Why family separations are increasing?

Tliet separazzjonijiet kuljum – X’inhi r-raġuni?

It-Torca, 25 April 2021, Laiq Ahmed Atif, amjmalta@gmail.com

Illum il-ġurnata, l-ilmenti dwar intolleranza fiż-żwieġ qed jiżdiedu. Kultant, l-affarijiet taż-żwieġ u l-kunflitti tagħhom jirriżultaw f’sitwazzjonijiet ħżiena u ta’ ħsara kbira, u l-koppja tispiċċa fis-separazzjoni.

Dan l-aħħar smajt fl-aħbarijiet fuq Television Malta li fis-sena tal-pandemija ġew irreġistrati medja ta’ 3 separazzjonijiet kuljum. Skont iċ-ċifri uffiċjali s-sena li għaddiet ġew irreġistrati 1,143 separazzjoni f’Malta.

Dawn il-figuri huma xokkanti ħafna minħabba ċ-ċokon ta’ pajjiżna. Nifhem li l-pandemija ġabet ħafna sfidi lill-familji u l-koppji miżżewġa, imma huwa wkoll importanti li nevalwaw din is-sitwazzjoni biex nifhmu x’qed jikkawża nuqqas ta’ qbil bejn il-koppji li jwasslu biex jisseparaw it-toroq ta’ ħajjithom. 

Għaliex id-djar paċifiċi qed jinbidlu f’post tal-infern? Għaliex id-dar qed issir kamp tal-battalja għalihom? X’inhi r-raġuni għal din iż-żieda sostanzjali fis-separazzjonijiet? U fuq kollox: X’inhu r-rimedju?

Naħseb l-ewwel u qabel kollox għandna nifhmu li l-azzjonijiet tagħna mhumiex limitati f’erba’ ħitan ta’ djarna, imma l-impatt tagħhom jinħass ukoll fis-soċjetà, li fl-aħħar jaffettwa lill-pajjiż kollu. Allura huwa importanti immens li nagħmlu sforz pożittiv biex nappoġġjaw il-progress tal-pajjiż.

Għandna nifhmu wkoll li kull min qed joħloq dawn il-problemi, billi jħabbat lilu nnifsu fix-xibka tal-ego tiegħu stess, mhux biss qed joħloq problemi għalih innifsu u għall-parti l-oħra, iżda wkoll joħloq problemi għall-pajjiż. Dan huwa l-fatt, u huwa ovvju li l-ġid tan-nazzjon huwa mwaħħad mal-ġid tal-individwu.

Għalhekk jekk aħna rridu pajjiż san u progressiv, allura għandna biex insaħħu l-familji tagħna u nagħmlu kull sforz biex djarna jsiru kenn ta’ paċi, imħabba u kompassjoni.

Imma kif nistgħu niksbu dan l-għan?

L-ewwel nett, il-koppji li għal xi raġuni qed jgħaddu minn xi problemi għandhom jivvalutaw jekk humiex taħt l-influwenza tal-ego tagħhom stess. Kemm l-irġiel kif ukoll in-nisa għandhom jirriflettu dwarhom infushom.

Wara li jsibu l-kawżi tal-affarijiet li joħolqu n-nuqqas ta’ qbil bejniethom, kemm il-koppji kif ukoll il-familji tagħhom għandhom jibdew il-proċess tar-rikonċiljazzjoni permezz ta’ djalogu kostruttiv u effettiv bejniethom. Dan id-djalogu għandu jkun ċar, sinċier u bla ebda kundizzjonijiet.

L-Iżlam tana tagħlim sabiħ biex insaħħu r-relazzjonijiet familjari tagħna u nistabbilixxu ambjent ta’ mħabba u affezzjoni fid-djar tagħna. Alla jgħid li meta l-koppji jiżżewġu għandhom dejjem jimxu mal-verità u jsiru ġusti. Jekk il-koppja tiddeċiedi li dejjem se żżomm l-imħabba ta’ Alla ġo qalbhom u jgħinu lil xulxin b’responsabbiltà sħiħa dan se jsaħħaħ ir-relazzjonijiet tagħhom.

