
Credit/Source: Il-Leħen, by Imam Laiq Ahmed Atif
Bħalissa għaddejjin minn żminijiet turbulenti li qatt ma esperjenzajna bħalhom fejn qed naffaċċjaw gwerra għalkollox mhux konvenzjonali – fejn il-coronavirus (Covid-19) qed ikompli jinfirex b’mod ħieles u mgħaġġel tul l-erbat irjieħ tad-dinja.
Hekk kif il-pandemija tal-Covid-19 tkompli tinfirex, il-ħsibijiet u t-talb tagħna jmorru għal dawk kollha li ġew direttament milquta. Madanakollu, jekk niflu ftit is-sitwazzjoni, huwa evidenti li fil-fatt l-umanità kollha ġiet affettwata minn din l-epidemija b’modi diversi. F’dawn iż-żminijiet diffiċli fejn l-inċertezza qed tiddominalna ħajjitna, aħna bħala familja umana fis-sens wiesa’, għandna rwol kruċjali x’nilagħbu biex nadottaw miżuri ta’ prekawzjoni ħalli nrażżnu l-pandemija tal-coronavirus.
F’dawn iż-żminijiet iebsa u diffiċli rridu nżommu kuntatt u nuru s-solidarjetà tagħna mal-oħrajn. Irid ikollna l-volontà li ngħinu lil ħaddieħor; irridu nkunu individwi li t-tieba tagħna tgħaddi minna għal ħaddieħor. Irridu ngħinu lil dawk fil-bżonn b’kull mezz possibbli. Huwa żmien fejn inkunu magħqudin u fejn nuru ħniena u mogħdrija.
F’dawn iż-żminijiet iebsa rridu nduru lejn Alla għall-għajnuna u l-ħniena Tiegħu. Il-Mexxej Dinji tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana wkoll ġibdilna l-attenzjoni għal din il-qagħda; huwa qal:
“Alla l-Omnipotenti jaf fis-sewwa kemm dan il-virus se jinfirex. Jekk dan il-virus huwa sinjal tad-dispjaċir ta’ Alla, mela hemm ħtieġa kbira li wieħed idur lejn Alla biex jipproteġi lilu nnifsu mill-effetti tal-virus.L-aktar għodda bażika li għandna għad-dispożizzjoni tagħna hija dik tat-talb. Għandna lkoll nitolbu għad-dinja kollha kemm hi biex Alla l-Omnipotenti jsalva l-umanità mill-effetti diżastrużi ta’ dan il-virus.”
Bla dubju ta’ xejn, il-miżuri ta’ prekawzjoni kollha jilagħbu rwol sinifikanti fit-trażżin tat-tixrid ta’ pandemija bħal din, madanakollu, mingħajr l-interċessjoni tal-Ħallieq, dawn l-isforzi jistgħu ma jħallux ir-riżultati mixtieqa. F’xenarju bħal dan, it-talb u s-supplikazzjonijiet huma meħtieġa aktar minn qatt qabel.
Din hija l-filosofija Iżlamika aħħarija. Jekk ma ndurux lejn Alla, jekk ma nitolbux, jekk ma nfittxux l-għajnuna, il-barkiet u l-ħniena Tiegħu, ma nistgħux inkunu siguri mill-perikli u l-effetti velenużi ta’ epidemija bħal din. Mingħajr Alla, il-paċi, il-kumdità, il-mistrieħ, is-sodisfazzjon, is-saħħa u n-normalità ma jistgħux jinkisbu. Biex l-isforzi umani tagħna jkunu aktar effettivi, sostenibbli u dejjiema, irridu nduru lejn il-Mulej tagħna, l-aktar Nobbli u dejjem Ħanin. Jekk m’hemmx Alla, m’hemmx paċi. Dan huwa l-għerf aħħari.
Jiena nitlob bil-ħrara li Alla Omnipotenti jixħet il-barkiet u l-grazzji Tiegħu fuqna kollha, juri ħniena minna, jaħfer l-iżbalji tagħna, u jsalvana mill-effetti devastanti ta’ din il-pandemija. Ammen.