Forced Conversion and Islam

IL-KONVERŻJONI SFURZATA

 “M’għandux ikun hemm sfurzar fil-kwistjoni tar-reliġjon.” (Il-Koran, 2:257)

Il-libertà hija frott mill-aqwa. Il-libertà hija l-pedament ta’ kull soċjetà ħielsa u fuqha tissaħħaħ l-idea tal-protezzjoni tal-aktar dritt importanti għan-nies – id-dritt li jemmnu, jipprattikaw u jippritkaw dak li jridu, mingħajr biża’, sfurzar, persekuzzjoni, kastigi jew diskriminazzjoni.

Dan l-aħħar qrajt rapport dwar l-inċidenti ta’ persekuzzjoni tal-komunità Nisranija li tgħix fil-Pakistan u kien hemm inċidenti ta’ żwiġijiet sfurzati u konverżjoni sfurzata. Fosthom kien hemm rapport dwar it-tfajla Nisranija, Arzoo Raja, mill-Pakistan, li kienet inħatfet u ġiet imġiegħla tiżżewweġ u tikkonverti għall-Iżlam. Il-każ ta’ Arzoo Raja qajjem bosta mistoqsijiet kontra ż-żwiġijiet sfurzati u sfurzar fir-reliġjon.

Skont it-tagħlim Iżlamiku l-isfurzar fil-kwistjonijiet tar-reliġjon kif ukoll fiż-żwieġ mhuwiex aċċettabbli. Kull persuna għandha l-libertà li tagħżel il-partner fiż-żwieġ u anke biex temmen fi kwalunkwe reliġjon tal-għażla tal-persuna. Hawn taħt irrid nikteb x’jgħid l-Iżlam dwar il-libertà reliġjuża.

L-Iżlam jemmen f’libertà reliġjuża u ma jippermettix l-użu tal-forza bħala strument għat-tixrid tal-messaġġ tiegħu. L-Iżlam jiddikjara b’mod ċar: “M’għandu jkun hemm l-ebda sfurzar fil-kwistjoni tar-reliġjon.” (Il-Koran, 2:257)

Barra minn hekk, waqt li indirizza lill-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, Alla qallu li ma jsegwi l-ebda forza fir-riforma tas-soċjetà. Il-pożizzjoni tiegħu bħala riformatur hija mfissra b’mod ċar ħafna fil-versi li ġejjin:

“Għalhekk wissihom, għaliex inti m’intix ħlief il-wissej; inti m’għandek l-ebda awtorità biex tikkostrinġihom.” (88:22-23) “Mhijiex ir-responsabbiltà tiegħek li ġġagħalhom jimxu fit-triq it-tajba; iżda Alla jiddirieġi lil min jixtieq Hu.” (2:273) “Iżda jekk jitilqu ’l hemm, Aħna ma bgħatniekx bħala għassies fuqhom. Id-dmir tiegħek huwa li twassal il-messaġġ.” (42:49)

Aktar minn hekk, Alla jagħmilha kompletament ċara li jekk l-isfurzar ikollu jsir permessibbli fil-kwistjonijiet ta’ fidi, mela għaliex Alla jkun ħalla l-affarijiet f’idejn in-nies, meta Huwa stess seta’ jisforza lin-nies biex jemmnu fir-reliġjon? Alla jgħid fil-Koran Imqaddes: “U jekk il-Mulej tagħkom kellu jimponi r-rieda Tiegħu, ċertament li dawk kollha li jinsabu fuq din l-art kienu jemmnu lkoll flimkien. Allura inti se ġġiegħel lill-bnedmin biex jemmnu?” (10:100)

Dawn il-versi juru biċ-ċar li l-Iżlam jiddikjara b’mod kategoriku li r-reliġjon hi xi ħaġa individwali għal kull persuna biex tiddeċiedi għaliha nfisha u m’għandhiex tkun imġiegħla fuq l-individwu. Il-fidi hi ħaġa ta’ bejn il-bniedem u l-alla tiegħu u m’għandek tindaħallu bl-ebda mod. Kulħadd għandu d-dritt li jgħix skont il-fidi tiegħu u li jesegwixxi r-ritwali reliġjużi tiegħu.

Għalhekk, meta xi ħadd jindaħal f’din il-ħaġa li hija personali bejn il-bniedem u Alla, u fejn il-liġi tinterferixxi ma’ dan id-dritt, dan ikun att ta’ kefrija kbira u persekuzzjoni, u għandha tiġi kkundannata.

Fil-qosor, l-Iżlam jemmen bis-sħiħ fil-libertà tal-fidi.

Ħafna drabi n-nies jistaqsuni li, jekk l-Iżlam jemmen bis-sħiħ fil-libertà reliġjuża allura għaliex insibu l-persekuzzjoni reliġjuża f’ċerti pajjiżi fejn hemm il-Musulmani fil-maġġoranza? Għaliex huma jridu jimponu l-għażla tagħhom fuq l-oħrajn? Għaliex ma jħallux lill-oħrajn biex jemmnu, jipprattikaw u jippritkaw ir-reliġjon tal-għażla tagħhom? Għaliex in-nies ta’ twemminiet oħra jiġu ppersegwitati f’pajjiżi Musulmani?

Dawn huma mistoqsijiet validi ħafna. Ngħid li din hija sfortuna kbira li hemm Musulmani li ma jipprattikawx it-tagħlim Iżlamiku fil-veru sens tiegħu. Imma għandna nifhmu wkoll li, jekk persuna ma ssegwix xi tagħlim partikolari kif suppost waqt li tammetti li tħaddan dak it-tagħlim, mela hija l-persuna li qed tiżbalja, u mhux it-tagħlim li huwa żbaljat. Il-kelma ‘Iżlam’ fil-fatt tfisser paċi, imħabba, u sigurtà. Ma jistax ikun hemm sfurzar fejn tidħol il-fidi, hija direzzjoni ċara fil-Koran. Minn qoxra sa qoxra, il-Koran Imqaddes iwassal messaġġi ta’ mħabba, affezzjoni, paċi, rikonċiljazzjoni, u l-ispirtu tas-sagrifiċċju.

Il-Komunità Ahmadiyya Musulmana ssegwi biss it-tagħlim ġenwin tal-Iżlam u taħdem purament biex togħġob lill-Alla l-Omnipotenti. Jekk xi Knisja jew xi post ieħor ta’ adorazzjoni jkollhom bżonn ta’ xi forma ta’ protezzjoni, u jekk il-Kristjani jew nies ta’ twemminiet oħra għandhom bżonn, lilna se jsibuna spalla ma’ spalla magħhom biex ngħinuhom. Għax aħna nemmnu bis-sħiħ fit-tagħlim Iżlamiku li “M’hemm l-ebda sfurzar fir-reliġjon” u fil-motto rivoluzzjonarju u paċifiku tagħna li huwa “Imħabba għal kulħadd mibegħda għal ħadd.”

Source/Credit: It-Torċa, 14/03/2021, by Laiq Ahmed Atif, President Ahmadiyya Muslim Jamaat Malta, amjmalta@gmail.com

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya Malta, Ahmadiyya: The True Islam and tagged , , , , , . Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.