Il-Prinċipji Fundamentali ta’ Soċjetà Iżlamika

Ħażrat Mirża Taħir Aħmadrh, Kalifatul-Masiħ IV (Ir-Raba’ Kalif tal-Ahmadiyya), jispjega l-prinċipji fundamentali ta’ soċjetà Iżlamika u jikteb:

“Il-vers Koraniku, li għandu x’jaqsam l-aktar ma’ din it-tema, huwa dan:

“Tassew, Allah jitolbok li tirrispetta l-ġustizzja, u li tittratta l-proxxmu b’korteżija, u li tagħti bħalma jagħtu l-qraba lil xulxin; u Huwa ma jippermettix l-indiċenza, u t-turija tal-ħażen u t-trasgressjoni. Huwa jwiddbek ħalli inti tagħti kas.” (16:19)

Tassew Alla jamar il-ġustizzja, u aktar minn ġustizzja; li n-nies jingħataw aktar milli ħaqqhom—u li sservi lill-proxxmu bi trattament fejjiedi, daqslikieku kien jappartjeni lilek (bħalma tittratta lill-ġirien u lill-qraba) u Alla jipprojbixxi l-manifestazzjoni tal-ħażen, bħalma naraw il-ħin kollu llum il-ġurnata fuq it-televixin, fuq ir-radju u t-toroq ta’ ħafna soċjetajiet fid-dinja—u ma jippermetti xejn li huwa meqjus ħażin, mhux biss mir-reliġjonijiet iżda wkoll mill-kuxjenza umana, u dak kollu li jwassal għall-‘irvell’ u l-konfużjoni. Alla jwiddbek—jalla tapprofitta ruħek minn din it-twiddiba.

L-ewwel parti ta’ dan il-vers aktar tgħodd għall-qasam ekonomiku milli għall-qasam soċjali. Hija tpinġi stampa ċara tal-kunċett Iżlamiku tal-ġustizzja, tal-ugwaljanza u tal-benevolenza fit-trattament tas-sezzjonijiet l-inqas ixxurtjati tas-soċjetà. It-tieni parti tapplika għall-aspett soċjali ta’ soċjetà, li l-Iżlam għandu l-obbligu li joħloq. F’din il-parti, Alla jipprojbixxi dak kollu li hu meqjus ħażin skont ir-regoli universali, bħal imġiba indiċenti, l-offiżi, l-insulti u fil-verità l-ħażen soċjali kollu li, mingħajr referenza għal xi tagħlim reliġjuż, huwa kkundannat bil-kunsens sħiħ tas-soċjetà umana inġenerali.  

Bl-istess mod, l-Iżlam jiċħad u jikkundanna kategorikament kull tendenza, imġiba u attitudni, li tista’ twassal għal diżordni, ‘irvell’, u vjolenza. Il-kelma ‘irvell’ trid tinftiehem li tfisser kull attentat mhux ġustifikat biex iwaqqa’ tmexxija stabbilita. Imma dak mhux kollox. Kull meta l-kelma Għarbija baghyi hija użata fil-Koran Imqaddes, tkun tfisser mhux biss rewwixta politika jew bl-armi, iżda wkoll rewwixta f’soċjetà kontra t-tradizzjonijiet nobbli, ir-regoli etiċi, it-tagħlim reliġjuż u l-valuri morali tagħha. 

Fl-aħħar mill-aħħar, kull soċjetà hija mwissija b’mod ċar li din it-twiddiba tgħodd għall-benefiċċju tal-bniedem stess. Din essenzjalment tiġbor fiha l-karatteristiċi ewlenin ta’ qafas soċjali Iżlamiku. Nistgħu nżidu wkoll li l-ewwel parti ta’ dan il-vers tintrabat b’mod sħiħ mat-tagħlim soċjali Iżlamiku. Soċjetà, li hija insensittiva għas-sofferenzi ta’ bnedmin oħra u li mhux dejjem lesta li sservi l-kawża tal-umanità, ma tistax tiġi deskritta bħala soċjetà Iżlamika minkejja li tkun tħaddan aspetti oħra mit-tagħlim soċjali Iżlamiku. 

Ejja issa nħarsu lejn karatteristiċi oħra tas-soċjetà Iżlamika li huma kkunsidrati fil-Koran Imqaddes. L-Iżlam jinkoraġġixxi l-integrità, il-lealtà, il-fedeltà, u jippromovi dawn il-kwalitajiet għax inisslu l-paċi fil-moħħ u l-qalb. L-Iżlam jieħu miżuri preventivi biex ma jħallix lis-soċjetà tkun imxaqilba biss lejn l-insegwiment tal-pjaċiri. Għaldaqstant, kull tip ta’ mġiba, minkejja li tkun tidher safja fil-bidu, iżda li mbagħad twassal għal permissività bla rażan fis-soċjetà, hija skoraġġita. Il-ħsara li ssir lis-soċjetà hija enormi u tieħu bosta suriet. Dawn is-soċjetajiet ħafna drabi jispiċċaw fi stat ta’ promiskwità bħalma nsibu fid-dinja llum il-ġurnata. F’dawn is-soċjetajiet, it-tendenza bla kontroll għall-insegwiment tal-pjaċiri twassal, fost affarijiet oħra, għat-tgħawwir u l-qirda totali tar-relazzjonijiet familjari [the family unit]. Kuntrarjament għal dan, l-Iżlam jgħożż u jipproteġi b’mod żelanti r-relazzjonijiet kollha ta’ missier, ta’ omm, tal-aħwa u tal-ulied. L-Iżlam irid li jħeġġeġ il-ħbiberiji, li huma aktar platoniċi milli senswali.” (Ħażrat Mirża Taħir Aħmadrh, Islam’s Response to Contemporary Issues, p.83-85) Read this in English

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya Malta, Ahmadiyya: The True Islam, www.Ahmadiyya.mt and tagged , , , . Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.