Is-sawm – istituzzjoni mbierka
Il-Leħen 25 April 2021, Imam Laiq Ahmed Atif
Is-sawm huwa forma ta’ qima u devozzjoni. Din il-forma ta’ qima tinstab universalment fir-reliġjonijiet kbar kollha tad-dinja. Għalkemm hemm differenzi fil-mod kif is-sawm huwa pprattikat f’reliġjonijiet differenti, iżda l-idea ċentrali tas-sawm hija preżenti kullimkien.
Il-Koran Imqaddes jiddikjara: “Intom li temmnu, is-sawm huwa obbligatorju għalikom, bħalma kien għal dawk ta’ qabilkom, ħalli tkunu tistgħu ssiru devoti.” (2:184)
Dan il-vers juri biċ-ċar li s-sawm kien dejjem parti integrali mill-kmandamenti spiritwali, u l-bniedem ta’ kull żmien kien mistenni li jsum sabiex isir persuna ġusta, twajba u devota. Sabiex il-bniedem jikber fil-karattru tiegħu, u jsir persuna onorabbli.
Meta wieħed jidħol fid-dettall isib li l-għan prinċipali ta’ dan l-eżerċizzju spiritwali, bħall-forom l-oħra kollha ta’ qima fl-Iżlam, huwa l-kisba tal-imħabba ta’ Alla u sabiex intejbu l-ispiritwalità tagħna.
Il-kelma Ramadan imbagħad fl-Għarbi tfisser ‘żewġ sħaniet’, jew ‘żewġ imħabbiet’ – l-imħabba ta’ Alla, u l-imħabba tal-umanità. Matul ix-xahar tar-Ramadan il-bniedem jikber f’dawn iż-żewġ imħabbiet. Meta jagħmel sagrifiċċji fiżiċi u jagħmel meditazzjoni spiritwali huwa jifhem iktar xi jfisser li tkun fl-imħabba ma’ Alla u mal-proxxmu.
Il-Musulmani fid-dinja kollha huma ordnati li jsumu għal xahar sħiħ kull sena. Ix-xahar tas-sawm, li huwa xahar lunari, jiġi ħdax-il jum aktar kmieni kull sena, b’hekk idur matul is-sena u f’kull parti tad-dinja jolqot l-istaġuni kollha wieħed wara l-ieħor.
Fl-Iżlam, is-sawm huwa obbligatorju għal kull adult, b’ċerti eċċezzjonijiet. Persuna marida, xi ħadd li qed jivvjaġġa, mara tqila jew li qed tredda’, persuna anzjana, xi ħadd li jsib l-esperjenza tas-sawm iebsa ħafna minħabba l-età jew xi diffikultà oħra, dawn kollha huma eżentati.
Meta l-marda hija temporanja, il-bniedem għandu jsum dawk il-ġranet tas-sawm li tilef wara r-Ramadan, imma jekk il-mard huwa permanenti, bħal fil-każ tax-xjuħija jew xi marda kronika, l-eżenzjoni ssir assoluta. Is-sawm jinvolvi t-tiċħid mill-ikel u x-xorb mis-sebħ (bejn wieħed u ieħor siegħa u nofs qabel tlugħ ix-xemx) sa nżul ix-xemx.
Is-sawm huwa eżerċizzju spiritwali, is-sawm jgħallem id-dixxiplina u jistimula t-talb, il-karità, it-twettiq ta’ għemejjel oħra tajba, u l-astensjoni mill-ħażen. Huwa jinkoraġġixxi wkoll l-iżvilupp tal-grazzja, tas-sabar, tal-qlubija, tal-umiltà, tas-sempliċità, u tas-sagrifiċċju.
Għan tas-sawm tul ir-Ramadan huwa biex ifakkarna fis-sofferenzi tan-nies li ma għandhomx riżorsi biżżejjed. Meta wieħed ma jikolx u ma jixrobx għal ġurnata sħiħa, hu jibda jirrealizza xi jfisser il-ġuħ u l-għatx u minn xiex jgħaddu l-foqra.
Matul dawn il-ġranet tal-pandemija, is-sawm jagħmel ħafna sens għalina. Il-messaġġ tas-sawm huwa dak li nieħdu ħsieb xulxin, ngħinu lil dawk li huma fil-bżonn, inkunu ta’ spalla effettiva lil xulxin, inxerrdu kelma ta’ kuraġġ, nuru s-solidarjetà ma’ xulxin, nimmotivaw lil dawk li jħossuhom imfarrka, imweġġgħin, iżolati u dgħajfa.
Ir-Ramadan jgħallimna li nagħtu l-ikel lil min għandu l-ġuħ, l-ilma lil min għandu l-għatx, libsa lil dawk li m’għandhomx, nixtru mediċini lill-morda, u nibqgħu fil-kuntatt ma’ xulxin, ma’ kulħadd kemm nistgħu.
Fuq kollox, is-sawm jgħallimna l-importanza tat-talb. Għalhekk, huwa opportunità mill-isbaħ li nqimu quddiem Alla u nitolbu lil dawk kollha li b’xi mod ġew affettati minn din il-pandemija, u sabiex din il-pandemija tintemm malajr.
Barra minn hekk, ir-Ramadan jgħallimna wkoll dwar l-importanza tal-ikel u l-ilma. Skont xi studji terz tal-ikel kollu għall-użu tal-bniedem jinħela. Allura l-messaġġ tar-Ramadan huwa dak li nibżgħu għall-ikel u l-ilma u ma naħluhomx.
Is-sawm mhuwiex biss l-astensjoni mill-ikel u x-xorb, iżda huwa xi ħaġa ħafna ikbar minn dan. Waqt is-sawm, wieħed irid jikkontrolla l-emozzjonijiet tiegħu u joqgħod lura milli jirrabja, jargumenta jew iġib ruħu b’xi mod irrazzjonali. Il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, qal: “Dak li jastjeni mill-ikel u x-xorb matul il-perjodu tas-sawm iżda ma jrażżanx lilu nnifsu milli jlissen gidba jkun qed jiċċaħħad għalxejn.”