IL-WAQGĦA TA’ KABUL
It-Talibani għandhom jitgħallmu li l-Ġiħad Iżlamiku veru huwa ta’ mħabba, ħniena, kompassjoni, tolleranza, ġustizzja u simpatija umana. Il-Ġiħad għandu jissodisfa d-drittijiet ta’ Alla u tal-Ħolqien Tiegħu.
LAIQ AHMED ATIF | amjmalta@gmail.com | IT-TORĊA | 19/09/2021
Is-sitwazzjoni fl-Afganistan mhijiex tajba. Issa l-pajjiż waqa’ taħt it-Talibani. Huma m’għandhomx taħriġ, edukazzjoni, għarfien u esperjenza biżżejjed biex imexxu l-pajjiż. Għalhekk din hija sfida kbira għalihom. Meta naraw is-sitwazzjoni fl-Afganistan, il-mistoqsija li tiġi f’moħħna hija dwar x’se jkun il-futur tal-pajjiż, u jekk din l-art qatt mhu se tara raġġi ta’ tama u paċi.
Nemmen li kull pajjiż li jimxi fuq il-valuri umani u prinċipji sodi għandu futur b’saħħtu, imma, jekk xi pajjiż jitlef it-triq tas-sewwa u jkun nieqes mill-valuri bażiċi li huma l-kuruna tal-umanità, dak il-pajjiż irid jibdel it-triq tiegħu u jġib lura n-nies tiegħu fit-triq it-tajba. Alla għallimna t-talba fil-Koran Imqaddes li kull Musulman għandu jipprattika ħafna drabi kuljum, għax mingħajr id-direzzjoni t-tajba wieħed ma jistax jasal sad-destinazzjoni tiegħu. It-talba hija, “Mulej mexxina fit-triq it-tajba, it-triq ta’ dawk li berikt bil-grazzja tiegħek, mhux ta’ dawk li ġabu l-għadab tiegħek, u lanqas tal-mitlufin. Ammen.”
Allura, jekk il-poplu Afgani jrid jara r-raġġi ta’ tama u paċi, għandhom ibiddlu d-direzzjoni tagħhom. Għandhom ibiddlu l-ideoloġija vjolenti tagħhom, u minflok il-forza, l-oppressjoni u l-mibegħda, għandhom jużaw l-arma tal-edukazzjoni, l-imħabba u l-kompassjoni.
Naħseb li t-taqlib fl-Afganistan jeżisti minħabba l-fatt li ma fehmux it-tifsira vera tal-Ġiħad (Jihad) Iżlamiku. Allura s-soluzzjoni tinsab fil-fehim tal-kunċett veru tal-Ġiħad Iżlamiku.
Skont il-Koran Imqaddes u l-prattiki tal-Qaddis Profeta Muħammad, il-paċi tkun fuqu, il-kelma ‘Ġiħad’ għandha tifsira wiesgħa u profonda ħafna. Ġiħad hi kelma Għarbija li tfisser tistinka biex tilħaq xi oġġettiv partikolari, xi għan nobbli. Fil-Koran Imqaddes, meta Alla jgħid lill-bnedmin biex jipprattikaw il-Ġiħad, dan ifisser tistinka biex tilħaq kawża nobbli u ġusta. Dan il-Ġiħad jista’ jitwettaq b’diversi modi – kollha kemm huma jfittxu biex jistabbilixxu u jippromwovu l-paċi fis-soċjetà.
Meta wieħed jaqra t-tagħlim Iżlamiku u jifhem il-filosofija ta’ dan it-tagħlim kollu, jista’ jsib li l-għan ewlieni tiegħu huwa li l-bnedmin jiġġieldu biex jirriformaw ruħhom. Bla dubju, dan hu meqjus bħala l-ikbar Ġiħad għaliex hi l-ġlieda kontra t-tentazzjonijiet egoistiċi tagħna bħal ngħidu aħna r-regħba, l-għira, l-arroganza, iż-żina u xewqat oħra materjali.
