iż-żjara, id-direttur ta’ Caritas Malta Anthony Gatt esprima l-apprezzament tiegħu għall-ħbiberija li żviluppat bejn il-Komunità Musulmana Ahmadiyya u Caritas Malta. Irrikonoxxa wkoll is-sapport li din il-Komunità tagħti lil Caritas matul dawn l-aħħar sitt snin.
Ir-residenti taċ-ċentri terapewtiċi wkoll urew l-apprezzament tagħhom għar-rigali li rċevew u anki esprimew kemm tfisser għalihom żjara bħal din. Resident mill-programm tan-nisa esprimiet kif dawn il-laqgħat jikkonfermaw lilha u lil sħaba l-imħabba għalihom mill-komunità wiesgħa. Kompliet tispjega kif dawn ix-xorta ta’ viżti jxejnu l-idea żbaljata li ormaj twarrbu għalkollox mis-soċjetà. NewsBook.com.mt