Il-kastig tad-dagħa u Asia Bibi
Il-Lehen – Il-Ħadd 10 ta’ Frar 2019
Imam Laiq Ahmed Atif President Ahmadiyya Muslim Jamaat Malta amjmalta@gmail.com
Qrajt l-artiklu ‘Il-problema tal-liġi kontra d-dagħa fil-Pakistan’ (Il-Leħen, 6 ta’ Jannar). F’dan l-artikolu ssemmew suġġetti importanti fosthom il-bżonn tad-djalogu interreliġjuż, theddida mil-liġijiet kontra d-dagħa u l-każ partikulari ta’ Asia Bibi.
Bibi, mara Nisranija li kienet akkużata b’dagħa u nżammet għal kważi tmien snin f’ħabs, f’Ottubru 2018 il-Qorti Suprema tal-Pakistan ma sabithiex ħatija għall-akkużi miġjuba kontriha u ħelsitha. Din is-sentenza kienet ikkonfermata l-ġimgħa l-oħra. Il-Qorti qalet li l-akkużi kollha kienu foloz.
Mill-bidu sal-laħħar ta’ dan l-episodju orribbli, Bibi minn dejjem ċaħdet li qatt ma għamlet rimarki li jistgħu jitqiesu dagħa. Wara l-ewwel deċiżjoni tal-Qorti Suprema saru protesti kbar fit-toroq madwar il-Paskistan minn estremisti. Fl-aħħar, wara ftehim mal-gvern, huma appellaw minn din id-deċiżjoni.
Din hi sfortunata kbira. Kien ħażin li wara d-deċiżjoni tal-Qorti Suprema f’Ottubru hi baqgħet priġuniera u nħelset biss wara d-deċiżjoni tal-appell imressaq kontra l-ħelsien tagħha.
Dan kollu għamilha vittma ta’ inġustizzja għax kif jgħidu bl-Ingliż Justice delayed is justice denied.
Sfortunatament, il-liġijiet kontra d-dagħa ħafna drabi jintużaw biex isolvu kwestjonijiet personali. Dan sar daqshekk sempliċi u faċli li meta wieħed ma jistax isib soluzzjoni legali għall-għira personali kontra l-minoranzi, din l-għodda ta’ dagħa tintuża biex taħqarhom u, possibbilment, teqred il-ħajja tagħhom. Assolutament jien ma naqbilx ma’ dawn il-liġijiet diskriminatorji.
Irrid, imma, nispjega fil-qosor x’jgħid l-Iżlam dwar dan. Skont il-Koran Imqaddes – il-ktieb sagru tal-Musulmani – id-dagħa hu għemil skuraġġut u kkundannata. Madankollu, m’hemm l-ebda piena dinjija li ġiet preskritta għal dan id-dnub. Il-Koran jiddikjara li l-akkużi ta’ dagħa, kemm jekk huma veri kif ukoll jekk huma foloz (u Alla jaf kollox), jistgħu jiġu kkastigati biss minn Alla u mhux mill-bniedem (Il-Koran, 33:58).
Sfortunatament, imma, ħafna nies madwar id-dinja inklużi ħafna Musulmani jemmnu li d-dagħa hi att li għandu jiġi kkastigat fid-dinja. Jemmnu li għandhom id-dmir li jikkastigaw liż-żeblieħa u lill-blasfemi. Jemmnu li jekk xi ħadd jitkellem kontra Alla, il-Qaddis Profeta Muħammad, il-Koran Imqaddes u l-Iżlam hu għandu jiġi kkastigat bil-piena tal-mewt.
Ir-realtà hi kompletament differenti. L-Iżlam, imgħallem mill-Profeta Muħammad, imkien ma jitkellem dwar kastigi f’din id-dinja għal min hu ħati ta’ dagħa. L-ebda mewt jew kastig ieħor mhu preskritt. Il-Koran Imqaddes jagħti gwida ċara dwar dan u jgħid:
“Meta tisimgħu s-sinjali ta’ Alla jiġu miċħuda u mżebilħa, toqogħdux ħdejhom sakemm ibiddlu d-diskors; għax f’dak il-każ tkunu bħalhom.” (Il-Koran, 4:141 u 6:69)
Wieħed għandu jinnota li minflok jikkastigaw lill-blasfemi, il-kredenti għandhom jitbiegħdu mill-kumpanija tagħhom sakemm dawn ibiddlu s-suġġett tad-diskussjoni tagħhom. Siltiet bħal dawn juru b’mod ċar kristal li, skont l-Iżlam, il-blasfemija u d-dagħa ma jistgħux jiġu kkastigati mill-bnedmin.
Fil-każ ta’ Asia Bibi, il-Qorti Suprema kkonfermat li ma saret l-ebda blasfemija minn din il-persuna. Il-mistoqsija li nagħmel hi: Għaliex allura baqgħet il-ħabs jew f’xi post moħbi bħall-ħabs? Għaliex ma ġietx illiberata biex tgħix ħajja normali?
Nittama li l-Gvern tal-Pakistan wara s-sentenza tal-ġimgħa l-oħra għamel dak li kellu jagħmel, mingħajr dewmien u ta l-ħelsien lil Asia Bibi biex din tgawdi ħajja mal-familja tagħha. L-Gvern għandu jara wkoll li dawn il-liġijiet ma jiġux użati aktar kontra nies innoċenti fil-futur. Hu dmir tal-Gvern li jara li jieqef dan l-abbuż kontra l-minoranzi permess tal-liġijiet kontra d-dagħa.
Nappella wkoll lill-Gvern biex jara li kull komunità jkollha l-libertà tar-reliġjon. Biex iċ-ċitadini kollha jistgħu jipprattikaw ir-reliġjonijiet tagħhom mingħajr l-ebda biża’ u fl-atmosfera tal-armonija, is-serenità u l-paċi.