Where the world is heading?
Credit/Source: It-Torċa: Il-Ħadd 2 ta’ Novembru 2014
Hiroshima u Nagasaki huma eżempji ċar tal-kruha u l-qerda li ġġib il-gwerra magħha, u iktar minn hekk, gwerra dinjija. Qatt ma mort il-Ġappun imma s-sena l-oħra, ħabib tiegħi mil-Londra mar il-Ġappun u żar il-‘Hiroshima Memorial Peace Museum’ u kiteb dwar din l-esperjenza. Meta kont qed naqra l-ktiba dwar din l-esperjenza, qalbi ngħafset tassew u ħassejt diqa kbira ġo qalbi meta sirt naf fid-dettal dwar dawk l-attakki devastanti. L-ewwel nett, irrid nikteb dwar xi ħsebijiet mir-rakkont tiegħu u mbagħad se nikteb dwar is-suġġett li għażilt illum.
Meta xi ħadd jidħol ġewwa Hiroshima, ġenwinament iħoss atmosfera ta’ dwejjaq u qerda kullimkien, anke issa wara għexieren ta’ snin. Kull ħajt u kull rokna tal-mużew jirrakontaw it-traġedja ta’ dawn il-bliet. Iktar ma tara, iktar tħoss niket ġo qalbek u tifhem iktar dwar it-tbatija tan-nies li sofrew il-ħruxijiet tal-attakki. Hemm ritratti ta’ nies li ġildthom, litteralment dabet; hemm ritratti ta’ nies li mietu minn dit-trawma, u hemm ritratti ta’ għadd ta’ tfal li twieldu diformati u b’diżabbilita minħabba l-impatt kbir tar-radjazzjoni, li baqa’ jaffettwa l-ibliet għal ġenerazzjonijiet sħaħ. Bla dubju, żjara f’dan il-mużew f’Hiroshima hija dejjem esperjenza li ġġib lil dak li jkun eqreb lejn ir-realtà attwali.
Iċ-ċifri juru li iktar minn 60 miljun persuna nqatlu fit-Tieni Gwerra Dinija,bil-maġġoranza jkunu nies ċivili, u iktar minn 100 elf persuna nqatlet f’dawk iż-żewġt ibliet Ġappuniżi minħabba l-bombi nukleari.
Meta naqraw dwar dawn iċ-ċifri tat-Tieni Gwerra Dinjija u l-attakki fuq Hiroshima u Nagasaki, il-biża’ tiżdied ħafna, għax il-bombi nukleari posseduti mill-pajjiżi llum huma litteralment eluf ta’ drabi aqwa minn dawk li l-Istati Uniti ħasad bihom lill-Ġappun fl-1945. Għalhekk it-tiġrif ikkawżat minn gwerra nukleari llum, verament ikun inkonċepibbli; u l-qerda imminenti li ġġib magħha ma tistax tkun immaġinata.
Is-sitwazzjoni preżenti tad-dinja hija tajba? Għandna paċi u sigurtà fis-soċjetajiet tagħna? Għandna biża’ mill-eventwalità ta’ gwerra dinjija? Id-dinja riesqa lejn it-Tielet Gwerra Dinjija? Dawn huma xi mistoqsijiet li jixirfu meta tiġi diskussa s-sitwazzjoni preżenti tad-dinja.
Id-dinja bħalissa għaddejja minn żminijiet imwiegħra ħafna. Il-kriżi ekonomika globali qed tkompli tikxef perikli ġodda u aktar serji kważi kull ġimgħa. It-tixbihat mal-perjodu ta’ ftit qabel it-Tieni Gwerra Dinjija jibqgħu jissemmew u huwa evidenti li l-ġrajjiet qed iqarrbu lid-dinja b’pass dejjem aktar mgħaġġel lejn it-Tielet Gwerra Dinjija li tkun definittivament devastanti.
Il-Qdusija Tiegħu, il-Papa Franġisku, dan l-aħħar, qal li s-sensiela ta’ konflitti li żbruffaw madwar id-dinja, jammontaw, effettivament, ‘għal Tielet Gwerra Dinjija maqsuma f’diversi fażijiet separati u fi nħawi differenti’. Huwa fisser il-gwerra bħala ‘ġennata’, u appella biex jispiċċaw il-konflitti attwali madwar id-dinja.
