Noble Virtue

VIRTÙ NOBBLI

Is-servizz lill-umanitá huwa virtù nobbli u għemil dinjituż. Kull reliġjon fid-dinja – kemm jekk hija l-Iżlam, il-Kristjaneżmu, l-Induwiżmu, jew il-Ġudaiżmu – kollha jippromwovu u jirrakkomandaw bi sħiħ din il-virtù nobbli li wieħed iservi lill-bnedmin ħutu b’altruwiżmu u b’devozzjoni u sinċerità kbira.

Dan l-att dinjituż li wieħed iservi l-umanità jiggarantixxi t-tixrid tal-imħabba, l-armonija, ir-rispett u l-fraternità fis-soċjetà; u jassigura li jkun hemm ambjent san u vibranti għal kulħadd.

F’dak li jirrigwarda lill-Iżlam hemm żewġ partijiet maġġuri mit-tagħlim tiegħu: waħda hija l-obbligazzjoni lejn Alla u l-oħra hija l-obbligazzjoni lejn il-ħolqien ta’ Alla. L-obbligazzjoni lejn Alla hija li wieħed jikkonsidra li Huwa jistħoqqlu l-ubbidjenza u l-obbligazzjoni lejn il-ħolqien hija li wieħed għandu jkun ħanin mal-ħolqien ta’ Alla. Fil-qosor, it-tnejn iridu jimxu paralleli ma’ xulxin jiġifieri li l-qima lejn Alla u l-mogħdrija mal-ħolqien ma jistgħux jinfirdu minn xulxin.

Il-Fundatur tal-Komunità Ahmadiyya jiddikjara: “Hemm żewġ komponenti biss ta’ reliġjon: waħda hija l-imħabba sħiħa lejn Alla u l-oħra hija li wieħed tant għandu jħobb l-umanità li wieħed għandu jaħseb li d-diffikultajiet tagħhom isiru kompletament tal-individwu.”

Il-Komunità Ahmadiyya Musulmana li tħaddan il-motto magħruf tagħha “Imħabba għal kulħadd, mibegħda għal ħadd” hija dejjem impenjata biex isservi lill-umanità f’kull soċjetà fejn tgħix b’entużjażmu u devozzjoni.

Filwaqt li jkompli jenfasizza l-fatt tal-importanza tas-servizz lill-umanità u filwaqt li jkompli jħeġġeġ lill-komunità tiegħu biex dejjem tkun lesta biex taqdi lill-umanità, huwa jikteb:

“Il-prinċipju li nħaddnu huwa dak li għandna l-ġenerożità f’qalbna għall-bnedmin kollha. Jekk xi ħadd jara d-dar tal-ġar li huwa Ħindu qiegħda taqbad u ma jersaqx ’il quddiem biex jgħin ħalli jintefa n-nar, sinċerament niddikjara li dak m’għandux x’jaqsam miegħi. Jekk xi ħadd mis-segwaċi tiegħi, meta jara lil xi ħadd qed jipprova joqtol wieħed Nisrani ma jippruvax isalvah, jien niddikjara solennement li dak m’għandux x’jaqsam magħna.”

Bla dubju ta’ xejn, l-ebda att ta’ ġenerożità m’għandu inqas importanza minn oħrajn, madanakollu ċerti azzjonijiet huma importanti ħafna u għandhom jiġu rikonoxxuti. Wieħed minn dawn l-atti erojċi sar minn membru tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana, Masood Malik, flimkien ma’ xi rġiel oħra, meta salvaw il-ħajja ta’ żewġt irġiel meta l-karozza tagħhom laqtet crash barrier, inqalbet u ħadet in-nar fi Triq St Andrew’s, San Ġiljan.

Masood jirrakkonta li kienu xi 1.30am tal-Ħadd filgħodu tal-21 ta’ Ġunju meta ra karozza maqluba qed taqbad, waqt li kien qed isuq minn dawk l-akkwati. Huwa pparkja f’daqqa u ġera lejn il-karozza. Huwa sema’ n-nies iwerżqu għall-ajjut u għaldaqstant iddeċieda li jkisser il-ħġieġa ta’ wara. Huwa rnexxielu u ħareġ raġel minn ġol-karozza li kienet qed taqbad. Sadattant, waslu tlieta min-nies oħra u flimkien irnexxielhom joħorġu lit-tieni persuna minn ġol-karozza.  

Masood għandu wkoll taħriġ fl-ewwel għajnuna u huwa bniedem sportiv, ħiliet li żgur jgħinu biex isalvaw il-ħajjiet tan-nies.  

Jiena qed nikteb din l-istorja biex minnha nislet ftit konklużjonijiet bażiċi. L-ewwel nett, qatt taħseb li hemm xi tagħlim li mhux relevanti, għaliex kulma nitgħallmu huwa utli u jista’ jservi biex ngħinu lil ħaddieħor. It-tieni, it-taħriġ fl-ewwel għajnuna huwa neċessarju immens u għalhekk nissuġġerixxi li ħafna aktar nies ikollhom ftit taħriġ bażiku.

It-tielet, qatt toqgħod lura meta tinqala’ opportunità biex tgħin lil ħaddieħor, anki f’affarijiet żgħar. Ir-raba’, li sservi lill-umanità hija kawża nobbli għalhekk kollha għandna nkunu impenjati li ngħinu lill-bnedmin b’kull mod possibbli, fiċ-ċrieki tagħna u anki aktar, skont il-ħiliet u l-kapaċitajiet tagħna. Kif ngħidu bil-Malti ‘Kull qatra tgħodd’; ċertament li kull att ta’ ġenerożità għandu l-valur tiegħu.

Is-servizz lejn l-oħrajn huwa riċetta għal ħajja twila. Alla Gglorifikat wiegħed fil-Koran Imqaddes li dawk li jgħinu lill-proxxmu u juru li huma esseri fejjieda, ikollhom ħajjithom imtawla. “Dak li jkun ta’ fejda lill-bniedem, jibqa’ fid-dinja.” (13:18)

Huwa assolutament vera li l-ħajja ta’ persuna li hija sors ta’ fejda għad-dinja hija mtawla, u wieħed li jaqla’ l-inkwiet jitlaq minn din id-dinja aktar malajr.

L-aqwa ta’ ġens il-bniedem huwa dak li jservi lill-umanità. 

It-Torċa, Il-Ħadd 19 ta’ Lulju 2020, minn Laiq Ahmed Atif, President Ahmadiyya Muslim Jamaat Malta. amjmalta@gmail.com

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in #AhmadiyyaMalta, Ahmadiyya Malta, Ahmadiyya Muslim Jamaat Malta, Ahmadiyya: The True Islam, Human Rights, Humanitarian Work - Serving Mankind, Humanity First, Serving Mankind, Solidarijetà, Solidarity, www.Ahmadiyya.mt and tagged , , , . Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.