Għalhekk, kemm ir-raġel kif ukoll il-mara għandhom jibqgħu sodi fuq it-tjieba u l-pjetà, jitolbu biex ir-relazzjoni reċiproka tagħhom tissaħħaħ u jkollhom konsiderazzjoni u rispett għal xulxin u għall-qraba ta’ xulxin. Għandna nifhmu li r-relazzjonijiet mibnija fuq il-fiduċja u r-rispett isiru immuni mill-perikli esterni, u b’hekk jiġu evitati ħafna misunderstandings bejniethom.

Jekk hemm kwistjoni, irrispettivament minn min ħalaqha, ir-raġel u l-mara għandhom jiċċarawha billi jitkellmu ma’ xulxin bi mħabba u affezzjoni, u jindirizzaw is-sitwazzjoni immedjatament. Li tħalli l-kwistjonijiet ifixklu ma joħloq xejn għajr mibegħda, xquq fir-relazzjonijiet u djar imkissrin.

Il-ġenituri u l-qraba għandhom jgħinu lill-koppja biex isolvu l-kwistjoni, jekk jinqala’ xi ħaġa bejniethom, u għandhom ilissnu kliem li jista’ jsaħħaħ ir-relazzjoni tal-koppja. Il-ġenituri għandhom ikunu ta’ spalla effettiva għal uliedhom.

Jiena dejjem nemmen u konvint f’dan il-prinċipju tad-deheb li kull meta jinqala’ xi ħaġa wieħed għandu jkun raġonevoli u mhux emozzjonali. Allura, f’dawk il-kwistjonijiet kollha, minflok ma wiħed jieħu deċiżjoni emozzjonali, wieħed għandu juża r-raġuni biex jieħu dawk id-deċiżjonijiet. Dan huwa punt kruċjali f’kwalunkwe relazzjoni, inkluż iż-żwieġ.

Barra minn hekk, ir-rabja hija velenu, għalhekk il-koppji miżżewġin għandhom dejjem jippruvaw jevitawha b’kull mod, tkun xi tkun.

Biex jikkontrolla r-rabja tiegħu, il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, qal li jekk persuna rrabjata tkun bilwieqfa, għandha toqgħod bilqiegħda, u jekk tkun bilqiegħda tibda b’xi talba u tixrob l-ilma kiesaħ jew tieħu banju.

Osservajt li huma l-arroganza u n-nuqqas ta’ qalb tajba u n-nuqqas ta’ tolleranza li jsiru l-bażi tal-biċċa l-kbira tal-kunflitti matrimonjali. Jekk parti waħda tgħid xi ħaġa, il-parti l-oħra, minflok ma ttemm il-kunflitt billi turi tolleranza, twieġeb lura b’aktar aggressjoni. Bħala riżultat, il-kunflitti jsiru twal.

Iż-żewġ naħat huma responsabbli biex joħolqu lmenti u jeqirdu djarhom. Jekk in-nies miż-żewġ naħat jikkontrollaw l-emozzjonijiet tagħhom u jsiru ġusti fil-qalb, problemi bħal dawn qatt ma jinqalgħu.

Il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, wissa lil nies bħal dawn li, filwaqt li t-tnejn li huma jaraw difetti f’xulxin, irid ikun hemm ukoll xi kwalitajiet li jogħġbuhom f’xulxin ukoll. Mhuwiex possibbli li jkun hemm biss difetti fil-persuna l-oħra.

Jekk niffokaw fuq il-kwalitajiet tajbin u nadottaw id-drawwa tas-sagrifiċċju, allura nistgħu niżviluppaw atmosfera u ambjent ta’ armonija, imħabba, affezzjoni u rikonċiljazzjoni fi djarna.

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya: The True Islam, Harmony, Malta, Women, www.Ahmadiyya.mt and tagged , , , , , , , . Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.