ID-DESTIN TAL-BNIEDEM
LAIQ AHMED ATIF | amjmalta@gmail.com | IL-LEĦEN 24.04.2022
L-univers tagħna u dak kollu li fih huwa l-ħolqien ta’ Alla, li ħalaq kollox b’għan u, biex jilħaq dak l-għan ipprovda l-gwida u l-mezzi kollha meħtieġa. Ħalaq il-bniedem bħala l-aħjar kreazzjoni Tiegħu, u wrieh iż-żewġ toroq, dik tat-tajjeb u dik tal-ħażen; u ta libertà lill-bniedem biex jagħżel liema triq hu jixtieq għalih innifsu. Kemm it-tajjeb kif ukoll il-ħażin saru ċari ħafna għall-bniedem. Ġie mbierek ukoll bl-għerf li bih jista’ jsib it-triq it-tajba, jista’ jgħarbel it-tajjeb mill-ħażin u l-verità mill-falsità.
Żewġ għajnejn
Il-Koran Imqaddes jgħidilna li l-bniedem ġie mogħni kemm b’għajnejn spiritwali kif ukoll fiżiċi li bihom jista’ jiddistingwi t-tajjeb mill-ħażin u ngħata l-għażla. Għalhekk il-bniedem huwa l-bdot tad-destin tiegħu stess.
Il-Mulej għamel ċar ukoll li dawk li jimxu fi triq is-sewwa se jgawdu l-aħjar premju mingħandu, u dawk li se jagħżlu t-triq il-ħażina se jkollhom jiffaċċjaw il-konsegwenzi tal-azzjonijiet tagħhom. Alla jgħid fil-Koran Imqaddes li, il-qaddejja ta’ Alla tal-Ħniena huma dawk li jimxu fl-art b’mod dinjituż, u dawk li jqattgħu l-iljieli tagħhom fit-talb quddiem Sidhom u dejjem jagħżlu t-tajjeb.
Id-destin tal-bniedem
Għalhekk, id-destin tal-bniedem huwa dak li jikseb l-imħabba ta’ Alla u s-salvazzjoni. Alla jgħid fil-Koran Imqaddes li, “Jimxi tassew ’il quddiem dak li jissaffa.” (91:10)
Il-Fundatur tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana jispjega dan il-vers u l-kunċett tas-salvazzjoni u jgħid li dan ifisser li l-bniedem li jippurifika ruħu jkun kiseb is-salvazzjoni. Is-salvazzjoni hija marbuta mal-purifikazzjoni tar-ruħ tal-bniedem; jekk ruħu mhijiex safja allura ma jistax jikseb is-salvazzjoni vera.
Fi kliem ieħor, wieħed li jiċċaħħad f’ġieħ Alla l-Omnipotenti minn kull tip ta’ twemmin ivvintat, dnub, impjetà, arroganza, gideb, inġustizzja, nuqqas ta’ rispett, u mix-xewqat żienja; li jabbanduna kull għamla ta’ pjaċiri egoistiċi u jippreferi t-trażżin kif jixtieq Alla; li jagħti preċedenza lil Alla Omnipotenti, u jwarrab id-dinja bir-rikkezzi kollha tagħha, huwa dak li jikseb is-salvazzjoni.
Huwa fatt evidenti u stabbilit li, sakemm il-bniedem ma jirrinunzjax l-użu ħażin tal-fakultajiet umani tiegħu, dan mhux se jsib lil Alla. Jekk tixtieq li tevita l-ħmieġ ta’ din id-dinja, u tikseb l-għaqda ma’ Alla l-Omnipotenti, mela għandek tiċċaħħad minn dawn il-pjaċiri.
In-natura umana
Fir-realtà, in-natura umana mhijiex ħażina fiha nnifisha u lanqas ħaġa mhi ħażina minnha nnifisha; anzi, pjuttost l-użu ħażin tagħha tagħmilha hekk. Il-wiri ta’ xi ħaġa, pereżempju, mhux ħażina fiha nnifisha. Jekk wieħed iwettaq azzjoni għall-ġieħ ta’ Alla l-Omnipotenti biss, u oħrajn jitqanqlu biex iwettqu dik l-azzjoni tajba huma wkoll, mela dik l-esibizzjoni tkun virtuża wkoll.
Purifikazzjoni spiritwali u morali
Meta wieħed jaħseb fil-fond fuq dan is-suġġett jasal għal konklużjoni li l-purifikazzjoni spiritwali u morali hija diffiċli ħafna u ma tistax tinkiseb mingħajr il-grazzja ta’ Alla, u sforz kontinwu lejn it-tajjeb, u ġlieda kontinwa mar-ruħ ta’ ġewwa. Ġlieda kontra t-tentazzjonijiet egoistiċi, l-arroganza u l-kburija razzjali. Dan jitlob ukoll li l-bniedem għandu jkun leali, dedikat u determinat biex jikseb dan l-għan.
Għalhekk, huwa importanti li nippruvaw kemm nistgħu sabiex inkunu salvati mill-ħerba totali, sabiex nippurifikaw lilna nfusna, inkunu qalb safja b’intenzjoni pura u ġentili u umli u ħielsa minn kull inkwiet sabiex inkunu nistgħu nirċievu l-ħniena divina, u sabiex nilħqu s-salvazzjoni vera.
Fil-qosor, meta l-bniedem jagħmel lil Alla ċ-ċentru ta’ ħajtu u dejjem jipprova biex jevita kull ħażen, u jistinka biex jagħmel l-għemejjel it-tajba, u biex jogħġob lil Alla, hekk biss jista’ jikseb is-salvazzjoni vera. Għax mingħajr Alla, il-kunċett tas-salvazzjoni ma jfisser xejn. Jekk m’hemmx Alla, mela m’hemmx salvazzjoni.