ĦOBB LIL PAJJIŻEK, ŻOMMU NADIF
Imam Laiq Ahmed Atif, President Ahmadiyya Muslim Jamaat Malta
L-indafa tagħmel parti mill-fidi u tressaqna lejn ħajja aktar sana. L-Iżlam jagħti importanza kbira lill-indafa tal-ġisem kif ukoll dak tal-ambjent. Dikjarazzjoni qasira tal-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, tenfasizza dan il-punt b’mod verament sabiħ.
Huwa qal, “L-indafa hija meħtieġa għall-fidi.” Huwa qal ukoll, “L-indafa hija ċ-ċavetta għat-Talb u t-Talb huwa ċavetta għallĠenna.”
Bħalma nieħdu ħsieb ta’ ġisimna, hekk ukoll huwa essenzjali li l-ambjent jibqa’ nadif u galbat. L-ambjenti tagħna għandhom iżommu livell għoli ta’ ndafa; barra minn hekk, huwa dmir tagħna li nżommu pajjiżna nadif.
Li nżommu l-ambjent nadif mhijiex xi biċċa xogħol diffiċli; jekk nagħtu ftit kas nistgħu ngħinu biex inżommu l-lokalità tagħna nadifa. Ma rridux inħammġu l-ambjent fejn ngħixu, it-toroq tagħna, il-bajjiet u l-baħar sabiħ tagħna. Barra minn hekk, jekk naraw il-ħmieġ madwarna, irridu nneħħuh u narmuh bl-aħjar mod possibbli.
Rigward l-indafa fit-toroq, jingħad li meta l-Qaddis Profeta Muħammadsa kien ikun qed jimxi u jilmaħ xi ħmieġ fi triqtu, kien ineħħih huwa stess u jgħid li dik il-persuna li żżomm it-triq nadifa tikseb is-sodisfazzjon t’Alla u premju kbir. (Muslim, Kitabul Bir Wasila)
Bil-barkiet t’Alla għandna xeni ta’ pajjiżna li jsaħħruk. Tara ritratti millisbaħ. In-natura hija ġentili ħafna magħna. Dan jibgħat messaġġ millaktar importanti li l-ħarsien tal-ambjent huwa r-responsabbiltà ta’ kulħadd. Pajjiżna huwa verament sabiħ u jeħtieġ li nkomplu ngħożżuh biex uliedna wkoll ikunu jistgħu jgawdu minn dan l-ambjent. Għalhekk, huwa ferm importanti li nħobbu lil pajjiżna u nżommuh nadif.