Il-Ġiħad irid mingħandna li nkunu iktar iddixxiplinati magħna nfusna sabiex inkunu nistgħu neżerċitaw kontroll morali fuq il-ħsibijiet u l-azzjonijiet tagħna. Meta naslu f’dan il-punt li nistgħu nistabbilixxu kontroll fuqna nfusna, imbagħad huwa importanti li nagħmlu għemejjel tajba, insiru ġusti u twajba.
Alla ma jridx minna li nagħmlu ħsara lill-ħolqien Tiegħu, imma Hu jrid li aħna nkunu bnedmin twajba u ġusti li dejjem jimxu mal-verità, u dejjem ifittxu l-opportunitajiet biex jagħmlu ġid lil ħaddieħor. Għalhekk, it-tieni tifsira tal-kelma Ġiħad hi li nxerrdu messaġġ ta’ paċi, ta’ ħbiberija, ta’ armonija, u ta’ rispett fis-soċjetà, u li nonfqu mill-ġid tagħna biex ngħinu lil dawk li huma fil-bżonn, irrispettivament mill-kulur, twemmin jew razza.
Hi forma ta’ Ġiħad li mhux biss tgħin biex tnaqqas it-tbatija tal-bnedmin, iżda wkoll biex tistabbilixxi l-paċi soċjali u l-armonija bejn is-sinjuri u l-foqra; biex tgħin lill-bnedmin ħutna sabiex jistgħu huma wkoll jgħixu ħajja diċenti u sabiex jistgħu huma wkoll jipprovdu neċessitajiet bażiċi tal-ħajja lill-familji u lil uliedhom.
Waħda mit-tifsiriet ta’ din il-kelma hija l-battalja difensiva (li hija forma ta’ Ġiħad ta’ livell mill-aktar baxx) u dan jista’ jitwettaq biss f’ċerti ċirkustanzi biss. Dawn iċ-ċirkustanzi huma mfissra f’dawn il-versi tal-Koran Imqaddes:
“Il-permess għall-ġlied hu mogħti biss lil dawk li l-gwerra tkun saret kontrihom, għaliex huma jkunu ttrattati ħażin… dawk li jkunu ġew imkeċċija minn djarhom inġustament…” (22:40-41)
Dawn il-versi jispjegaw li l-battalja difensiva hija permessa biss sabiex jiddefendu lilhom infushom jekk ikunu sofrew xi oppressjoni, iffaċċjaw xi theddid għal ħajjithom jew tkeċċew minn djarhom sempliċement għaliex ikunu pprattikaw ir-reliġjon tagħhom.
Jekk tinqala’ l-ħtieġa għal battalja difensiva, imbagħad l-Iżlam jipprovdi struzzjonijiet ċari lill-Musulmani dwar dak li jista’ u ma jistax isir, pereżempju, in-nies ċivili li ma jkunux qed jiġġieldu ma jistgħux jiġu attakkati, il-propjetà bħal uċuħ tar-raba’ u sorsi oħra ta’ ikel u xorb, l-isptarijiet, l-orfanatrofiji, il-postijiet ta’ qima (ta’ kull reliġjon) ma għandhomx jinqerdu, u n-nisa, it-tfal, ix-xjuħ u nies b’diżabbiltà m’għandhomx jintmessu. B’hekk, hu ċar ħafna li l-iskop ta’ kwalunkwe battalja bħal din ikun biex terġa’ tinkiseb il-paċi u mhux biex issir l-aggressjoni.
Fil-qosor, il-Ġiħad f’kull forma hu, għalhekk, mod biex nippromwovu l-paċi kemm fina nfusna kif ukoll fis-soċjetà tagħna. Kull azzjoni, għalhekk, li ma twassalx għall-paċi u għall-ġid tal-umanità ma nistgħux nirreferu għaliha bħala Ġiħad.
Fil-qosor, it-Talibani għandhom jitgħallmu li l-Ġiħad Iżlamiku veru huwa ta’ mħabba, ħniena u kompassjoni; u ta’ tolleranza, ġustizzja u simpatija umana. Il-Ġiħad Iżlamiku għandu jissodisfa d-drittijiet ta’ Alla li Jista’ Kollox u tal-Ħolqien Tiegħu.