Is-Sempliċità – Mezz ta’ Kuntentizza
“Ħares lejn dawk li huma iktar baxxi minnek, imma tħarisx lejn dawk li huma ‘l fuq minnek, ħalli ma tnaqqasx il-favuri u l-barkiet li Alla tana.”
LAIQ AHMED ATIF | amjmalta@gmail.com | It-Torċa 29 ta’ Awissu 2021
Fid-dinja moderna tal-lum il-ħajja saret mgħaġġla ħafna. Minħabba invenzjonijiet ġodda u disponibbiltà faċli ta’ dawk l-affarijiet, il-bniedem jagħmel minn kollox biex juża dawn l-invenzjonijiet għall-kumdità tiegħu u biex ikollu serħan il-moħħ.
Naraw li din il-kultura prevalenti qed issir dejjem aktar mgħaddsa fil-materjaliżmu – stmat saħansitra ogħla mill-imħabba u l-kuntentizza.
Iżda, m’għandniex ninsew li dawn l-affarijiet materjalistiċi għandhom ukoll impatti negattivi fuq is-soċjetà u kif ukoll fuq il-bniedem. L-ewwel nett, il-materjaliżmu ma jistax u qatt ma jista’ jipprovdi vera paċi tal-moħħ u sodisfazzjon tal-qalb.
It-tieni nett, minħabba dawn ix-xewqat materjalistiċi, il-faqar jiżdied fis-soċjetà u dawk li ma jaffordjawx dak kollu jħossuhom iffrustrati, iddiżappuntati u inferjuri. Dawn is-sentimenti, fl-aħħar mill-aħħar, jirriżultaw fit-tfixkil tal-bilanċ fis-soċjetà.
Xi wħud minna ma jemmnux li l-kuntentizza hija marbuta mill-qrib ma’ dak li aħna stess, dak li nikkunsmaw, u kif ngħixu! Għandna nistaqsu lilna nfusna jekk ngħixux f’kultura mgħaddsa fil-konsumeriżmu u jekk taffettwax lil ħajjitna. Waqt li neżaminaw lilna nfusna, huwa importanti li nikkunsidraw il-konsegwenzi negattivi ta’ dan l-istil ta’ ħajja.
Huwa importanti li naħsbu fuq dan il-punt u naraw li jekk is-soċjetà taħseb li hija kuntenta f’din is-sitwazzjoni tal-materjaliżmu jew hemm mod ieħor li jista’ jagħtina iktar kuntentizza u serħan tal-moħħ.
Nemmen li s-sempliċità hija mezz sabiħ ħafna u meraviljuż ta’ kuntentizza. Meta naddottaw il-kultura, jew stil ta’ ħajja sempliċi nħossuna ħafna aħjar u nsibu kuntentizza anke f’affarijiet normali u sempliċi.
Il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, ta parir konċiż, iżda għal dejjem, bħala l-prinċipju tad-deheb f’dan ir-rigward. Hu qal:
“Ħares lejn dawk li huma iktar baxxi minnek, imma tħarisx lejn dawk li huma ‘l fuq minnek, ħalli ma tnaqqasx il-favuri u l-barkiet li Alla tana.”
Hawnhekk, li tħares lejn dawk “iktar baxxi” u “fuq” tirreferi għall-għana tad-dinja bħall-ġid u l-pożizzjoni.
Barra minn hekk, Alla jgħid fil-Koran Imqaddes li n-nies iħobbu l-ġid u l-affarijiet materjalistiċi ta’ din id-dinja, imma l-aħjar ħaġa hi li tfittex il-pjaċir ta’ Alla (3:15).
Dan huwa prinċipju profond ħafna li jekk aħna rridu nkunu kuntenti allura niffukaw fuq dak li għandna u ma nikkompetux mal-oħrajn fil-ġid materjalistiku, imma fit-tjubija u l-pjetà.
Dawk li ma ddedikawx ħajjithom biex jiksbu d-dinja u d-dinja biss, u ma jiġrux kompletament wara l-ġid tad-dinja biss, imma jgħixu ħajja umli, moderata u sempliċi minħabba l-imħabba ta’ Alla, huma żgur li jsibu l-kuntentizza vera. Alla żgur li jimla ħajjithom b’kumdità u sodisfazzjon.
Hawnhekk irrid insemmi li l-Iżlam jippromwovi stil ta’ ħajja sempliċi, imma jagħti fehim ieħor tal-ħajja sempliċi u dan huwa li tiffoka inqas fuq qligħ personali u tiffoka aktar fuq li sservi l-ħolqien ta’ Alla. Huwa jipprojbixxi t-tberbiq iżda jħeġġeġ l-infiq:
“Agħtu lill-qraba dak li ħaqqhom, u lill-foqra u lill-vjaġġaturi, u tberbaqx ġidek b’mod stravaganti. Tassew, il-berbieqa huma l-aħwa ta’ Satana, u Satana mhuwiex grat lejn il-Mulej tiegħu.” (Il-Koran, 17:27-28)
Meta naddottaw is-sempliċità f’ħajjitna, is-sbuħija u l-lussu temporanju tad-dinja ma jniġġsux lil moħħna u ħsibijietna u għalhekk nistgħu niffukaw fuq is-sbuħija u s-sodisfazzjon reali tal-ħajja. Nistgħu niffukaw fuq il-fidi tagħna, il-familji tagħna, fuq il-ġenerazzjoni ta’ għada, u nagħmlu sagrifiċċji finanzjarji, u ngħinu lil dawk fil-bżonn; u fuq kollox, nistgħu niddedikaw ħin biex inqimu lil Alla u nistabbilixxu relazzjoni mill-qrib ma’ Alla l-Ħanin, u verament niksbu l-kuntentizza vera u dejjiema.