AHMADIYYAT: Ir-Riformazzjoni Spiritwali
Il-Komunità Ahmadiyya Musulmana hija fergħa fl-Iżlam li twaqqfet għall-benefiċċju tar-riformazzjoni spiritwali tal-umanità, skont profezija tal-Fundatur tal-Iżlam, il-Qaddis Profeta Muħammad (is-sliem u l-barkiet t’Alla fuqu) rigward l-aħħar ġranet.
Huwa fenomenu naturali li japplika mhux biss għall-organizzazzjonijiet sekulari, iżda wkoll għall-komunitajiet reliġjużi li, mal-mogħdija taż-żmien, is-segwaċi ta’ moviment jew twemmin partikolari jibdew jiddevjaw mit-tagħlim oriġinali u jitbiegħdu mit-twemmin fundamentali tagħhom. Bħala riżultat ta’ dan, jasal żmien fil-ħajja ta’ dawn il-gruppi jew komunitajiet kollha meta jkollhom bżonn ta’ qawmien mill-ġdid. Altrimenti, eventwalment imutu jew inkella jinbidlu f’xi ħaġa li ma tkun tixbah xejn il-qagħda minn fejn telqu.
Aħna nemmnu li fejn jirrigwarda l-komunitajiet reliġjużi, biex it-tagħlim fundamentali jibqa’ ħaj, hija l-prattika ta’ Alla Omnipotenti li jibgħat ir-rappreżentanti magħżula Tiegħu biex jirriformaw u jiggwidaw lill-poplu lura għat-twemmin u l-użanzi oriġinali.
Fejn għandu x’jaqsam l-Iżlam, aħna nemmnu li l-Qaddis Profeta Muħammad (is-sliem u l-barkiet t’Alla fuqu) kien l-aħħar Profeta mibgħut minn Alla Omnipotenti li ġab il-Ktieb (it-tagħlim finali). U mbagħad, lejn l-aħħar tas-seklu dsatax, biex iqajjem u jsaħħaħ l-Iżlam li hu [il-Qaddis Profeta Muħammadsa] għallem u pprattika, Alla Omnipotenti bagħat riformatur fil-persuna tal-Fundatur tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana.
Għaldaqstant, aħna nemmnu li l-fundatur tal-komunità tagħna huwa l-Messija Mwiegħed u Maħdi (l-Iggwidat) u l-għan suprem tiegħu huwa li jerġa’ jagħti l-ħajja lit-tagħlim ġenwin tal-Iżlam, u li jressaq lill-umanità aktar viċin lejn Alla Omnipotenti.