IT-TALB: IT-TAĦRIĠ SPIRITWALI
L-Iżlam huwa reliġjon naturali li dejjem tiffoka fuq it-taħriġ spiritwali u morali tal-bniedem. Iżlam litteralment tfisser paċi, sottomissjoni; u li tkun f’relazzjoni ta’ ħbiberija u armonija. Is-sinifikat tal-isem Iżlam hu l-ksib ta’ ħajja ta’ paċi perfetta u hena billi tkun sottomess kompletament għar-Rieda ta’ Alla. It-tagħlim kollu tal-Iżlam jaqbel perfettament man-natura umana.
Biex jintlaħaq l-għan ta’ purifikazzjoni spiritwali tar-ruħ u l-ġisem tal-bniedem, l-Iżlam jiffoka fuq it-talb u jordna Ħames Talbiet obbligatorji kuljum. Xi ħaġa sabiħa fl-Iżlam hija li x-Xarija (il-Liġi) sħiħa ġiet deskritta fil-Koran Imqaddes innifsu kif ukoll ġiet murija bil-fatti mill-Qaddis Profeta Muħammadsa. Il-Ħames Talbiet ta’ kuljum ġew deskritti bħala barka għall-Musulmani fil-Koran Imqaddes:
U kieku Aħna ma saħħaħnikomx permezz tal-Koran, intom kontu tinklinaw lejhom bi ftit. (Il-Koran, 17:75)
Il-frekwenza tat-Talb hija magħmula b’tali mod li tgħajjex kontinwament lir-ruħ bl-istess manjiera li l-ikel jgħajjex kontinwament lill-ġisem. Barra minn hekk, din tgħin biex wieħed jiftakar il-ħin kollu f’Alla u fil-barkiet tal-għajnuna Tiegħu fl-attivitajiet kollha tal-ħajja ta’ kuljum tagħna.
Soċjetajiet differenti jħaddnu modi differenti ta’ kif jesprimu r-rispett u r-riverenza. Pereżempju, storikament, it-Torok kienu joqogħdu bilwieqfa bi jdejhom fuq xulxin fuq sidirhom u l-Iranjani kienu joqogħdu sempliċement bilwieqfa bi jdejhom imniżżlin ’l isfel; it-timjila tar-ras hija sinjal ta’ qima fost il-Ħindu kif ukoll f’xi kulturi oħra; fl-Indja u fl-Afrika li timtedd fl-art wiċċek ’l isfel huwa sinjal ta’ rispett kbir, filwaqt li fl-Ewropa n-nies jinżlu għarkopptejhom bħala sinjal ta’ sottomissjoni.
Il-qima Iżlamika tinkludi dawn kif ukoll pożizzjonijiet oħra fit-Talb tagħha, b’hekk tixhed ameljorament u raffinament tal-għamliet varji ta’ adorazzjoni li kienu jinsabu fir-reliġjonijiet ta’ qabel. (Aspetti tat-Talb Iżlamiku, pġ. 4 u 7)