L-Iżlam jippermetti l-abort?
Imam Laiq Ahmed Atif | amjmalta@gmail.com | Il-Leħen 8 ta’ Awissu 2021
Id-dinja saret kumplessa ħafna. Il-bniedem jitlob ħaġa u mbagħad jiġri għal oħra. Aħna bħala bnedmin m’aħniex kuntenti u sodisfatti, u kontinwament qed nitħabtu għall-kuntentizza, għall-paċi u s-sodisfazzjon. Madankollu, ma nifhmux kif il-kuntentizza u s-sodisfazzjon vera jistgħu jinkisbu. X’inhuma l-mezzi vera għall-kuntentizza? Liema triq twassal għall-paċi u l-hena dejjiema?
Meta sinċerament nevalwaw is-sitwazzjoni ta’ madwarna, insibu n-nuqqas ta’ paċi u sliem fid-dinja moderna. Huwa l-fatt li l-bniedem għamel ħafna progress materjalistiku u ivvinta ħafna affarijiet għall-kumditajiet tiegħu, imma, il-bniedem mhux kuntent u sodisfatt.
Hemm inkwiet, biża’, nuqqas ta’ fiduċja fil-futur u nuqqas ta’ sodisfazzjon li dejjem jikber. Fil-qosor jista’ jingħad li l-bniedem qiegħed fit-tfittxija tal-paċi eterna.
Alla l-Ħanin ipprovda rimedju għal mistoqsijiet u ħtiġijiet bħal dawn u jgħid fil-Koran Imqaddes li, “Huwa fit-tifkira ta’ Alla li l-qlub jistgħu jsibu sodisfazzjon u paċi” (13:29). Jiġifieri, il-paċi, l-hena u s-sodisfazzjon dejjiema jinsabu biss fit-tifkira ta’ Alla, f’relazzjonijiet b’saħħithom mal-Ħallieq, u f’komunjoni mill-qrib mal-Mulej il-Ħanin.
Din hija l-filosofija eterna li permezz tagħha l-bniedem ta’ kull żmien u f’kull era sab rimedju għall-uġigħ u t-tbatija tiegħu. Mingħajr Alla, il-paċi u s-sliem ma jistgħux jinkisbu.
Nuqqas ta’ kuntentizza
Id-dibattitu dwar l-abort huwa wkoll minħabba l-fatt li l-bnedmin mhumiex kuntenti, u dejjem jixtiequ xi ħaġa sabiex jiksbu l-paċi. Iktar milli niffokaw fuq id-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tagħna, aħna qed nagħmlu l-isforzi kollha tagħna biex nitolbu aktar u aktar drittijiet għalina nfusna.
Il-bnedmin jixtiequ jgawdu l-kumpanija tal-imsieħba tagħhom, iridu li jsibu mħabba u serenità mill-partner tagħhom, iżda ma jridux li jagħtu kas id-doveri, u jixtiequ jarmu kompletament id-dmirijiet kollha marbuta ma’ dik ir-relazzjoni, bħal li jkollhom it-tfal u jipprovdulhom trobbija xierqa.
L-abort hu qtil ta’ trabi innoċenti
Għalhekk, minn żmien għal żmien, nisimgħu s-sejħiet favur l-abort u ma nifhmux li l-abort huwa qtil ta’ trabi innoċenti fil-ġuf tal-omm, u li jkisser in-natura sagramentali tas-sess, iż-żwieġ, il-familja u l-ħajja umana.
Sfortunatament il-mentalità favur l-abort jew kontra l-ħajja, li tkażbar id-dritt tal-ħajja tat-trabi mhux imwielda għall-konvenjenza personali, soċjali u ekonomika, daħlet ukoll fis-soċjetà tagħna.
Huwa importanti ninnotow li r-relazzjonijiet sesswali fiż-żwieġ huma marbuta ma’ ċertu responsabbiltà u regoli. Ir-relazzjonijiet mhux protetti, mhux ikkontrollati u irresponsabbli huma kontra r-rabta sagra taż-żwieġ.
