L-GĦOŻŻA U L-IMĦABBA
Irridu nimlew qalbna bi mħabba bla kundizzjoni u kompassjoni vera, u minflok vjolenza, dejjem nagħżlu “l-għożża u l-imħabba”.
LAIQ AHMED ATIF | amjmalta@gmail.com | IL-LEĦEN | 28/11/2021
Matul l-aħħar sena u nofs li kien żmien tassew diffiċli l-bnedmin għaddew minn ħafna esperjenzi, kemm tajbin kif ukoll koroh. Matul din il-pandemija, fejn l-umanità tgħallmet tant lezzjonijiet pożittivi, kien hemm ukoll effetti koroh u negattivi ħafna fuq il-bnedmin. Wieħed minn dawn l-impatti negattivi huwa ż-żieda fir-rapporti tal-vjolenza domestika flimkien maż-żieda sostanzjali ta’ koppji li fittxew is-separazzjoni.
Meta naqraw artikli u rapporti dwar iċ-ċifri tal-vjolenza domestika madwar id-dinja, insibu li każijiet ta’ vjolenza domestika żdiedu ħafna. Skont in-Nazzjonijiet Uniti, waħda minn kull tliet nisa taffaċċja xi tip ta’ vjolenza domestika tul ħajjitha.
Bla dubju ta’ xejn, dawn huma figuri xokkanti u tal-biża’, meta tqis id-dinja moderna u ċivilizzata li qed ngħixu fiha. F’dinja fejn hemm tant għarfien, edukazzjoni u ħafna organizzazzjonijiet li jippromwovu d-drittijiet u l-benesseri tan-nisa fis-soċjetà, huwa ta’ swied il-qalb li taqra dawn ir-rapporti.
Tbissima hija karitá
Jiena naħseb li dispożizzjoni bażika ta’ ‘tbissima’ tista’ tbiddel ix-xenarju kollu. Il-kliem tal-Qaddis Profeta Muħammad (il-paċi tkun fuqu) f’dan ir-rigward imiss il-qalb. Huwa qal: “Tbissima hija karità. Kelma ġentili hija karità. Kull għemil tajjeb huwa karità. Li tippromwovi r-rieda tajba hija karità.”
Jekk kemm ir-raġel kif ukoll il-mara japplikaw din il-filosofija li jżidu t-tbissim fuq wiċċhom, din waħedha tista’ tiggarantixxi s-saħħa ta’ żwieġhom. It-tbissim huwa fwieħa li tagħti bixra freskanti, ħajja u preżentabbli lill-atmosfera sħiħa tad-dar.
L-għażla tal-kliem
Barra minn hekk, biex ikun hemm familja sana u ħajja miżżewġa b’saħħitha, l-għażla tal-kliem tilgħab irwol sinifikanti. F’dan ir-rigward huwa qal li: “Żelqa tal-ilsien hija ħafna agħar minn żelqa tas-sieq.”
Għaldaqstant, il-koppja miżżewġa għandha tkun dejjem konxja ta’ xi kliem jużaw ma’ xulxin. Għandhom dejjem ikunu ġenerużi billi jużaw kliem ġentili u ħanin, juru l-apprezzament u jagħtu l-kumplimenti lil xulxin b’mod ħerqan u kontinwu.
Il-kliem pastaż, ir-rabja, in-nuqqas ta’ paċenzja, l-arroganza, l-egoiżmu, in-nuqqas ta’ fiduċja u s-suspett jagħmlu ħafna ħsara lir-relazzjonijiet. Min-naħa l-oħra, is-sabar, it-tolleranza, u l-maħfra tal-iżbalji ta’ xulxin huma wkoll elementi essenzjali għal ħajja miżżewġa b’saħħitha.
Ittrattaw lin-nisa tajjeb
F’ħafna każijiet tal-abbuż domestiku, hija l-mara li tkun il-vittma. Għalhekk, ir-raġel għandu jieħu l-inizjattiva li jippromwovi dawn il-valuri għaliex fiżikament huwa aktar b’saħħtu u b’hekk għandu jkun hu li joffri s-sodisfazzjon u s-serħan il-moħħ lill-mara tiegħu. Biex iwiddeb lill-irġiel, il-Koran Imqaddes jafferma li: “Ittrattawhom (lin-nisa) tajjeb; u jekk idejqukom, jista’ jkun li qed iddejjaqkom xi ħaġa li Alla qiegħed fiha ħafna tieba.” (4:20)
Il-kliem ‘ittrattawhom tajjeb’ jiġbor l-essenza tal-prinċipju sottili tat-trattament tan-nisa. M’għandhomx jiġu trattati b’mod każwali qishom oġġetti, iżda bi mħabba u mogħdrija. Iżda bħalma relazzjoni mibnija fuq naħa waħda qatt ma jista’ jkollha suċċess, din l-espressjoni tissimbolizza r-reċiproċità. Għalhekk l-irġiel u n-nisa huma t-tnejn imħeġġa biex jgħixu sewwa flimkien u juru l-għożża u l-ġenerożità ma’ xulxin. Din hija filosofija vera u spirtu għal ħajja tal-familja prospera u vibranti u li twaqqaf il-vjolenza domestika.
Alla hu mħabba, Alla huwa paċi. Allura rridu nippruvaw nuru dawn l-attributi fil-ħajja tagħna ta’ kuljum biex nagħmlu djarna residenza ta’ paċi u mħabba. Għandna nkunu dejjem konxji mill-mod kif nesprimu l-ħsibijiet u s-sentimenti tagħna.
Verament, l-imħabba toħroġ mill-qalb. Allura rridu nimlew qalbna bi mħabba bla kundizzjoni u kompassjoni vera, u minflok vjolenza, dejjem nagħżlu l-aħjar, jiġifieri “l-għożża u l-imħabba”.