“Għaddsu ruħkom fl-istudji tagħkom bl-esklużjoni ta’ kull ħaġa oħra. Avvanzaw tant f’kull qasam tal-edukazzjoni li l-mira minima tagħkom issir il-Premju Nobel.”
LAIQ AHMED ATIF | amjmalta@gmail.com | IT-TORĊA | 26/09/2021
Il-qawl “The pen is mightier than the sword” jiġbor fil-qosor il-valur tal-edukazzjoni, u jenfasizza li ż-żieda fl-għarfien tgħinna biex inkunu bnedmin edukati u biex inkunu bnedmin aħjar u twajba. Barra minn hekk tgħinna biex nibbenefikaw lill-umanità b’ħafna modi li jġibu t-tkabbir u t-tisħiħ fis-soċjetà.
L-Iżlam bħala reliġjon jenfasizza ħafna fuq l-edukazzjoni,għax l-edukazzjoni hija ċ-ċavetta għas-suċċess, il-prosperità u ġejjieni sabiħ u kompetittiv. L-Iżlam ifakkarna li s-sigriet għas-suċċess fl-edukazzjoni huwa li nosservaw it-talb u nitolbu għajnuna minn Alla sabiex niksbu suċċessi kbar fl-edukazzjoni. Nistaqsu lil Alla għall-għajnuna u l-gwida Tiegħu peress li Hu s-Sors tal-Għarfien kollu u jħobb jara li nużaw il-ħiliet u l-kisbiet tagħna għall-ġid tal-umanità.
Lura lejn l-iskola
Fil-jiem li ġejjin, it-tfal se jirritornaw lura lejn l-iskola u għandhom entużjażmu kbir biex jerġgħu jiltaqgħu ma’ sħabhom u mal-għalliema tagħhom wara l-vaganzi tas-sajf.
Bi ftit pjanar mit-tfal u mill-ġenituri tagħhom, il-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel għandu jsir b’mod kalm u effiċjenti. L-importanti li jkun hemm rutina u wieħed iżomm magħha. Il-ġenituri jridu jassiguraw li t-tfal ikollhom kollox lest għall-iskola, bħall-uniformijiet jew tracksuits, żraben, kalzetti, kontenituri għall-ikel u l-basktijiet tal-iskola. Fl-aħħar nett, importanti li wieħed imur jorqod kmieni ħalli dejjem ikun frisk għall-iskola.
Futur b’saħħtu
Mingħajr ebda dubju, l-edukazzjoni hija pedament għal ħajja aħjar u futur b’saħħtu. Il-bniedem f’kull epoka kien jaf dwar l-importanza tal-edukazzjoni, imma, fid-dinja moderna ma nistgħux nikkompetu mal-oħrajn jekk aħna nibqgħu lura fl-edukazzjoni. Allura, it-tfal tagħna li huma l-futur tal-pajjiż u tal-umanità għandhom jieħdu edukazzjoni mill-aqwa u jibnu karattru b’saħħtu u ġenwin b’valuri umani sodi.
Il-Koran Imqaddes enfasizza l-importanza tal-edukazzjoni billi għallem it-talba: “O Sidi, kabbarni fl-għarfien.” Barra li din it-talba hi sors ta’ għajnuna kbira, hi tispirana aktar lejn it-tagħlim u l-iżvilupp tal-kawża tal-għarfien uman.
Il-verità hi li l-Koran Imqaddes u t-tagħlim tal-Qaddis Profeta tal-Iżlam ispiraw ix-xogħlijiet ta’ ġenerazzjonijiet ta’ intellettwali, filosfi u inventuri Musulmani speċjalment fil-Medju Evu. Tabilħaqq, jekk inħarsu lura aktar minn millennju, naraw kif xjentisti u inventuri Musulmani kienu fundamentali fl-avvanz tat-tagħlim u fl-iżvilupp tat-teknoloġiji, li biddlu d-dinja u għadhom jintużaw sal-lum.
Illum, l-umanità għandha ħafna bżonn li wliedna għandhom ikunu eċċellenti fl-ispiritwalità u l-edukazzjoni tagħhom, u jservu lill-umanità f’ħafna modi differenti, fl-edukazzjoni, is-saħħa, ix-xjenza u f’ħafna aktar oqsma importanti.
Min-nieqa sal-qabar
Il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, ta ħafna importanza għal li wieħed ikompli jakkwista l-għarfien u qal: “Fittxu l-għarfien min-nieqa sal-qabar.” Huwa kien jgħid li, “Jekk xi ħadd jagħmel vjaġġ bil-għan li jikseb edukazzjoni u għarfien, Alla jiftaħ it-triq għalih u fl-istess ħin jiftaħ it-triq għall-ġenna.”
Il-Qaddis Profeta Muħammad qal ukoll: “Fittxu l-għarfien anki jekk dan jinsab f’pajjiż ’il bogħod ħafna bħaċ-Ċina.” Din il-kwotazzjoni turi kemm l-edukazzjoni kienet importanti, peress li d-distanza ma kinitx skuża biex ma niksbux l-għarfien. Huwa enfasizza wkoll l-importanza tal-edukazzjoni għaż-żewġ sessi, li jfisser li huwa importanti kemm għall-bniet kif ukoll għas-subien li jfittxu edukazzjoni biex imexxu lilhom infushom u lill-familja tagħhom.
Apparti milli tavvanza lilek innifsek, għal ħafna mill-impjiegi persuna teħtieġ edukazzjoni u xogħol iebes. Huwa iebes ħafna li ssib xogħol mingħajr edukazzjoni.
Dawn il-ftit referenzi juru b’mod ċar kemm l-Iżlam jagħti importanza lill-iżvilupp tal-edukazzjoni u l-għarfien. L-għarfien iġib il-qawwa mela aħna rridu nagħmlu ħilitna kollha biex niksbu l-għarfien.
M’għandniex naħlu l-ħin prezzjuż tagħna fuq l-internet jew nilagħbu logħob tal-kompjuter, jew fuq playstation għal sigħat twal, imma rridu nużaw dan iż-żmien prezzjuż u l-kapaċitajiet kollha tagħna biex niksbu l-aħjar edukazzjoni possibbli.
Il-Premju Nobel
Nixtieq nikkonkludi bi kwotazzjoni minn diskors tal-Qdusija Tiegħu, Ħażrat Mirża Masroor Aħmad, il-Kap tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana, fejn tant esprima sew ix-xewqa tiegħu li wliedna għandhom dejjem jirċievu l-edukazzjoni tagħhom b’dedikazzjoni u passjoni kbira. Huwa qal li:
“Għandek tikkompeti ma’ ħaddieħor b’xogħol iebes. Għaddi lil ħaddieħor fl-edukazzjoni… Nagħti parir liż-żgħażagħ: għaddsu ruħkom fl-istudji tagħkom bl-esklużjoni ta’ kull ħaġa oħra. Avvanzaw tant f’kull qasam tal-edukazzjoni li l-mira minima tagħkom issir il-Premju Nobel.”