L-Iżlam jiggwida x-xewqat naturali fid-direzzjoni t-tajba
It-Tieni Kalif tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana jispjega dan b’mod tajjeb u jgħid li l-Iżlam ma jfittixx li jkisser ix-xewqat naturali tiegħi, iżda jiggwidahom fid-direzzjoni t-tajba. Aktar minn hekk, ma jfarrakhomlix u jirriduċini f’ġebla; lanqas jirriduċini f’annimal billi ma jikkontrollahomlix, iżda, bħal espert tal-irrigazzjoni li jħażżem l-ilmijiet u jiddireġihom fil-kanali tal-irrigazzjoni, b’hekk, ibiddel art niexfa f’waħda fertili; l-Iżlam jibdel b’kontroll u gwida xierqa x-xewqat naturali tiegħi fi prinċipji morali għolja.
L-Iżlam ma jgħidlix Alla tak qalb li taf tħobb iżda mbagħad ma jippermettilekx issib is-sieħeb/sieħba ta’ ħajtek, jew li żejnek bis-sens tat-togħma u l-kapaċità li tapprezza l-ikel tajjeb, iżda mbagħad jipprojbik milli tiekol dan l-ikel. Bil-kontra, jgħallimni nħobb b’qalbi u bis-sewwa biex it-twettiq tar-riżoluzzjonijiet tajba tiegħi jiġu mħarsa permezz ta’ wliedi. Jippermettini niekol b’kontroll ikel tajjeb biex ma nimteliex jien u l-ġar tiegħi jibqa’ bil-ġuħ. Bit-trasformazzjoni tax-xewqat naturali tiegħi fi kwalitajiet morali għolja l-Iżlam jissodisfa l-umanità tagħna.
L-abort hu kategorikament projbit
L-Iżlam bħala reliġjon universali jipprojbixxi b’mod kategoriku l-abort. L-abort huwa projbit minħabba ħafna raġunijiet waħda minnhom hija li jekk m’hemmx limiti għal dawk affarijiet, allura l-bniedem qatt mhu se jkun sodisfatt u dejjem se jitlob xi ħaġa ġdida. Meta jkollu waħda se jitlob għal oħra.
L-abort huwa kkundannat mir-reliġjonijiet kollha tad-dinja, inkluż l-Iżlam. L-Iżlam iħabrek kemm jiflaħ biex iħares il-qdusija tal-ħajja umana kollha u jqis il-prattika tal-abort daqslikieku wieħed qed ineħħi l-ħajja ta’ bniedem ieħor. Madanakollu, fil-każ li l-ħajja jew is-saħħa tal-omm tkun fil-periklu minħabba l-ħlas, l-Iżlam jagħti aktar drittijiet lill-omm u l-abort isir permissibbli.
Fid-dinja moderna naraw li l-bniedem jagħti prijorità għal għażliet ekonomiċi fuq l-għażliet morali. Peress li huwa irħas li jsir abort milli li trabbi tarbija, hemm nies li jippreferu joqtlu tarbija innoċenti fil-ġuf milli jaċċettaw piż ekonomiku. Ħafna jippreferu jkollhom pixxina ġdida jew karozza moderna jew dar kbira milli tarbija ġdida.
Il-Koran Imqaddes jipprojbixxi l-abort minħabba l-biża’ ta’ problemi finanzjarji. Alla jgħid: “Toqtlux lil uliedkom minħabba l-biża’ tal-faqar. Huwa Aħna li nipprovdu għalihom u għalikom. Tassew, il-qtil tagħhom huwa dnub kbir.” (Il-Koran, 17:32)
Meta wieħed jirriduċi l-proċess onorabbli tar-riproduzzjoni għal għażla ekonomika jkun qed ixejjen wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-istituzzjoni taż-żwieġ u jeħodha kontra l-ispirtu tat-tagħlim Iżlamiku.
Dwar il-qtil tal-ħajja umana l-Koran Imqaddes jiddikjara: “Teqirdux ħajja li Alla ddikjaraha sagra ħlief għal raġuni ġusta.” (25:69)
Konsegwentement, għall-ġid tal-benesseri soċjali, morali u spiritwali tagħna rridu nadottaw filosofija tal-ħajja u tal-bniedem li tirrikonoxxi d-drittijiet mogħtija minn Alla u d-dmirijiet korrispondenti, li tafferma l-valur morali intrinsiku u d-dinjità tal-bnedmin inklużi persuni b’diżabilità, anzjani u trabi mhux imwielda (unborn babies). U dejjem inħarsu l-istat sagru tas-sess, iż-żwieġ, il-familja u l-ħajja umana.