Nieħdu Ħsieb il-Ġenituri
Uri tjieba lejn il-ġenituri, qatt tgħidilhom kliem iebes jew ta’ stmerrija, iżda indirizzahom bil-ħlewwa, ġentilezza, umiltà u tenerezza.
LAIQ AHMED ATIF| It-Torċa | 18 July 2021 | amjmalta@gmail.com
Għexieren ta’ snin ilu, ma kienx hemm id-djar tal-anzjani, u l-ġenituri kienu jgħixu fil-familja. Anke llum il-ġurnata, f’ħafna pajjiżi inkluż il-pajjiżi Musulmani, insibu li l-ġenituri jgħixu mat-tfal tagħhom. Din il-kultura hija komuni ħafna f’diversi pajjiżi madwar id-dinja.
Illum il-ħajja saret daqshekk mgħaġġla li t-tfal ma jsibux biżżejjed ħin biex iqattgħu l-ħin mal-ġenituri tagħhom, u jieħdu ħsiebhom. Għalhekk, ħafna ġenituri m’għandhom l-ebda għażla oħra ħlief li jgħixu fid-djar tal-anzjani. Jien ċert li, jekk ikollhom għażla, ħafna minnhom żgur jippreferu li jgħixu mat-tfal u man-neputijiet tagħhom, fid-dar tal-familja.
Għaliex naħseb hekk li l-ġenituri jippreferu l-ħajja mal-familja? Jiġifieri, dan ifisser li d-djar għall-anzjani ma joffrux servizz tajjeb?
Irrid nagħmilha ċara li dan mhux il-każ. Id-djar tal-anzjani joffru servizz eċċellenti, u dan nafu sew, għax żort ħafna drabi xi djar tal-anzjani qabel il-pandemija. L-anzjani qed jingħataw kura u servizz eċċezzjonalment tajba ħafna, u m’għandi l-ebda dubju f’dan, ikun xi jkun.
Imma din hija n-natura tal-bniedem li dejjem jixtieq jgħix ma’ dawk li jħobbuhom b’tant passjoni u b’kumpassjoni enormi, minn qalbhom.
It-tieni, irridu nifhmu li, mard fiżiku huwa ħafna iktar faċli biex tfejjaq jew ittaffi, iżda t-trawmi psikoloġiċi profondi li minnhom qed ibatu numru konsiderevoli ta’ ġenituri u membri anzjani tas-soċjetajiet moderni, huma ferm aktar diffiċli biex jiġu identifikati, mogħtija l-konsiderazzjoni xierqa u l-attenzjoni dovuta sabiex jiġu kkurati.
Ħafna drabi l-ġenituri jsiru ferħanin b’ġesti żgħar, u jaġixxu bħallikieku rċevew il-barkiet kollha tad-dinja u tas-smewwiet, bħallikieku sabu teżor prezzjuż, bħallikieku x-xewqat kollha tagħhom ġew sodisfatti, bħallikieku l-ħolm kollu tagħhom sar realtà.
Dan l-aħħar qrajt il-poeżija ta’ Dun Karm, jisimha ‘Waħdi’. F’din il-poeżija huwa joħlom dwar il-memorji sbieħ, inkluż id-dar tal-familja. Jgħid kemm kienet sabiħa l-ħajja meta kien hemm atmosfera naturali fi ħdan il-familja. Biex nagħti silta minn din l-poeżija:
Ftakart fik, ja dar ħienja u sabiħa, _________ Dar mimlija bI-imħabba u bil-ġid; Dar missieri, dar ommi, dar ħuti, _________ Dar il-ħidma tal-moħħ u tal-id.
U fl-aħħar il-poeta jgħid li,
F’dik il-għafsa ta’ qalb reġa’ lura _________ Il-ħsieb tiegħi, u l-ħolma spiċċat … F’xatt il-baħar, taħt qamar tal-fidda, _________ Sibtni waħdi fuq xifer il-blat.
Din il-poeżija turi l-għafsa li jħossu l-ġenituri meta huma jgħixu ’l bogħod mill-familja tagħhom. Huma jħossuhom waħedhom, anke jekk ikollhom il-kumditajiet materjalistiċi kollha, anke jekk jingħataw kura u servizz eċċellenti.
Meta nħarsu lejn ir-reliġjonijiet u s-soċjetajiet ċivilizzati, nindunaw li kollha kemm huma taw importanza kbira għar-rispett lejn il-ġenituri. Alla jgħid fil-Koran Imqaddes: “U aħna amarna lill-bniedem biex ikun ħanin mal-ġenituri tiegħu.” (Il-Koran, 46:16)
Alla jgħid fil-Koran Imqaddes li huwa obbligatorju li nieħdu ħsieb il-ġenituri tagħna, u dejjem nittrattawhom b’mod ġentili.
Sidek amar, “Uru tjieba lejn il-ġenituri. Jekk xi ħadd minnhom, jew it-tnejn li huma, jixjieħu miegħek, qatt tgħidilhom kliem iebes jew ta’ stmerrija, iżda indirizzahom bil-ħlewwa. U b’umiltà u tenerezza itlob: Sidi, ħenn għalihom bħalma rabbewni meta kont żgħir.” (Il-Koran, 17:24-25)
Dan juri biċ-ċar kemm huwa importanti li nieħdu ħsieb tajjeb lill-ġenituri tagħna, u mhux biss li nieħdu ħsiebhom, imma nitolbu għalihom regolarment sabiex jekk xi ħaġa hija nieqsa mis-servizz tagħna, Allah jagħtihom dak kollu li huwa tajjeb għalihom.
Barra minn hekk, huwa importanti immens li kuljum niltaqgħu mal-ġenituri tagħna, inqattgħu ħin fil-kumpanija ta’ xulxin, ngħidulhom ftit kliem ħanin u sabiħ, nagħtuhom xi massaġġi, u nuruhom l-imħabba u l-mogħdrija. Għax, ‘fejn tħobb il-qalb jimxu r-riġlejn’. Meta nagħmlu dan, nindunaw li wiċċhom jixgħel bit-tbissima u d-dawl tal-ferħ.
Niftakru sew li l-ġenituri tagħna kienu magħna f’kull mument kemm ta’ ferħ jew ta’ niket. Huma dejjem kienu spalla effettiva għalina f’mumenti tal-isfidi. Għalhekk, tassew jistħoqqilhom li nieħdu ħsiebhom tajjeb ħafna, u nkunu grati lejhom, għax “min ma jiżżix ħajr lin-nies, lanqas ma jiżżi ħajr lil Alla”.