Il-Qdusija Tiegħu Ħażrat Mirża Masroor Aħmad, il-Mexxej tal-Komunità Aħmadija, ilu jiġbed l-attenzjoni tad-dinja dwar dan mindu sar il-Kalif fl-2003. Fl-2008, fid-diskors tiegħu ġewwa l-Parliament Brittanniku, qal:
“Hu l-biża’ tiegħi li meta nħarsu lejn id-direzzjoni li fiha mexjin l-affarijiet illum, id-dinamika politika u ekonomika tal-pajjiżi tad-dinja tista’ tressaqna lejn gwerra dinjija. Mhux biss il-pajjiżi foqra tad-dinja, iżda wkoll il-pajjiżi sinjuri li qed jiġu affettwati. Għalhekk, hu d-dmir tas-superpotenzi li joqogħdu bilqiegħda u jsibu soluzzjoni biex isalvaw l-umanità mix-xifer tad-diżastru.”
Il-Fundatur tal-Komunità Aħmadija pprofetizza li t-Tielet Gwerra Dinjija se tkun ta’ dimensjoni saħansitra akbar minn dik tat-Tieni Gwerra Dinjija u qal li l-mewt u l-qerda se tinfirex ma’ kullimkien u l-fjammi feroċi se jdawru lid-dinja minn kull naħa sa ma jeqirduha.
Il-kunflitti riċenti huma evidenti biżżejjed ta’ kemm aħna ’l bogħod mill-paċi fid-dinja. Is-sitwazzjoni fil-Libja, l-Eġittu, is-Sirja, l-Afghanistan, il-Pakistan huma kritiċi ħafna. Ir-relazzjonijiet bejn ir-Russja u l-Ukrajna, l-Indja u l-Pakistan, bejn il-Lhudi u l-Musulmani; kunflitt fil-Lvant Nofsani, dak bejn il-Ħindu u l-Musulmani fl-Indja, u n-nuqqas ta’ fiduċja bejn il-pajjiżi tal-Punent u r-Russja, li lkoll qed jitolbu mid-dinja għal passi importanti biex jiġi stabbilit il-paċi.
Il-Mexxej tal-Komunità Aħmadija Musulmana, Ħażrat Mirża Masroor Aħmad, tul dawn l-aħħar snin, hekk kif żvolġew iċ-ċirkustanzi, ddikjara ġenwinament li l-uniku mod kif tiġi assigurata l-paċi fid-dinja huwa li jiġu adottati l-virtujiet tal-umiltà u tal-ġustizzja, u li umilment, b’sens ta’ ubbidjenza, nerġgħu nersqu lejn Alla. U li l-bniedem jerġa’ jsir karitatevoli; li min hu b’saħħtu jittratta lil min hu dgħajjef b’dinjità, b’rispett, u b’ġustizzja; li d-dgħajfin u l-foqra juru wkoll gratitudni u jadottaw il-mogħdijiet tal-verità u tal-ħaqq; u li kulħadd jerġa’ jdur lejn il-Ħallieq Tiegħu b’umiltà totali u sinċerità sħiħa.
Ripetutament huwa fakkar lil kulħadd li l-uniku mod kif in-nazzjonijiet jitbiegħdu mit-tarf ta’ diżastru huwa li jagħmlu l-ġustizzja l-kundizzjoni assoluta fin-negozjati tagħhom ma’ xulxin. Anki jekk ikun hemm il-mibegħda bejniethom xorta waħda għandhom jittrattaw lil xulxin b’mod ġust, il-għaliex l-istorja għallmitna li dan huwa l-uniku mod ta’ kif nistgħu neliminaw kull traċċa ta’ mibegħda fil-futur, u b’hekk titwaqqaf il-paċi għal tul ta’ żmien.
Naħseb, dan huwa dmir ta’ kull wieħed u kull waħda minna li nagħtu sehemna għall-ġid komuni u naħdmu id f’id għall-paċi u s-sigurtà għal kulħadd; u nsiru minn dawk li jġibu l-paċi, kif qal Ġesù, ‘henjin dawk li jġibu l-paċi’.