‘Fiddling while Syria burns’

Il-Leħen, 9 ta’ Awwissu 2020, minn Imam Laiq Ahmed Atif

Xi xahrejn ilu, fl-okkażjoni ta’ Eid-ul-Fitr – il-festa Iżlamika wara x-xahar ta’ Ramadan – irċevejt vidjow qasir li xxukkjani bil-bosta. F’dan il-vidjow xi ħadd isaqsi lil tifla żgħira x’riedet għall-Eid. It-tweġiba tagħha kienet mimlija wġigħ u sofferenzi. Se nikteb il-konverżazzjoni qasira hawnhekk:

“X’tixtieq għall-Eid qalbi?”

“Irrid lil missieri lura!”

“Fejn hu missierek?”

“Mejjet!”

Jaħasra! Kemm hi iebsa din it-tweġiba ta’ din it-tifla żgħira li d-dinja tagħha ġiet meqruda u l-ħolm tagħha misruq. Wiċċha u għajnejha kienu jixhdu l-miżerji u t-tbatijiet li dawn l-anġli żgħar qed jgħaddu minnhom ta’ kuljum.   

Kliem bħal dan kien ikun biżżejjed biex jheżżeż il-kuxjenza mejta tal-klassi elitista, tal-mexxejja tad-dinja u tal-qawwiet dinjija. Hija sfortuna enormi li xejn ma nbidel. 

Għalkemm l-ebda setgħa dinjija mhi se treġġa’ lura lil missierha, madanakollu, jekk jittieħdu l-miżuri ġusti u s-Sirja terġa’ lura għall-paċi u n-normalità, jistgħu jiġu salvati l-ħajjiet ta’ miljuni ta’ missirijiet fil-pajjiż. Miljuni ta’ missirijiet ta’ tfal ikunu ħajjin, ma’ wliedhom, jaħdmu għall-benesseri tagħhom u jgħinu biex il-ħolm tagħhom isir realtà.  

Xi dwejjaq! Id-dinja għadha f’raqda twila li ma tispiċċa qatt. “Neruni daqq l-arpa waqt li Ruma kienet qed taqbad.” Is-Sirja għadha taqbad waqt li l-qawwiet tad-dinja jħarsu, jilagħbu l-logħba politika tagħhom u jew jiġu dro ma’ xulxin jew juru snienhom.  

Logħba Politika

Qed jilagħbu l-logħba politika tagħhom fuq l-iġsma mejta tal-poplu Sirjan. Qed jilagħbu għad-dro fuq pajjiż bil-ġuħ, marid u mifni bil-problemi.

Il-mexxejja reliġjużi bħal Papa Franġisku u Ħażrat Mirża Masroor Aħmad, il-mexxej dinji tal- Ahmadiyya Muslim Jamaat, appellaw lid-dinja u lill-Nazzjonijiet Uniti biex jużaw ir-rwol onest, sinċier u effettiv tagħhom ħalli jnisslu l-paċi fis-Sirja.  

Dwar il-mexxejja Sirjani li huma għatxana għall-poter, id-destin tagħhom diġà ġie asserit mill-Qaddis Profeta Muħammad, il-paċi tkun fuqu, li qal: “Kulħadd għassies u jrid iwieġeb lil Alla għall-azzjonijiet u l-għemejjel kollha tiegħu.”

Bla dubju ta’ xejn, il-mexxejja Sirjani jridu jwieġbu lil Alla għall-moħqrijiet, l-atroċitajiet u l-ħniżrijiet kollha li wettqu kontra l-poplu Sirjan. It-tmexxija Sirjana ma tistax tinsa li fil-jum tal-ġudizzju jridu jwieġbu għal dak kollu li għamlu u li qed jagħmlu, għaldaqstant iridu jħejju ruħhom għal dak il-jum.

Iżda d-dinja wkoll għandha obbligu morali li tistabbilixxi l-paċi fis-Sirja u fir-reġjun kollu.  Aktar minn hekk, il-pajjiżi Musulmani u l-mexxejja tagħhom għandhom sehem akbar f’dan kollu, skont il-Koran Imqaddes – il-ktieb qaddis tal-Musulmani. Huma għandhom l-obbligu li jaħdmu għall-paċi, u li jistabbilixxu l-paċi u r-rikonċiljazzjoni meta tinqala’ l-okkażjoni. Alla jistqarr meta jkun hemm sitwazzjoni bħal din: 

“U jekk żewġ gruppi ta’ fidili jiġġieldu kontra xulxin, ippruvaw ġibu l-paċi bejniethom; imbagħad, jekk wara dan kollu wieħed minnhom ikun ħati ta’ trasgressjoni kontra l-ieħor, iġġieldu kontra dak li hu trasgressur sakemm jerġa’ jkun taħt il-kmand ta’ Alla. Imbagħad, jekk dan isir, agħmlu l-paċi bejniethom bl-ekwità u aġixxu b’ġustizzja. Tassew, Alla jħobb lill-ġust.”      (Il-Koran, 49:10)

Jien ċert assolutament, li jekk inżommu ma’ dan il-prinċipju, il-pedament tal-paċi jkun jista’ jitqiegħed.

Kriżi Umanitarja

Il-poplu Sirjan qed jaffaċċja kriżi umanitarja li ma kienx hawn bħalha fid-dinja. In-nuqqas ta’ ikel u mediċini huwa evidenti. In-nies mhux qed imutu bil-bombi u bil-bulits biss, iżda qed imutu wkoll bil-ġuħ u bil-mard.

Jiena nappella bis-sinċerità kollha lill-mexxejja tad-dinja kollha biex iwarrbu l-egoiżmu tagħhom, u l-politika tagħhom, u jaħdmu għall-paċi fis-Sirja u jeħilsu lin-nazzjon midrub Sirjan minn aktar miżerja u sofferenzi. Ejjew kollha nagħmlu l-parti tagħna. Ejjew insalvaw il-missirijiet u l-ħolm tat-tfal żgħar Sirjani. Ejjew insalvaw l-umanità.

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya Malta, Ahmadiyya Muslim Jamaat Malta, Ahmadiyya: The True Islam, Peace, Quran, www.Ahmadiyya.mt and tagged , , , . Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.