Kull Qatra Tgħodd

Credit/Source: Il-Leħen, Sunday 22 November 2020, by Imam Laiq Ahmed Atif

Hemm żewġ għanijiet ewlenin ta’ reliġjon u fidi. Wieħed huwa li taqdi l-obbligazzjonijiet ta’ Alla Omnipotenti u l-ieħor huwa li taqdi l-obbligazzjonijiet tal-bnedmin ta’ madwarek.

F’dawn il-ġranet meta għaddejjin minn żmien ferm diffiċli minħabba l-pandemija tal-coronavirus, li hija theddida siekta għall-popli kollha tad-dinja, il-faqar qed jiżdied b’ rata mgħaġġla ħafna. Għalhekk huwa importanti ħafna li nieħdu ħsieb ta’ dawk ħutna li huma foqra jew li m’għandhomx riżorsi biżżejjed. Nifhem li kull familja ġiet affettwata ekonomikament minħabba din il-pandemija u mhux kull familja tista’ tonfoq bħal ħaddieħor, imma, jekk nagħtu dak li nistgħu anke jekk ikun ftit, dan jagħmel differenza fil-ħajja ta’ ħaddieħor. Anke jekk tkun tazza ħalib, biċċa ħobż jew laħam, ftit ross jew dqiq. Għax kull qatra tgħodd.

Fil-Bibbja nsibu kwotazzjoni mill-isbaħ ta’ Ġesù meta qal li f’Jum il-Ħaqq Alla se jgħid: “Jien kont bil-ġuħ u tmajtni u jien kont bil-għatx u tajtni l-ilma.” Il-karità hija ġest tant sabiħ li meta nagħtu lil xi ħadd li hu fil-bżonn Alla tant japprezza li nkunu qisna tajnieha Lilu.

Ngħinu lil min hu fil-bżonn

Huwa importanti li naraw min hu fil-bżonn fis-soċjetà tagħna u nipprovaw ngħinuhom kemm nistgħu. Jekk kull familja li għandha riżorsi biżżejjed tagħmel obbligu fuqha nnifisha li se tgħin lil persuna waħda fix-xirja tal-ikel, jew ilbies, jew affarijiet neċessarji oħra, naħseb ħadd ma jibqa’ fil-faqar f’pajjiżna. Dan nistgħu nagħmluh, jekk naħdmu id f’id u nifhmu u nġorru din ir-responsabbiltà bħala nazzjon.

Il-karità hija ġest nobbli ħafna. Il-bniedem li huwa dejjem lest biex jagħmel il-karità u biex jgħin lil ħaddieħor iħoss sodisfazzjon u kuntentizza dejjiema ġo qalbu. U iktar minn hekk, nirċievu l-barkiet u l-ħlas mingħand Alla. U verament Alla jgħin lil dawk li jgħinu lil ħuthom.

Il-Qaddis Profeta Muħammad qal: “Kull min iserraħ lil xi bniedem li jkun imtaqqal minn xi saram ta’ din id-dinja, Alla jserrħu minn xi saram ta’ Jum il-Qawmien. U min jgħin lil xi ħadd fil-bżonn, Alla jgħinu f’din id-dinja u fl-Oħra. U min jostor xi nuqqas ta’ wieħed, Alla jostru f’din id-dinja u fl-Oħra. Alla jgħin lill-qaddej li jgħin lil ħuh.”

Huwa wkoll importanti li nagħmlu karità kull meta nsibu li xi ħadd huwa fil-bżonn u ma nħallux għall-għada. Darba xi ħadd staqsa lill-Qaddis Profeta Muħammad: “Liema hija l-karità li ġġib l-akbar ħlas?” Huwa wieġeb: “Li tagħti l-karità meta tkun b’saħħtek, meta tkun tibża’ mill-faqar u tkun tixtieq l-għana. Ma għandekx toqgħod tistenna li ħajtek tasal fl-aħħar u mbagħad tgħid: ‘Dan għat-tali’, u ‘Dan għall-ieħor’.”

Fil-fehma tiegħi bħala nazzjon għandna obbligu li nagħmlu xi sagrifiċċji ekonomiċi, u mhux biss li niġru biex ngħollu l-istandard tal-ħajja tagħna ekonomikament, imma wkoll nieħdu ħsieb ta’ dawk li huma inqas ixxurtjati.

Dejjem lesti biex jaqdu lill-umanità

Meta naqraw dwar il-ħajja tal-Messaġġiera ta’ Alla nsibu li huma kienu dejjem lesti biex jaqdu lill-umanità; kienu lesti li jagħtu dak kollu li għandhom lin-nies. Insibu eżempji notevoli f’ħajjithom biex nikkupjawhom.

Meta naqraw dwar il-ħajja tal-Qaddis Profeta Muħammad, insibu li huwa tana għadd kbir ta’ eżempji eċċellenti dwar kif tonfoq kif jixtieq Alla. Huwa dejjem kien pront biex jissagrifika dak kollu li kellu għall-qadi tal-umanità. Il-ġenerożità tiegħu ma kellhiex paragun.

Darba l-Qaddis Profeta Muħammad xtaq li mogħża tinqatel u qassam laħamha mal-fqar. Wara staqsa jekk kienx baqa’ aktar laħam. Martu weġbitu li l-laħam kollu kien tqassam; ħarira żgħira kien baqa’ għalihom.

Il-Qaddis Profeta Muħammad qal, “Kulma tqassam huwa salvat (jiġifieri l-premju tiegħu huwa assigurat) u kulma fadal, qisuh bħala moħli.”

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in #AhmadiyyaMalta, Ahmadiyya Malta, Charity, Solidarijetà, Solidarity and tagged , , . Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.