L-ambjent, l-imħabba u l-lealtà
Laiq Ahmed Atif | Il-Leħen | Sunday 23 October | amjmalta@gmail.com
Fid-dinja moderna l-bniedem kien kapaċi jivvinta modi u metodi ġodda għall-kumdità, ir-rilassament u l-kuntentizza tiegħu. Madankollu, din ir-rivoluzzjoni teknoloġika ma setgħetx tipprovdi sodisfazzjon reali, kuntentizza u paċi tal-moħħ u tal-qalb għall-bnedmin. Barra minn hekk, dawn l-invenzjonijiet affettwaw bil-kbir l-ambjent tagħna u wasslu għal bidla fil-klima massiva, li qed taffettwa d-dinja kollha b’mod negattiv, u pajjiżna – Malta – mhux eċċezzjoni.
F’pajjiżna ma nħossux din il-bidla fil-klima biss imma minħabba kostruzzjoni massiva, żvilupp żejjed, u ħtif ta’ art ħadra u agrikola qed jagħmlu s-sitwazzjoni agħar għall-pajjiż.
Għalhekk, f’dan il-mument kritiku, pajjiżna qed isejħilna biex nieħdu ħsiebu u nħobbuh b’qalbna kollha u ma neqirdux l-ambjent tagħna imma nieħdu ħsiebu b’mod ġenwin.
Imma kif nistgħu nieħdu ħsieb u ngħinu l-ambjent tagħna?
L-ewwel u qabel kollox huwa importanti li nħobbu lil pajjiżna bil-qalb kollha u nsiru leali lejh. Għax mingħjar l-imħabba vera u lealtà ġenwina ma nistgħux nieħdu deċiżjonijiet xierqa li jilqgħu l-bżonnijiet tan-nazzjon kollu, deċiżjonijiet għall-ġid komuni, deċiżjonijiet għall-benesseri u l-ġid tagħna lkoll.
Barra minn hekk, aħna bħala nazzjon, nagħmluha punt, u nieħdu deċiżjoni kollettiva għall-interess nazzjonali li, tkun xi tkun il-ħtieġa, forsi ebda art ħadra jew agrikola m’għandha qatt tintuża għall-bini.
It-tieni nett, innaqqsu l-kostruzzjoni bla bżonn, imma rridu noqogħdu attenti ħafna u sensittivi lejn il-bini. Huwa minnu li l-pajjiż għandu bżonn l-iżvilupp, u anke hemm bżonn li jkollna bini u postijiet moderni, imma għal dan għal xiex nużaw art li hi ‘ (ODZ) barra żona ta’ żvilupp’? Nissuġġerixxi li, jekk verament hemm bżonn, il-bini antik li hu bil-ħsara u mhux użat għandu jiġu żviluppat mill-ġdid minflok ma jinqabdu artijiet ġodda.
It-tielet, għandna biex nibdew skemi nazzjonali biex inħawlu s-siġar f’kull lokalità, f’kull art abbandunata, u noħolqu postijiet ħodor f’lokalitajiet tagħna. Iż-żgħażagħ għandhom ikunu eżempju eċċellenti f’dan ir-rigward u dejjem ikunu ħerqana biex iħawlu s-siġar, u dejjem jaraw li kull meta tinqata’ xi siġra, għandhom iħawlu tnejn jew tlieta minflokha.
Naħseb din se tkun tweġiba effettiva għal dawk li jagħmlu ħsara lill-ambjent tagħna. Jekk nibqgħu sodi, u nwieġbu b’dan il-mod, jien ċert li jekk mhux illum, għada jew pitgħada żgur se tagħmel differenza.
Nemmen li l-imħabba lejn il-pajjiż huwa strumentali ħafna. Huwa faċli biex wieħed jitkellem dwar lealtà u mħabba lejn il-pajjiż. Imma, fir-realtà dan il-ftit kliem jiġbor fih tifsiriet b’firxa wiesgħa, sbuħija u profondità liema bħalhom. Tabilħaqq, biex tagħraf u tifhem xi jfisser sewwasew dan il-kliem u x’jirrikjedi, huwa verament diffiċli ferm.
Il-Mexxej tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana, il-Qdusija Tiegħu, Mirża Masroor Ahmad, jispjega dan u jgħid:
“L-ewwel u qabel kollox, prinċipju fundamentali tal-Iżlam hu dak li l-kliem u l-għemil ta’ persuna m’għandhom qatt juru xi forma ta’ ipokrisija jew ivarjaw minn persuna għal oħra. Il-lealtà vera titlob relazzjoni msejsa fuq is-sinċerità u l-integrità. Titlob li dak li persuna turi fuq barra jkun bħal ġewwa.
Skont it-tagħlim tal-Iżlam, id-definizzjoni u t-tifsira vera ta’ lealtà hi t-twettiq bla kundizzjoni tal-wegħdiet u l-konvenzjonijiet f’kull livell u ċirkostanza, irrispettivament mid-diffikultà.”