Euthanasia and Islam

L-Ewtanasja u l-Iżlam

Hemm ġustifikazzjoni għall-ewtanasja fl-Iżlam?

Imam Laiq Ahmed Atif | amjmalta@gmail.com | Il-Leħen 29 ta’ Awissu 2021

L-Iżlam ma jipprovdi l-ebda ġustifikazzjoni għall-ewtanasja. Ir-raġuni għal dan hija li, skont il-Koran Imqaddes, il-ħajja umana ma tinsabx f’idejna – hija tinsab f’idejn Alla biss.

Il-kunċett ta’ ħajja ‘li mhix denja li tingħex’ ma jeżistix fl-Iżlam. Alla ordna li l-ħajja umana għandha tiġi rispettata bla kundizzjoni ta’ xejn u l-ebda ammont ta’ sofferenza umana temporanja m’għandu jħassar il-qdusija tal-ħajja umana.

Alla jiddikjara fil-Koran Imqaddes: “Toqtolx il-ħajja li Alla għamel sagra.” (6:152)

It-tbatija mezz ta’ maħfra

Ir-Raba’ Kalif tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana jispjega dan b’mod tajjeb ħafna u jgħid li t-tbatija għandha tiġi mnaqqsa sa ċertu punt bil-mediċina u mezzi oħra. Jekk persuna ma tkunx tista’ ssib aktar soljiev, mela dik it-tbatija ssir mezz ta’ maħfra għad-dnubiet sakemm Alla jġib il-mewt bir-rieda Tiegħu.

Il-ħajja u l-mewt jinsabu f’idejn Alla

Skont il-Koran Imqaddes, il-ħajja u l-mewt jinsabu f’idejn Alla, u Alla biss. Dawn imorru lil hinn mid-dominanza u l-awtorità tal-bniedem. Alla jgħid fil-Koran Imqaddes, “Huwa Allah li jagħti l-ħajja u jikkawża l-mewt.” (10:57)

Barra minn hekk, il-qdusija tal-ħajja hija tant importanti li t-tbatija temporanja m’għandhiex titħalla tinterferixxi fil-qdusija tal-ħajja. Jekk darba tibda tagħti dan id-dritt lin-nies biex jieħdu ħajjithom stess bl-iskuża tat-tbatija, jew biex jieħdu l-ħajja ta’ xi ħadd ieħor, il-għaliex dik il-persuna qed tbati u minħabba t-tbatija tista’ tintemm ħajjitha, allura fejn se nispiċċaw!

Ladarba tibda allura ma jkun hemm l-ebda tmiem għaliha. U kull meta jinqala’ xi ħaġa, in-nies se jsibu l-iskużi biex jappoġġjaw l-argument tagħhom u dan se joħloq ħafna kwistjonijiet soċjali ġodda u se jwassal għal ħafna kumplikazzjonijiet oħra. Żgur li mhux għaqli li ssolvi problema waħda jew tbatija partikolari, waqt li toħloq konfużjoni u kaos fis-soċjetà.

Il-prezz li għandek tħallas

It-tbatijiet jistgħu jiġu mtaffija sa ċertu punt mill-bniedem permezz tad-drogi u mediċini oħra; jekk ma tistax tgħin persuna aktar minn hekk allura t-tbatija ssir mezz li twassal għall-mewt. Ħalli lil Alla jagħmel dan bil-liġi Tiegħu. Ftit mumenti aktar jew ftit mumenti inqas mhumiex importanti meta mqabbla mal-prezz li għandek tħallas ladarba tibda tieħu d-deċiżjonijiet f’idejk.

Fejn se nispiċċaw!

Allura, huwa ferm importanti li ma nidħlux f’dawn l-affarijiet li l-awtorità tagħhom tinsab f’idejn il-Mulej, u l-Mulej biss. Ladarba n-nies jingħataw permess għall-ewtanasja, dan jiftaħ toroq oħra għal aktar talbiet bħas-suwiċidju u li wieħed jista’ jtemm ħajtu meta jħoss li ma jistax jiffaċċja aktar l-isfidi tal-ħajja. Aħseb u ara fejn se nispiċċaw ladarba dan iseħħ fis-soċjetajiet tagħna.

Barra minn hekk, kif se nkunu nafu u niżnu l-livell tat-tolleranza tan-nies li jbatu minn ċertu mard jew uġigħ. Metodu wieħed għal kulħadd ma jistax jaħdem, għax it-tolleranza tan-nies għat-tbatija hija differenti. Xi nies bl-iċken uġigħ jgħollu s-saqaf fuq rashom, filwaqt li xi wħud isofru bil-paċenzja l-uġigħ inkredibbli li jkollhom. Huwa meta xi ħadd jgħaddi minn dik l-esperjenza li wieħed jirrealizza l-uġigħ li jkollu u kif marda bħal din twassal għal tant uġigħ u sofferenza. Allura kollox jiddependi minn kull individwu.

Lil min għandek tippermetti?

Il-mistoqsija hi li, allura, lil min għandek tippermetti, u f’liema livell? Kif tkun taf l-istorja u s-sitwazzjoni interna ta’ persuna? Kif tista’ tpoġġi lilek innifsek f’moħħ xi ħadd biex tiġġudika li verament mar lil hinn mil-livell normali ta’ tbatijiet?

Din hija kwistjoni sensittiva u kkumplikata ħafna. Allura m’għandniex nindaħlu f’dawn l-affarijiet.

Xi darba tiġi ppreżentata din il-loġika li n-nies ma jistgħux jaraw it-tbatijiet tal-maħbubin tagħhom. Huwa iebes ħafna għalihom li jaraw lill-għeżież tagħhom isofru u jġorru wġigħ u skumdità estremi. Din l-attitudni hija egoista ħafna. Huma jridu jpoġġu lill-persuna li qed tbati f’waqt ta’ mistrieħ biex huma jkollhom ftit mistrieħ huma stess. Huwa maħsub li dan isir minħabba l-ħniena għalihom, iżda l-fatt hu li jista’ jkun bil-maqlub, jista’ jkun ta’ ħniena għalihom infushom u mhux għal dawk li jbatu. Xi darba jgħidu, għaliex għandi nibqa’ nbati, l-għażla x’nagħmel b’ħajti hija tiegħi. L-Iżlam ma jaqbilx ma’ din il-loġika lanqas u jgħid li l-bniedem mhuwiex f’pożizzjoni li jgħid li għandu awtorità sħiħa fuq ħajtu, għaliex huwa ma jiġix fid-dinja skont ir-rieda tiegħu u lanqas ma jitlaq meta jiddeċiedi hu. Huwa kreatura u Dak li Ħalqu stabbilixxa ċerti regoli u regolamenti kif għandna ngħixu ħajjitna. Il-bnedmin huma responsabbli għal għemilhom kollha quddiem Alla.

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya Malta, Ahmadiyya Muslim Jamaat Malta and tagged , , , , , , , , . Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.