IT-TALB HUWA ANTIDOTU
Alla l-Omnipotenti tana l-aħbar tajba li huwa jaċċetta t-talb u s-suppliki tagħna, li huwa mezz importanti ta’ kif tiġi stabbilita relazzjoni eqreb m’Alla. Madanakollu, Alla l-Omnipotenti ddikjara wkoll li jekk aħna nixtiequ li Huwa jilqa’ t-talb tagħna, mela aħna rridu nobduh u nsegwu l-kmandamenti Tiegħu. Alla Ħanin jgħid fil-Koran Imqaddes:
U meta l-qaddejja Tiegħi jsaqsuk Għalija, ja Profeta, għidilhom li Jiena ninsab qrib tagħhom. Jiena nisma’ t-talbiet tagħhom u nilqagħhom meta huma jitolbu Lili. Għalhekk għandhom jisimgħu Minni u jemmnu Fija, ħalli jkunu jistgħu jimxu fit-triq it-tajba. (2:187)
IL-BIEB TAL-AĊĊETTAZZJONI
Il-Messija Mwiegħedas, il-Fundatur tal-Ahmadiyya Muslim Jamaat, jgħid:
“It-talb huwa l-qofol tal-Iżlam u din hija xi ħaġa li l-Musulmani huma kburin biha. Imma ftakru, it-talb mhuwiex biss it-tlissin tal-kliem; pjuttost, huwa meta l-qalb timtela bil-biża’ ta’ Alla Omnipotenti u r-ruħ tas-supplikant tiġri bħall-ilma quddiem l-għatba divina. Hija tfittex il-maħfra għad-dgħufijiet u d-difetti tagħha mingħand Alla Setgħani u Omnipotenti. Dan huwa stat li, fi kliem ieħor, jista’ jissejjaħ mewt. Meta jasal dan l-istat, mela nkunu ċerti li l-bieb tal-aċċettazzjoni jkun infetaħ għas-supplikant u jingħataw abbiltà speċjali, grazzja u rieda ferma ħalli jibqgħu ’l bogħod mill-ħażen u jibqgħu sodi fil-virtujiet. Fuq kollox, dan il-mod huwa l-aqwa.”(i)
Għalhekk, dan hu l-aqwa mod tat-talb, jiġifieri, il-kisba tal-qrubija ta’ Alla Omnipotenti, u t-tbegħid mid-dnub. Din hija r-raġuni li Alla l-Ħanin tana talba sabiħa li rridu ngħiduha l-ħin kollu biex nibqgħu sodi fil-fidi tagħna lejn Alla u lejn it-tjubija.
“Lilek biss inqimu u lilek biss nitolbu għall-għajnuna. Mexxina fit-triq it-tajba, it-triq ta’ dawk li berikt bil-grazzja tiegħek, mhux ta’ dawk li ġabu l-għadab tiegħek, u lanqas tal-mitlufin.”
ID-DNUB U L-MAĦFRA
Xi wħud jgħidu li tant dinbu f’ħajjithom li Alla Omnipotenti żgur li qatt mhu se jaħfrilhom. Oħrajn isaqsu wkoll jekk persuna li dinbet ħafna għandhiex ċans li tinħafer. Imbagħad hemm oħrajn li minħabba li jaħsbu li qatt mhu se jingħataw il-maħfra jibqgħu jgħixu fid-dnub. Fir-realtà, ix-Xitan iqiegħed dan il-ħsieb f’moħħhom u juża dawn il-manuvri biex ibiegħed in-nies minn Alla. Dawn in-nies imbagħad ikunu kompletament fil-ħakma tax-Xitan.
Biex ifisser kif wieħed għandu jiskappa mill-qbid tax-Xitan, il-Messija Mwiegħedas jistqarr: “Il-ħsieb li wieħed ikun wettaq viżibilju dnubiet ma għandux iżomm lill-midneb milli jirrikorri għat-talb. It-talb huwa antidotu. Fl-aħħar mill-aħħar, wieħed jibda jintebaħ kif it-talb jgħin biex iwelled fih stmerrija lejn il-ħażen.”(ii)
It-talb kollu jintlaqa’? It-talb jista’ jiġi miċħud? Għaliex ċertu talb jintlaqa’ u ieħor le?
Biex ifisser dan il-punt, il-Messija Mwiegħedas jgħid: “Fejn Alla Omnipotenti jkun jixtieq titjib u riforma, it-tiċħid ta’ talba jista’ jkun ukoll forma ta’ aċċettazzjoni. Xi kultant, persuna ma jirnexxilhiex tikseb dak li tkun tixtieq hi mit-talb. Wieħed jissoponi li Alla Omnipotenti jkun irriġetta t-talb tiegħu, anki jekk fir-realtà Huwa jkun laqa’ t-talb tal-persuna u din l-aċċettazzjoni timmanifesta ruħha bħala diżapprovazzjoni. F’dan il-każ speċifiku, wara dak li jidher, fil-verità, il-vantaġġ u l-benefiċċju reali jinsabu fiċ-ċaħda proprja tat-talba tas-supplikant. Minħabba li l-bniedem ma jirriflettix biżżejjed u ma jiflix sew l-affarijiet ta’ madwaru, għax jara biss dak li jidher, ta’ min jirrikkmanda li meta jitlob lil Alla Gglorifikat u ma jirċevix riżultat li jidher ta’ benefiċċju għalih skont il-ħsieb li diġà kellu f’moħħu, m’għandux jeħodha kontra Alla u jikkonkludi li t-talb tiegħu ġie kompletament riġettat. Alla Omnipotenti jisma’ t-talb ta’ kull supplikant.
Itolbu Lili; jiena nisma’ t-talb tagħkom (40:61). Il-misteru u s-sigriet jinsabu fil-fatt li l-aqwa ġid u benefiċċju għas-supplikant joħorġu meta t-talb jiġi riġettat.”(iii)
Fi kliem ieħor, huwa aktar ta’ benefiċċju għas-supplikant meta t-talb tiegħu jiġi miċħud f’dak il-mument partikolari.
IL-PRINĊIPJU TAT-TALB
Filwaqt li kompla jelabora fuq dan il-punt, il-Messija Mwiegħedas jgħid:
“Dan huwa l-prinċipju tat-talb. Fl-aċċettazzjoni tat-talb, Alla Gglorifikat ma jinfluwenzax ruħu mill-ħsibijiet u x-xewqat tagħna.
Wieħed jista’ josserva kif omm iżżomm lil binha. Hija tixtieq li tipproteġih il-ħin kollu. Iżda, jekk it-tifel jibda jibki u jinsisti fuq l-idea assurda li jingħata sejf li jaqta’ ħafna jew biċċa faħam taqbad, dik l-omm, minkejja l-imħabba u l-kompassjoni ġenwina tagħha, qatt se tapprova li binha se jżomm biċċa faħam taqbad u b’riżultat ta’ dan jaħraq idu, jew li jaqta’ idu b’xafra taqta’ ta’ sejf? U żgur li le.
Il-prinċipju sottili tal-aċċettazzjoni tat-talb jista’ jinftiehem fid-dawl ta’ dan l-eżempju.”(iv)
(i) Malfużat, Vol. 7, p. 263, edizzjoni 1984 | (ii) Malfużat Vol. 1, p. 4, edizzjoni bl-Ingliż, 2018 | (iii,iv) Malfużat Vol. 1, p.102, edizzjoni bl-Ingliż, 2018