Lessons learnt from Covid-19

Il-pandemija tal-Covid-19 infirxet mad-dinja kollha, fejn qed taffettwa lil madwar 34 miljun ruħ u diġà mietu aktar minn miljun persuna.

Jekk noqogħdu naħsbu dwar dawn l-aħħar xhur, nintebħu li d-dinja nbidlet b’mod radikali. Dikjarazzjoni li qrajt xi ġimgħat ilu, ‘il-vajrus m’għandux passaport’, ġiet verifikata l-għaliex il-vajrus infirex f’kull pajjiż u f’kull kontinent. Sfortunatament, għadu qed jinfirex f’ċerti pajjiżi b’rata mgħaġġla ħafna.

Alla l-Omnipotenti fil-Koran Imqaddes jgħid: ‘Tassew, hemm is-serħan wara t-tbatija (94:6).’ Bil-Malti aħna ngħidu wkoll li, ‘wara l-maltemp jiġi l-bnazzi’.

Jiena nemmen bis-sħiħ li l-bnedmin dejjem jistgħu jitgħallmu ħafna minn dawn is-sofferenzi u żminijiet iebsa. Din il-pandemija mhijiex differenti. Hemm għadd ta’ lezzjonijiet li tgħallimna matul dan il-perjodu.  

Din il-pandemija għallmitna nħobbu u nirrispettaw lil xulxin u nuru solidarjetà. Għallmitna l-lezzjoni tas-supplikazzjonijiet u t-talb. Għallmitna xi jfisser li tkun umli, ġeneruż, magħqud, b’saħħtek u san. Għallmitna l-valur tas-saħħa u l-kuntentizza. Barra minn hekk, tgħallimna wkoll nieħdu ħsieb l-ambjent u l-pjaneta tagħna.

Madanakollu, nixtieq niffoka fuq żewġ lezzjonijiet bażiċi u fundamentali li ħallew sinjali irriversibbli fuq il-memorja umana: is-sinifikat tal-eżistenza t’Alla fil-ħajja tagħna ta’ kuljum u l-importanza ta’ familji b’saħħithom u sani.

Alla jgħid fil-Koran Imqaddes: “Iva! Hija fit-tfakkira t’Alla li l-qlub jistgħu jsibu s-serħan u l-paċi.” (13:29)

Għalkemm il-miżuri ta’ prekawzjoni lagħbu rwol sinifikanti fit-trażżin tat-tifrix ta’ din il-pandemija, madanakollu, it-tfakkir f’Alla kien l-akbar sors ta’ paċi u wens tul din is-sitwazzjoni dipressanti li qatgħet qalb ħafna nies.

Il-lezzjoni l-oħra hija n-nukleu tal-familja. F’dinja fejn in-nuklei tal-familja qed jitfarrku, din il-pandemija ħalliet lill-familja bħala l-uniku forma ta’ interazzjoni fiżika umana. Fil-ġranet fejn kellna noqogħdu d-dar, b’ħafna minna jaħdmu minn hemm ukoll, tgħallimna kemm hija prezzjuża l-għaqda tal-familja; u kemm ir-relazzjoni bejn il-membri tal-familja hija importanti u tagħti sodisfazzjon.

Il-pjaċir li nieklu flimkien, li nitolbu flimkien, li nesprimu l-ħsibijiet, li naqsmu l-ideat, li niddiskutu, li naqraw il-kotba, li naraw id-dokumentarji, li nieħdu t-te waranofsinhar fil-ġnien u li nidħku flimkien biex inderru ftit mill-inkwiet tas-sitwazzjoni preżenti kienu kollha mumenti ta’ barkiet kbar li ġew b’mod sottili fil-ġranet ta’ iżolament personali u lockdowns. 

Alla jgħid fil-Koran Imqaddes: “U wieħed mis-Sinjali Tiegħu huwa dan, li Huwa ħoloq in-nisa għalikom minn fostkom ħalli tkunu tistgħu ssibu s-serħan il-moħħ fihom, u Huwa qiegħed l-imħabba u t-tenerezza bejnietkom.” (30:22)

Jiena nemmen bis-sħiħ li dawn iż-żewġ valuri bażiċi għenuna nimxu f’dan il-vjaġġ diffiċli ta’ iżolament u lockdowns b’suċċess. Ejja nsaħħu s-soċjetà tagħna billi nsaħħu n-nukleu bażiku tagħha – il-familja. Ejja ninvestu l-ħin u l-enerġija tagħna biex nagħmlu l-familja tagħna aktar b’saħħitha u sana. Dan ikun ifisser inqas żwiġijiet imfarrka, inqas familji mifruda, inqas tfal maqsumin bejn il-ġenituri tagħhom, ġenerazzjoni b’inqas sfidi ta’ saħħa mentali, u bħala riżultat, soċjetà globali aktar ferħana, aktar progressiva u aktar vibranti.

It-Torċa, il-Ħadd 11 ta’ Ottubru 2020, minn Imam Laiq Ahmed Atif – l-Artiklu – Lezzjonijiet li tgħallimna mill-Covid-19

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in #AhmadiyyaMalta, Ahmadiyya: The True Islam and tagged , . Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.