Fear or Hope?

Il-Biża’ jew it-Tama?

Source: It-Torċa, il-Ħadd 28ta’ Ġunju 2020, minn Laiq Ahmed Atif, President Ahmadiyya Muslim Jamaat Malta, amjmalta@gmail.com

Wara dawn il-ġimgħat tant diffiċli minħabba l-pandemija COVID-19, meta kulħadd baqa’ d-dar, u l-iskejjel u l-ħwienet kienu magħluqin, issa bil-mod il-mod qed nerġgħu lura lejn il-ħajja normali u l-gvern qed jgħin lin-nies sabiex igawdu l-ħajja tagħhom u sabiex jiftħu n-negozji u l-ħwienet tagħhom mingħajr biża’.

Naħseb huwa ħafna importanti li nħallu l-biża’ barra u minflok nittamaw li l-ħajja se terġa’ lura lejn in-normal fl-iqsar żmien possibbli. Għandna niżirgħu ż-żerriegħa tat-tama u mhux tal-biża’, imma fl-istess ħin nibqgħu attenti ħafna.

Bla dubju ta’ xejn, bħal fil-bqija tad-dinja, pajjiżna wkoll għadda minn żminijiet diffiċli u bla preċedent. Biex nilqgħu għall-imxija tal-Coronavirus, fuq pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa, ittieħdu diversi miżuri biex tkun issalvagwardata s-saħħa tal-pubbliku. Għalhekk, huwa ferm importanti li nisimgħu l-gvern u l-awtoritajiet tas-saħħa u nieħdu l-miżuri ta’ prekawzjoni kollha b’serjetà sħiħa. Għandna biex nibżgħu għalina u għal ħaddieħor. Għandna biex nifhmu li ż-żmien diffiċli ma għaddiex kompletament u skont l-awtoritajiet tas-saħħa l-virus għadu magħna. Illum il-ġurnata, meta naraw is-sitwazzjoni sħiħa, ir-riskju naqas imma mhux spiċċa kompletament.

Għalhekk, huwa ferm importanti li kull wieħed u kull waħda minna għandna nkunu prudenti u viġilanti meta noħorġu barra u rridu nilbsu l-maskri, nużaw is-sanitizers u nieħdu ħsieb id-distanza soċjali.

Nemmen li flimkien kollox huwa possibbli. Jekk aħna nibqgħu magħqudin u prudenti, ninsab konvint bis-sħiħ li bil-barka ta’ Allah aħna kapaċi li nirbħu din l-isfida kompletament.

Il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, kien dejjem jgħid li għandna biex inxerrdu paċi u serenità, għandna nagħmlu affarijiet faċli għan-nies. Huwa qal, li: “Agħmlu r-reliġjon ħafifa ħalli n-nies isegwuha; u la ttaqqluhiex. Xandru r-reliġjon b’mod xieraq, u mhux b’mod li tnaffru lin-nies minnha.”

F’dawn il-ġranet naħseb huwa importanti wisq li meta qegħdin ngħaddu matul dan iż-żmien diffiċli, aħna nagħtu s-serħan tal-moħħ lin-nies.

Il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, kien jgħid: “Kull min iserraħ lil xi bniedem li jemmen minn xi saram ta’ din id-dinja, Alla jserrħu minn xi saram ta’ Jum il-Qawmien. U min jgħin lil xi ħadd fil-bżonn, Alla jgħinu f’din id-dinja u fl-Oħra. U min jostor xi nuqqas ta’ wieħed, Alla jostru f’din id-dinja u fl-Oħra. Alla jgħin lill-qaddej li jgħin lil ħuh.”

Dan iż-żmien jitlob minna biex nuru rispett u solidarjetà lejn dawk kollha li  b’xi mod jew ieħor intlaqtu mill-imxija tal-COVID-19. Għandna biex ngħinu lil ħutna li huma fil-bżonn sabiex flimkien bħala nazzjon aħna lkoll inħarsu u nibqgħu b’saħħitna. Huwa ferm importanti  li niftakru wkoll f’dawk li huma inqas ixxurtjati minna u nuru ġenerożità u solidarjetà magħhom. Għandna biex nixegħlu x-xemgħa tat-tama li għada jkun aħjar mil-lum.

Il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, enfasizza dal-punt ħafna u qal: “Il-bniedem ġeneruż huwa qrib ta’ Alla l-Għoli, qrib tan-nies, qrib tal-Ġenna u mbiegħed min-Nar. Ix-xħiħ huwa mbiegħed minn Alla, imbiegħed min-nies, imbiegħed mill-Ġenna, u qrib tan-Nar. Il-bniedem bla tagħlim li huwa ġeneruż huwa egħżeż għal Alla minn dak li jqim lil Alla iżda huwa xħiħ.”

Ejja nkunu ġenerużi u nuru solidarjetà ma’ dawk fil-bżonn tul dawn il-jiem sabiex flimkien nirbħu din il-ġlieda. Ejjew inwasslu flimkien il-messaġġ ta’ “Tama” lill-poplu Malti u Għawdxi, b’mod partikolari lejn kull min b’xi mod intlaqat mill-imxija tal-pandemija tal-Coronavirus. Ejjew ningħaqdu flimkien, u naħdmu id f’id biex inbiddlu din il-paġna ta’ tbatija lejn il-prosperità u l-kuntentizza. U kif jgħidu bl-Ingliż ‘united we stand divided we fall’. Għalhekk, flimkien kollox huwa possibbli.

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in #Malta, Ahmadiyya Muslim Jamaat Malta, Ahmadiyya: The True Islam, www.Ahmadiyya.mt and tagged , , , . Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.