Ġustizzja, Integrità u Paċi
Jekk il-politika tkun imfassla fuq il-pedamenti sodi tal-ġustizzja u l-integrità, mela awtomatikament il-kunflitti li ħakmu lid-dinja jistgħu jiġu solvuti mingħajr ma wieħed ikollu bżonn li jirrikorri għall-vjolenza, tixrid ta’ demm u moħqrija.
Laiq Ahmed Atif | amjmalta@gmail.com | It-Torċa
Fid-dinja tal-lum, l-umanità għamlet ħafna avvanzi f’kull qasam tal-ħajja, inklużi l-ekonomija, it-teknoloġija, ix-xjenza, il-mediċina, eċċ. Huwa wkoll minnu li fi żmien meta l-umanità qed tavvanza b’pass daqshekk mgħaġġel, in-nies qed jitbiegħdu minn xulxin u jsiru aktar mifruda minn qatt qabel. Il-paċi u l-istabbiltà fid-dinja qed jitqiegħdu fil-periklu u jiġu mminati kuljum. Naraw konflitti, gwerer u diżordni f’xi pajjiżi fejn ħafna nies innoċenti qed jitilfu ħajjithom u qed isiru ħafna inġustizzji magħhom.
Ġustizzja u integrità
Nemmen bis-sħiħ li sakemm ma nagħtux il-prijorità lill-ġustizzja, il-paċi fid-dinja ma tistax tiġi stabbilita. Huwa wkoll minnu li, minflok ma nimxu fid-direzzjoni ta’ ġustizzja u integrità, rajna kemm-il darba li l-pajjiżi kbar fid-dinja moħħhom biss biex jissodisfaw l-interessi tagħhom, u xejn iżjed. Xi drabi nisimgħu xi għajtiet favur il-ġustizzja minn mexxejja diversi, imma dawn is-sejħiet ma jiġux implimentati.
Huwa importanti li dejjem inħarsu d-drittijiet tagħna u l-interessi nazzjonali, m’hemm l-ebda dubju dwar dan, iżda meta niġu għall-implimentazzjoni tal-ġustizzja, irridu noqogħdu fuq in-naħa t-tajba tal-istorja u l-moralità.
Mingħajr ġustizzja ma nistgħux nagħmlu dinja serena u trankwilla. Il-ġustizzja hija bżonjuża fuq livell lokali kif ukoll fuq livell internazzjonali.
L-inġustizzja twassal għall-fallimenti
Fejn tidħol il-ġustizzja f’pajjiż, il-mexxejja li jingħataw id-dritt li jiggvernaw għandhom jaraw li jwettqu d-dmirijiet tagħhom b’onestà, integrità, u ġustizzja.
Il-mexxejja għandhom dejjem iżommu sodi mal-implimentazzjoni tal-ġustizzja b’mod ġenerali, mingħajr ebda favur jew diskriminazzjoni. Il-ġustizzja m’għandha qatt tiġi kompromessa, b’ebda mod. Għax, li tikkomprometti l-ġustizzja din tista’ twassal għal fallimenti tas-soċjetà tal-valuri soċjali u waqgħat oħra.
Inwettqu l-obbligi tagħna
Meta ngħixu flimkien fis-soċjetà, hemm rabtiet u obbligazzjonijiet għal kulħadd, u biex is-soċjetà tiffunzjona sewwa, huwa neċessarju li ċ-ċittadini normali u l-mexxejja jwettqu r-responsabbiltajiet tagħhom lejn xulxin b’ġustizzja ġenwina. Allura, huwa ferm importanti li dejjem nonoraw il-ġustizzja fuq kull livell tas-soċjetà u fuq livell dinji. Il-Koran Imqaddes jagħti prinċipju importanti f’dan ir-rigward u jgħid:
“Intom li temmnu! Osservaw il-ġustizzja b’rigorożità, u kunu xhieda ta’ Alla, anki jekk teħduha kontrikom stess, jew kontra l-ġenituri u l-qraba. Jekk wieħed ikunx sinjur jew fqir, Alla jieħu ħsiebhom it-tnejn ħafna aktar minnek. Għalhekk, taqtax ix-xewqat baxxi tiegħek ħalli tkun kapaċi taġixxi b’ġustizzja. U jekk inti taħbi l-verità jew taħrab, dejjem ftakar li Alla jkun jaf sewwa x’inti tagħmel.” (4:136)
Kunu dejjem ġusti
Dan huwa standard għoli ħafna ta’ ġustizzja, li jekk prattikat sinċerament u bis-sħiħ, iwassal għal dinja paċifika u ta’ benesseri. Ikompli jelabora li, “Kunu sodi fil-kawża ta’ Alla, billi tagħtu xhieda b’sens ta’ ġustizzja; u tħallux il-mibegħda ta’ poplu tqanqalkom biex taġixxu b’mod ħlief bil-ġustizzja. Kunu dejjem ġusti, għax hekk toqorbu lejn l-onestà.” (5:9)
Dan huwa l-livell għoli ta’ ġustizzja li għandna bżonn fid-dinja tal-lum, li nkunu onesti u ġusti ma’ kulħadd, saħansitra mal-għedewwa u r-rivali tagħna.
Futur aħjar u isbaħ
Għalhekk naħseb li huwa importanti anzi obbligu tagħna li nwarrbu l-interessi personali tagħna u li naħdmu għal futur aħjar u isbaħ għal uliedna u għall-ġenerazzjonijiet li jmiss.
Nemmen bis-sħiħ li, jekk il-politika tkun imfassla fuq il-pedamenti sodi tal-ġustizzja u l-integrità, mela awtomatikament il-konflitti li ħakmu lid-dinja jistgħu jiġu solvuti mingħajr ma wieħed ikollu bżonn li jirrikorri għall-vjolenza, tixrid ta’ demm u moħqrija. Jekk verament nixtiequ l-paċi fi żmienna mela rridu naġixxu b’ġustizzja. Irridu napprezzaw l-ugwaljanza, l-integrità u l-onestà.