FLIMKIEN B’SOLIDARJETÀ
EJJEW NUŻAW DAN IL-ĦIN ŻEJJED BL-GĦAQAL U B’MOD PRODUTTIV U EFFETTIV
Bla dubju ta’ xejn qegħdin fi żmien ta’ sfidi u f’sitwazzjoni li mhix feliċi. Dan huwa perjodu diffiċli immens. L-isfidi huma enormi u l-għadu l-mikrobu li qed jinfirex malajr.
Imma huwa importanti ħafna li ma nitilfux it-tama, u ma naqtgħux qalbna, u nagħmlu ħilitna kollha biex naqilbu dawn l-isfidi f’opportunitajiet. Għax jgħidu li: “The days that break you are the days that make you.”
Il-vjaġġ b’solidarjetà
Jekk nimxu f’dan il-vjaġġ flimkien b’solidarjetà, jien ċert li flimkien nistgħu nirbħu din l-isfida, flimkien nistgħu nirbħu din il-battalja, din il-gwerra bla preċedenti li qed taffettwa lil kulħadd, għax flimkien kollox huwa possibbli. Jekk naħdmu flimkien, ngħinu lil xulxin, u nibqgħu nieħdu ħsieb lil xulxin, perjodu tad-dlam jgħaddi u x-xemx titla’ wkoll.
Jiena nemmen bis-sħiħ li jekk nibqgħu magħquda, u flimkien niġbdu ħabel wieħed, u nisimgħu l-gvern u l-awtoritajiet tas-saħħa u nieħdu l-miżuri ta’ prekawzjoni kollha b’serjetà sħiħa, u nibżgħu għalina u għal ħaddieħor, din sħaba sewda fuqna ma tibqax hemm għat-tul. Għax ‘wara l-maltemp jiġi l-bnazzi’.
Alla l-Ħanin jagħtina l-bxara t-tajba fil-Koran Imqaddes u jgħid: ‘Tassew, hemm is-serħan wara t-tbatija (94:6).’
Il-ħin isejħilna li jekk aħna nippruvaw minn kollox u nagħtu sehemna b’determinazzjoni, b’responsabbiltà nazzjonali u bi spirtu tal-għaqda din it-tbatija se tispiċċa malajr u se ngawdu s-serħan u t-trankwillità.
Jekk nevalwaw insibu li s-sena 2020 kienet sena mimlija ġrajjiet b’tant affarijiet ġodda li d-dinja qatt ma immaġinathom qabel. Il-pandemija tal-Covid-19 biddlet l-istruttura sħiħa tad-dinja. Ġabet magħha metodi u ideat ġodda ta’ kif ngħixu, naħdmu u naġixxu ma’ xulxin. Rajna rivoluzzjoni fit-teknoloġija, l-ekonomija dinjija sofriet immens u l-faqar żdied bil-kbir.
Inkunu ta’ spalla
Ejjew nagħmlu kuraġġ, ejjew inkunu ta’ spalla effettiva lil xulxin, ejjew nimmotivaw lil dawk li jħossuhom imfarrka, imweġġgħin, iżolati u dgħajfa. Ejjew nibqgħu fil-kuntatt ma’ xulxin, mal-familji, mal-ħbieb, mal-ġenituri, mal-qraba, mal-ġirien, u fil-fatt ma’ kulħadd kemm nistgħu.
Telefonata ’l bogħod
F’dawn il-ġranet meta aħna mifrudin minn xulxin, hemm l-għeluq meħtieġ, ir-restrizzjonijiet huma qawwija, ħafna minna jħossuhom morda tal-ispirtu jekk mhux tal-ġisem. Imma, minħabba t-teknoloġja, aħna telefonata ’l bogħod biss minn xulxin. Allura, ejjew nibqgħu f’kuntatt kontinwu bl-għajnuna tat-teknoloġija. Nassigurak li, it-telefonata tiegħek tagħmel differenza kbira għall-persuna fuq in-naħa l-oħra.
Użu għaqli tal-ħin
F’dawn il-ġranet meta għandna ħin żejjed, huwa importanti li ma naħlux dan fix-xejn, iżda, għandna nagħmlu użu xieraq u għaqli ta’ dan il-ħin żejjed. Ejjew nużaw dan il-ħin żejjed bl-għaqal u b’mod ġenwinament produttiv u effettiv.
Il-Qaddis Profeta Muhammad, is-sliem għalih, semma li hemm żewġ barkiet minn Alla li l-bnedmin ma tantx jagħtu kashom. L-ewwel hija s-saħħa u t-tieni huwa l-ħin liberu. Għalhekk, huwa tant importanti li nagħmlu l-aħjar użu tal-ħin żejjed li għandna dawn il-ġranet tal-għeluq neċessarju.
Nistgħu nużaw dan iż-żmien biex inwettqu kwalunkwe ħaġa li minħabba n-nuqqas ta’ ħin baqa’ mhux komplut għal snin; nistgħu nużaw dan iż-żmien għall-qari u għall-kitba, u biex nitgħallmu xi ħaġa ġdida u siewja. Dawk li ma jgħinux regolarment fix-xogħol tad-dar, għandhom jippruvaw jgħinu lin-nisa u lill-ommijiet tagħhom fix-xogħol tad-dar u jitgħallmu ftit tisjir, tindif u ħasil.
Dan il-ħin żejjed jista’ jintuża biex tinżebagħ id-dar, torganizza u tibdel l-ambjent tad-dar. Nistgħu nużaw dal-ħin prezzjuż għall-eżerċizzju fiżiku u xi sport ta’ ġewwa, bħal table tennis u carrom board, eċċ.
Intejbu l-ispiritwalità
Dawk minna li ma setgħux jiffokaw fuq l-ispiritwalità għal kwalunkwe raġuni għandhom opportunità tad-deheb biex itejbu l-ispiritwalità tagħhom u jippruvaw jistabbilixxu relazzjoni mill-qrib mal-Ħallieq.
Għalhekk, matul dawn il-ġranet, ejjew nużaw l-aktar għodda bażika li għandna għad-dispożizzjoni tagħna li hija dik tat-talb. Ejjew inqimu quddiem Alla l-Ħanin, u nitolbu għalina u għall-umanità kollha għall-paċi, sliem u saħħa.
Ejjew nippreparaw ruħna biex l-ispiritwalità ssir għalina n-nifs ta’ ħajjitna, it-taħbita ta’ qalbna, iċ-ċentru ta’ ħsibijietna u tal-għemil tagħna.
Nemmen li, jekk m’hemmx Alla, m’hemmx paċi, serħan u saħħa. Dan huwa l-għerf aħħari. Alla jgħid fil-Koran Imqaddes: “Huwa fit-tifkira ta’ Alla li l-qlub jistgħu jsibu s-serħan u l-paċi.” (13:29)
Jiena nitlob bil-ħrara lil Alla Mimli Grazzji u l-Ħanin għas-saħħa u sliem għall-umanità kollha. Jalla jkollna l-grazzja dejjiema, juri ħniena minna, jaħfer l-iżbalji tagħna, u jsalvana mill-effetti devastanti ta’ din il-pandemija. Ammen.
Source/Credit: IT-TORĊA, 21/03/2021, by LAIQ AHMED ATIF, President Ahmadiyya Muslim Jamaat Malta, amjmalta@gmail.com