Dialogue between religions

Imħabba għal Kulħadd, Mibegħda lejn Ħadd

Djalogu bejn ir-Reliġjonijiet 

Mary Gauci/Kandidata għall-Parlament Ewropew (It-Torċa, il-Ħadd, 23.12.2018) 

Dan l-aħħar jien ħadt sehem fil-konvenzjoni annwali ta’ djalogu bejn ir-reliġjonijiet bit-tema ‘Imħabba għal Kulħadd, Mibegħda għal Ħadd’, ġiet organizzat mill-Komunita Ahmadiyya Musulmana. Spikkat l-armonija, unità, paċi, lealta’ u fraternità.

Il-President ta’ Malta faħħret lill-Komunita Ahmadiyya Musulmana f’Malta għall-impenn tagħha biex tkompli tistabbilixxi l-paċi permezz tar-rispett. Fil-messaġġ tagħha spjegat li l-promozzjoni ta’ djalogu bejn ir-reliġjonijiet hija essenzjali. Id-djalogu jassigura l-iżvilupp tant meħtieġ għall-oqsma soċjali, ekonomiċi, u ambjentali tal-pajjiżi tagħna. Ir-reliġjon tgħaqqadna f’dan l-impenn intrinsiku li nikkontribwixxu b’mod pożittiv lejn l-umanità. Il-President Coleiro qalet li hi konvinta li l-komunitajiet tagħna jistgħu jiksbu ħafna aktar meta nfittxu dak li jgħaqqadna u mhux dak li jifridna. Temmen li għandna bżonn inħabirku biex nippromwovu u nagħmlu d-djalogu bejn ir-reliġjonijiet bħala proċess fis-soċjetajiet tagħna. Il-ħolqien ta’ dan it-tip ta’ djalogu bejn nies differenti minn reliġjonijiet differenti huwa fattur essenzjali biex jinkiseb l-iżvilupp sostenibbli tar-reġjun Ewro-Mediterranju tagħna u għall-futur ta’ paċi u prosperità għad-dinja tagħna.

Waqt din il-laqgħa tkellmu wkoll l-Imam Laiq Ahmed Atif, President tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana f’Malta, l-Onor. Ivan Bartolo, Membru tal-Parlament, is-Sinjura Margaret Baldacchino Cefai, Sindku tal-Imsida, ir-Rev. John Anthony Berry, Segretarju tal-Kummissjoni Djoċesana għad-djalogu inter-reliġjuż, ir-Rev. Kim Hurst tal-Knisja Skoċċiża ta’ San Andreas, u minni.

Ivan Bartolo saħaq li għandna nisimgħu x’jgħidu reliġjonijiet oħra, b’moħħ miftuħ u bla ma nkunu blokkjati għal dak li nisimgħu.

Is-Sinjura Sindku Baldacchino emfasizzat il-ħtieġa ta’ integrazzjoni ta’ popli bi twemmin divers fil-komunita’ peress li ż-żminijiet li nbiddlu għandna nadattaw għar-realtajiet tal-lum.

Min-naħa tiegħu r-Rev. John Anthony Berry, Segretarju tal-Kummissjoni Djoċesana għad-Djalogu Interreliġjuż, fost oħrajn qal li r-reliġjon hija forza għat-tjubija. Eżempju mill-aqwa ta’ forza għat-tjubija huwa d-djalogu interreliġjuż par excellence, li fl-istess ħin jispira s-soċjetà biex tkattar kultura ta’ paċi, ta’ inkontru u ta’ djalogu fil-ħajja ta’ kuljum. Id-djalogu interreliġjuż ifittex li jibni l-pontijiet bejn ir-reliġjonijiet. Jipprova jagħraf li fis-sbuħija tal-qalb umana, f’kull kultura u f’kull epoka, in-nisa u l-irġiel jippruvaw jilmħu u jifhmu l-iddixxernat, u kif dan jista’ jkun ta’ barka u grazzja għalihom fil-ħajja tagħhom fil-komunità. Rev. Berry kompla billi jafferma li: “waqt li aħna nibqgħu leali lejn it-tradizzjoni reliġjuża tagħna, nistgħu niskopru r-rikkezza ta’ twemmin u reliġjonijiet oħra li jgħaqqduna flimkien fir-rispett u r-reverenza ta’ kull raġel u mara li ġew maħluqa fuq din l-art.”

L-Imam Laiq Ahmed Atif president tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana f’Malta fost oħrajn qal li ż-żminijiet li ngħixu fihom illum joħolqu sfidi kbar għall-koeżistenza paċifika u armonjuża ta’ nies bi sfondi reliġjużi, politiċi u nazzjonali differenti. Id-dinja għandha bżonn waqfien immedjat tal-gwerer u l-kunflitti. Minflok it-twaqqif ta’ ħitan ta’ mibegħda, għandna bżonn it-tixrid tal-paċi, u biex dan iseħħ u biex din il-‘ħolma ssir realtà’, in-nies ta’ kull reliġjon, twemmin, kulur, u affiljazzjoni politika għandhom jingħaqdu flimkien. Jemmen bis-sħiħ li r-reliġjon hija qawwa pożittiva ħafna għar-riformazzjoni u l-benesseri tas-soċjetà. Għaldaqstant, f’dan iż-żmien kruċjali, hemm urġenza kbira biex ir-reliġjonijiet jagħmlu sforz ġenwin u serju biex jeliminaw in-nuqqas ta’ ftehim bejniethom. Atif kompla jgħid: “L-Iżlam jippreżenta l-libertà tar-reliġjon u l-fidi bħala pedament għall-paċi interreliġjuż billi jistqarr li m’għandu jkun hemm l-ebda sfurzar fir-reliġjon. L-Iżlam ma jippermettix l-użu tal-forza bħala strument għat-tixrid tal-Messaġġ tiegħu, għaliex, ‘Ix-xwabel jistgħu jirbħu l-artijiet iżda mhux il-qlub. Il-forza tista’ tgħawweġ l-irjus iżda mhux l-imħuħ’.”

Ir-reliġjon hija forza għat-tjubija u għalhekk ir-reliġjonijiet kollha jridu jaħdmu flimkien biex jagħmlu d-dinja waħda paċifika u rebbieħa. Tajjeb li nifhmu aktar lil xulxin, nitgħallmu minn xulxin, nissoċjalizzaw u flimkien nqarrbu l-komunitajiet aktar lejn xulxin.

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya Malta, Harmony, Interfaith dialogue, Laiq Ahmed Atif, Love for all - Hatred for none. Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.