Naqdu lil Ħaddieħor
Għandek tkun l-id ta’ fuq għax huwa dak li tonfoq, tagħti u taqdi lill-bnedmin oħra; tkun dak li tagħti minflok tieħu.
LAIQ AHMED ATIF | amjmalta@gmail.com | Torċa 5 ta’ Settembru 2021
Il-ġenerożità u l-ħidma soċjali huma valuri umani mill-isbaħ. Bla dubju ta’ xejn, il-pjaċir, il-ferħ, is-sodisfazzjon u s-serħan tal-moħħ li persuna tħoss wara li taqdi lil ħaddieħor huma inkredibbli, u ma jistgħux jiġu espressi fi kliem, iżda jistgħu jinħassu biss permezz tal-esperjenza personali. Għalhekk, wieħed irid jaqdi lil ħaddieħor biex jesperjenza kuntentizza u sodisfazzjon tal-qalb, għax, verament, il-ġest tas-solidarjetà jġib ferħ u sodisfazzjon ta’ qalb.
Għalhekk, il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, darba qal: “L-id ta’ fuq hija aħjar mill-id t’isfel: l-id ta’ fuq tagħti u tonfoq, l-id t’isfel tittallab u tirċievi.”
L-Iżlam, bħala reliġjon, jenfasizza ħafna fuq din il-filosofija li tagħti minflok tieħu xi ħaġa, li taqdi lil ħaddieħor minflok li tinqeda. L-enfasi fl-Iżlam huwa li inti tieħu s-sodisfazzjon billi tkun ta’ servizz għal ħaddieħor u mhux viċiversa. Il-parti li jmiss meħuda minn vers mill-Koran Imqaddes proprju twassal dan il-messaġġ:
“Inti tkun mill-aħjar nies meta tkun ta’ servizz għall-oħrajn u tittella’ għall-fejda tal-umanità; inti tamar it-tajjeb, u tevita l-ħażin u temmen f’Alla.” (3:111)
Dan il-vers juri biċ-ċar kemm huwa importanti għalina li biex inkunu ġusti u twajba huwa importanti, anzi, obbligatorju li rridu naqdu l-ħolqien ta’ Alla. Wieħed għandu jistinka biex ikun ġust, umli u maħbub ta’ Alla billi jkun ta’ servizz għal ħaddieħor ħalli l-pjaċiri jgħaddu minn proxxmu għal ieħor.
Ir-Raba’ Kalif tal-Komunità Ahmadiyya jispjega dan iktar u jgħid li l-aċċenn fuq is-servizz mhux biss approċ iebes u bla ħeġġa, iżda attentat biex jiġu rfinuti l-attitudnijiet tal-bniedem u li titnissel fih ħajra għal valuri aktar sofistikati. Hekk kif jiġu żviluppati attitudnijiet aktar irfinuti, il-bnedmin jistgħu jiġu mħarrġa biex jieħdu gost ikunu ta’ servizz għall-oħrajn aktar milli jkunu biss reċipjenti tal-favuri u li jingħataw huma servizz mingħand ħaddieħor.
Nofs il-fidi huwa s-servizz lejn il-ħolqien ta’ Alla. Il-prinċipju fl-Iżlam jidher li għemil ta’ tjubija huwa premju fih innifsu. Imur lil hinn mir-renju tal-argument; dan jista’ jiġi biss esperjenzat.
L-Iżlam ta definizzjoni daqshekk wiesgħa lill-karità u s-solidarjetà, li dan mhux biss biex tgħin lil dawk fil-bżonn b’xi flus, iżda dan huwa valur uman sabiħ ħafna li għandu tifsira usa’ ħafna. Allura, kull għemil tajjeb u kull tip ta’ għajnuna huma kkunsidrati bħala karità u solidarjetà, u jistħoqqilhom premju mingħand Alla.
Il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, kien qal: Il-karità għandha tingħata minn kull driegħ u riġel ta’ persuna f’kull ġurnata li titla’ x-xemx.
Li titwettaq il-ġustizzja bejn tnejn min-nies hija karità, li tgħin persuna jirkeb il-bhima tiegħu jew li tqiegħed l-affarijiet tiegħu fuqha hija karità, li tneħħi minn toroq dak kollu li joħloq xkiel hija karità.
It-tħawwil ta’ siġra huwa att ta’ karità. Kelma tajba hija karità.
Jekk persuna għandu ma jkollha xejn, għandha taħdem b’idejha stess għall-ġid tagħha u biex toffri l-karità. Jekk mhijiex kapaċi taħdem, għandha xorta tgħin lil xi ħadd fil-bżonn u bla għajnuna ta’ xejn. Jekk lanqas mhi kapaċi twettaq dan, mela għandha tħajjar oħrajn biex jagħmlu l-ġid. Jekk ma tasalx għal dan lanqas, mela għandha trażżan lilha nnifisha milli twettaq il-ħażin. Dan ukoll huwa karità.