The desire for peace

IX-XEWQA GĦALL-PAĊI

Laiq Ahmed Atif | It-Torċa | Sunday 23 October | amjmalta@gmail.com

Id-dinja għandha bżonn livell għoli ħafna – sal-quċċata tal-muntanji – tal-ġustizzja u l-ugwaljanza jekk verament nixtiequ sinċerament il-paċi. L-ekwità, il-fairness u l-ġustizzja għandhom jipprevalu fuq kull interess personali. Alla l-Ħanin jgħid fil-Koran Imqaddes li, “u meta titkellmu osservaw il-ġustizzja, ukoll jekk il-persuna kkonċernata tkun tiġi minnek, u ssodisfaw il-patt ta’ Alla.”

Kull bniedem minn filgħodu sa filgħaxija jaħdem u jagħmel minn kollox sabiex ikollu ħajja diċenti, sana, serena u paċifika. Din hija xewqa naturali għal kull bniedem, ta’ kull żmien u ta’ kull pajjiż. Il-Mexxej tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana, il-Qdusija Tiegħu, Mirża Masroor Aħmad, jispjega din ix-xewqa u jgħid:

“Hija naturali li wieħed ikun jixtieq ħajja ta’ paċi u kuntentizza, nieqsa minn kull forma ta’ kunflitt. Kulħadd jixtieq li jgħix f’post fejn ikun hemm il-paċi u s-sigurtà. Kull persuna tixtieq li l-villaġġ, ir-raħal jew il-belt tagħha jkunu armonjużi u siguri. Kulħadd jixtieq li pajjiżu jgħix fil-paċi, li jimxi ’l quddiem u jkollu l-affarijiet kollha li jagħmlu l-ħajja aktar komda. Fl-aħħar nett, in-nies kollha jixtiequ ġewwa qalbhom li d-dinja kollha tgħix fil-paċi.”

Il-paċi hija prezzjuża

Bla dubju ta’ xejn m’hemm xejn li jixbah il-paċi. Il-paċi hija prezzjuża. Il-paċi mhijiex is-sempliċi assenza ta’ gwerra, iżda ambjent ta’ serenità, kompetenza, prosperità u benesseri. Il-paċi hija l-istat tal-moħħ li jgħinu jiżviluppa aktar, jivvinta u jiffjorixxi.

Alla għana l-fiżjoloġija umana bil-potenzjal intrinsiku li jiddistingwi l-mard mis-saħħa u l-fenomeni kreattivi minn fenomeni distruttivi. Bl-istess mod il-bniedem għandu l-fakultajiet meħtieġa biex jixtieq il-paċi u jifhem għaliex il-paċi hija importantissma għall-iżvilupp tagħna lkoll.

Marda ċkejkna tista’ tinfluwenza l-ġisem kollu

Mingħajr paċi d-dinja ma tistax timxi ’l quddiem, u lanqas il-bniedem ma jista’ jikber u jgħix il-ħajja mixtieqa. Anke jekk ikun hemm kwistjonijiet żgħar, dawn ukoll jaffettwaw ħajjitna, bħal marda ċkejkna li tista’ tinfluwenza l-ġisem kollu u tagħmlu jħossu skomdu. Ftit uġigħ f’xi parti tal-ġisem jagħmel il-ġisem kollu jbati, bl-istess mod, anke tfixkil żgħir jista’ jġiegħel lis-soċjetà kollha tbati; ġlied u kunflitti f’xi pajjiżi jistgħu jagħmlu lid-dinja kollha tbati u tħoss l-uġigħ u l-piż.

Naħdmu għall-paċi

Għalhekk, kemm huwa importanti li nifhmu u nixtiequ l-paċi dejjiema għalina u għad-dinja kollha, u mhux biss nixtiequ iżda naħdmu għaliha. Huwa wkoll importanti li naħsbu fil-qagħda kritika fid-dinja, insemmgħu leħinna u nesprimu l-biżgħat tagħna dwar in-nuqqas ta’ paċi u sigurtà li hawn fid-dinja. Huwa l-ħtieġa taż-żmien li nsejħu għar-restrizzjoni u r-riformi urġenti sabiex jitħarsu l-paċi u s-sigurtà fid-dinja.

It-theddida tal-lemin estrem

Imma sfortunatament ħafna, minflok ma jirranġaw il-modi tagħhom, qed jagħmlu s-sitwazzjoni tmur għall-agħar kuljum. Rajna wkoll iż-żieda fil-lemin estrem li qed ikun ta’ theddida profonda u serja għall-paċi u l-benesseri tal-Ewropa u partijiet oħra tad-dinja. Din it-theddida f’isem in-nazzjonaliżmu mhux biss tiskala sitwazzjoni f’ċerti pajjiżi imma din ukoll qed topponi soċjetajiet multikulturali u pluralistiċi.

Il-villaġġ globali

Minflok ma nsibu modi u mezzi ta’ eżistenza armonjuża u inklussiva, ideoloġiji bħal dawn qed jibnu ħitan fi ħdan komunitajiet, soċjetajiet u tabilħaqq fil-pajjiżi. Għandna nitgħallmu naċċettaw, insostnu u nħaddnu din ir-realtà li d-dinja saret ‘villaġġ globali’, u l-ebda pajjiż ma jaffordja li jgħix f’iżolament. Jekk tassew nixtiequ l-paċi, allura rridu nifhmu dan il-fenomenu u naħdmu biex ngħixu b’mod paċifiku, armonjuż u bħal aħwa ma’ xulxin.

F’din l-era tal-globalizzazzjoni huwa importanti li nagħmlu minn kollox biex inwasslu l-messaġġ tal-paċi, tal-imħabba u tal-ħbiberija lil kulħadd, bla ebda differenza ta’ reliġjon, ta’ razza jew ta’ nazzjonalità u fehmiet politiċi.

Nosservaw il-ġustizzja

Hemm bżonn urġenti biex il-poter fid-dinja jiġi bbilanċjat. Ir-riżorsi naturali jiġu mqassma b’mod ugwali sabiex kulħadd jieħu dak li huwa dritt tiegħu u mhux iktar. Nazzjonijiet foqra u pajjiżi taħt l-iżvilupp m’għandhomx jiġu injorati bl-ebda mod. Il-pajjiżi żviluppati u sinjuri għandhom jgħinu lin-nazzjonijiet mhux żviluppati biex jieqfu fuq saqajhom.

L-ekwità, il-fairness u l-ġustizzja għandhom jipprevalu fuq kull interess personali. F’dan ir-rigward tal-ġustizzja vera u sħiħa, Alla l-Ħanin jgħid fil-Koran Imqaddes li, “u meta titkellmu osservaw il-ġustizzja, ukoll jekk il-persuna kkonċernata tkun tiġi minnek, u ssodisfaw il-patt ta’ Alla.” (6:153)

Dan huwa l-livell ta’ ġustizzja u ugwaljanza li d-dinja għandha bżonn illum.

Sabiex jinkiseb dan l-għan, u jiġu solvuti l-problemi eżistenti, il-pajjiżi kollha jeħtieġu li jikkollaboraw flimkien u bi spirtu ta’ unità jekk iridu li jiksbu l-paċi dejjiema.Għalhekk, huwa ferm importanti li flimkien niġbdu ħabel wieħed u nsiru familja umana waħda. Għax fl-għaqda hemm is-saħħa.

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya, Ahmadiyya Malta, Ahmadiyya: The True Islam, Justice, Peace, Quran, www.Ahmadiyya.mt and tagged , , , . Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.