Il-Leħen, 12 ta’ Lulju 2020, minn Imam Laiq Ahmed Atif
Id-dinja għaddejja minn żminijiet verament diffiċli. Il-kriżi ekonomika globali tissokta tikxfilna perikli ġodda u aktar serji kważi kull ġimgħa. Ix-xebh maċ-ċirkostanzi li kienu jeżistu fil-perjodu ta’ qabel it-Tieni Gwerra Dinjija huwa indikattiv ħafna u huwa evidenti li l-ġrajjiet li qed iseħħu llum qed iressqu lid-dinja b’pass mgħaġġel lejn it-Tielet Gwerra Dinjija, li tista’ tkun devastanti.
Fil-ktieb tiegħu ‘Il-Kriżi Dinjija u t-Triq għall-Paċi’, il-Qdusija tiegħu, Mirża Masroor Aħmad, l-mexxej dinji tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana, iwiddeb lid-dinja dwar il-perikli li jinsabu wara l-bieb u kif din tista’ tevita diżastru u toħloq pjan għall-paċi.
Bħala l-aktar figura Musulmana promettenti fid-dinja li tippromwovi l-paċi u l-armonija interreliġjuża, il-Qdusija Tiegħu l-ħin kollu jipprova jsaħħaħ it-triq tal-paċi bis-saħħa tal-qima lejn Alla l-Omnipotenti u s-servizz lejn l-umanità. Permezz ta’ bosta prietki, lekċers, kotba u laqgħat personali, huwa enfasizza fuq is-separazzjoni bejn ir-reliġjon u l-istat, u huwa ssapportja l-kawża tal-bżonn tad-drittijiet umani universali bis-saħħa tal-ġustizzja għal kulħadd.
Waqt li jwessa’ l-messaġġ tal-paċi huwa jistqarr:
“Il-Komunità Ahmadiyya tipprattika eżattament dak li tipprietka; u dak kollu li ngħidu u nwettqu huwa bbażat fuq tagħlim Iżlamiku ġenwin – li huwa ‘Imħabba għal Kulħadd, Mibegħda għal Ħadd’. L-għanijiet tagħna huma li nistabbilixxu l-ogħla livelli ta’ mħabba, għożża u fraternità.
Li tħabrek għall-paċi hija ambizzjoni nobbli u d-dinja minn dejjem kellha ħtieġa kbira ta’ dan. Jekk niflu s-sitwazzjoni fid-dinja llum, nintebħu li issa, aktar minn qatt qabel, iż-żmien qed jurina li għandna nfittxu u naħdmu ħafna għall-paċi u l-armonija fid-dinja.”
Jekk tridu kopja ta’ dan il-ktieb b’xejn, iktbulna fuq: amjmalta@gmail.com, jew aqraw onlajn fuq http://www.ahmadiyya.mt.