Impatt ta’ Reklami Negattivi
Imam Laiq Ahmed Atif | Il-Leħen, Sunday 16 April 2023 | amjmalta@gmail.com
Id-dinja li ngħixu fiha hija meħuda mill-konsumiżmu u l-materjaliżmu, u jidher li l-valuri jitħallew lura ħafna. Biex jiġu kkummerċjalizzati l-prodotti u biex tinġibed l-attenzjoni tal-konsumaturi jew tal-klijenti, xi drabi jintużaw kliem jew frażijiet li b’xi mod mhumiex etiċi.
Frażijiet negattivi jistgħu jkollhom impatt fuq is-soċjetà fejn ekonomija orjentata lejn il-konsumatur hija mmexxija mill-marketing, li jinfluwenza l-għażliet tal-kummerċjalizzazzjoni. Kumpaniji kbar mhumiex mistennija li jgħaddu minn fuq il-limiti tal-moralità billi jużaw tattiċi promozzjonali immorali. Anzi, għandhom ikunu konxji lejn id-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom lejn is-soċjetà. Pjan promozzjonali mhux għaqli jista’ jħalli impatt fuq il-kumpanija, il-prodott, il-klijenti u d-deċiżjonijiet tagħhom b’mod ħażin.
Frażijiet pożittivi
Minflok, frażijiet pożittivi u deċenti li jiġbdu l-attenzjoni setgħu ntużaw biex iġibu impatt kostruttiv fuq il-klijenti. Il-valuri etiċi qatt ma għandhom jiġu kompromessi fuq l-użu ta’ frażijiet negattivi biex jipperswadu lill-klijenti biex jixtru ċerti prodotti.
Il-billboards kbar ta’ spiss jintramaw f’postijiet viżibbli bħall-bliet u toroq prinċipali għall-promozzjoni tal-prodotti partikulari u sabiex jilħqu l-akbar udjenza possibbli. Strateġija promozzjonali għaqlija tista’ tiġbed attenzjoni li l-flus sempliċement ma jistgħux jixtru. Għalhekk, minflok li wieħed jimxi ma’ kultura jew ideoloġija partikolari u konvenzjonali, għandna naddottaw strateġija għaqlija li tista’ tagħti frott u riżultati aħjar.
Il-valuri u l-prinċipji
Il-valuri ta’ kumpanija—onestà, trasparenza, responsabbiltà, jew aderenza mal-prinċipji tal-kummerċ ġust—jistgħu jiġu enfasizzati bħala metodi promozzjonali bl-użu ta’ regoli etiċi tan-negozju. Għax dak kollu li jinkiteb u jingħad iħalli impatt fuq in-nies, u aħna bnedmin minħabba l-valuri morali tagħna. Għalhekk huwa ferm importanti li ‘valuri’ u ‘etika’ dejjem jingħataw il-prijorità fuq kull ħaġa oħra. Il-valuri u l-etika jservu bħala linji gwida biex jittieħdu deċiżjonijiet tajba u għaqlin. Barra minn hekk, biex wieħed jista’ jagħmel deċiżjonijiet tajba u relazzjonijiet onesti, kredibbli, u ġusti fil-ħajja ta’ kuljum, wieħed irid ikollu ħakma soda tal-prinċipji morali.
Hija r-responsabbiltà kollettiva tagħna bħala individwi, kumpaniji u awtoritajiet regolatorji kollha li nżommu għajnejna fuq promozzjonijiet li jistgħu jħallu impatt fuq is-soċjetà u l-membri tagħha b’modi negattivi. Diġà qed niġu ppressati minn kwistjonijiet differenti ta’ kuljum minn kull naħa. Iż-żieda ta’ aspetti negattivi ta’ reklami dwar il-prodotti se tkattar il-piż u n-negattività fuq is-soċjetà.